Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Dik ix-xiħa żeffiena!

Dik ix-xiħa żeffiena!


Naħseb li bħali rajtu Sanremo! U min qatt seta’ tabilħaqq jimmisja il-magħrufa kanzunetta numru 9, interpetata b’mod eċċelelenti mill-grupp Lo Stato Sociale? Jiġifieri Una vita in vacanza? U, la issa ġejna għall-punt, min minna ma rax u ma ggustax ukoll lix-xiħa żeffiena? Serja serja imma ħej il-passi u l-pożi tassew taf tagħmilhom? U tagħmilhom f’waqthom?

Din l-imbierka xiħa, żeffiena, li serqet kompletament il-palk tat-teatru Ariston f’Sanremo, m’hija ħadd għajr l-Ingliża Paddy Jones. Il-ħeffa u l-kapaċità tagħha li tiżfen, minkejja t-83 sena li l-Mulej taha, juru li hija żeffiena salsa. Miż-żfin tagħha din iż-żeffiena mhux tal-ħabba gozz tafux! Mela le! Fil-fatt, fl-2009, Paddy Jones, flimkien mal-kumpann taż-żfin tagħha Nico, kienet ir-rebbieħa tat-talent show Spanjol Tú sí que vales. Barra minhekk Paddy u Nico ikkompetew fit-tmien serje ta’ Britain’s Got Talent. F’din il-kompetizzjoni spiċċaw id-disa’ post fuq kulħadd.

U, din iż-żeffiena akrobatica u, fl-istess ħin, trankwilla kemm tridha, seħħilha issa tidħol għall-kompetizzjoni l-kbira tal-mużika Taljana f’Sanremo. L-esibizzjoni tagħha mal-grupp mużikali elettropop Bolonjiż, Lo Stato Sociale, kienet impekkabbli. Ta’ min jgħid li Sarah Patricia Jones, l-isem uffiċjali tagħha, għandha f’idejha r-record tal-ixjeħ żeffiena tas-salsa akrobatika. Tajjeb ngħidu wkoll li l-midja soċjali apprezzaw u ippremjaw bis-sħiħ l-impenn tagħha. Fil-fatt, uħud minn dawn il-midja soċjali ħarġu b’dan l-islogan: “Saremo se tirbħu hi din is-sena!”

Fl-2017 Paddy Jones kienet ukoll il-mistiedna fil-magħruf programm televiż li beda jixxandar mill-2005 fuq Rai 1, immexxi minn Milly Carlucci u bl-għajnuna ta’ Paolo Belli, Ballando con le stelle. Fl-istess sena lil Paddy narawha wkoll bħala l-mistiedna ta’ Tu si que vales. Paddy twieled nhar l ta’ Lulju 1934 fi Stourbridge, fl-Ingilterra. Bdiet tiżfen iż-żifna klassika meta kellha sentejn u nofs. U, ta’ ħmistax-il sena, bdiet tieħu l-lezzjonijiet biex tiżviluppa diversi stili ta’ żfin. Mill-mod ta’ kif tiżfen jidher ċar kristall kemm it-talent taż-żfin jinsab tabilħaqq jiġri fil-vini tagħha!

Paddy saret star f’din l-edizzjoni ta’ Sanremo wara d-dehra tagħha fuq il-palk tal-Ariston flimkien mal-Istato Sociale. Ma ninsewx li fid-diska mill-isbaħ tagħhom, una vita in vacanza, li skont il-ġurnalist Andrea Laffranchi ta’ Il Corriere della Sera kienet il-kandidata idejali Taljana għall-Eurovision 2018, l-Istato Sociale ikantaw hekk: “Xiħa li tiżfen, xejn ġdid li qed jiżviluppa iżda l-grupp kollu li qed idoqq u jkanta” (“Una vecchia che balla, niente nuovo che avanza ma tutta la banda che suona e che canta”). Wara li żewġha miet, in-“nanna” Paddy iddeċidiet li tibda’ tattendi għall-lezzjonijiet tal-flamenco fl-akkademja taż-żfin ta’ Nicolás “Nico” Espinosa. Minn hemm bdiet titgħallem tiżfen is-salsa u iffurmat id-duo salsa “Son del Timbal” ma’ dan iż-żeffien. Xi ħadd, fuq Twitter, kiteb hekk: “Irrid Sanremo bix-xadina ta’ Gabbiani, in-Nanna tal-Istato Sociale, il-kanzunetta La Terra dei Cachi ta’ Elio, ir-Righeira (ta’ Vamos A La Playa) bis-suċċessi kollha tagħhom …”

Twitter oħra tfisser ir-rabta bejn il-live ta’ Occidentali’s karma u Una vita in vacanza. “L-esibizzjoni tal-Istato Sociale wriet il-misteru mill-akbar tas-sena l-oħra: min kien hemm fix-xadina ta’ Gabbiani”.

Hu x’inhu l-każ Paddy Jones fakkrittni fil-kliem sabiħ ta’ apprezzament li Papa Franġisku għamel lill-anzjani nhar l-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2015:

“Qabel xejn importanti nagħfsu fuq ħaġa: hu minnu li s-soċjetà tfittex li teħles minna, imma żgur li l-Mulej le. Il-Mulej qatt ma jarmina. Hu jsejħilna biex nimxu warajh f’kull età tal-ħajja, u anki l-anzjanità fiha grazzja u missjoni, vokazzjoni vera tal-Mulej. L-anzjanità hi vokazzjoni. Għadu ma wasalx il-waqt li ‘niġbdu x-xbieki għal ġod-dgħajsa’. Dan il-perjodu tal-ħajja bla dubju hu differenti minn dawk ta’ qablu; xi ftit irridu anki ‘noħolquh’, għax is-soċjetajiet tagħna m’humiex lesti, spiritwalment u moralment, biex lil dan il-mument tal-ħajja jagħtuh il-valur sħiħ tiegħu. Dari, fil-fatt, ma kienx daqshekk normali li jkollok iż-żmien għad-dispożizzjoni tiegħek; il-lum sar iżjed normali. U anki l-ispiritwalità Nisranija nqabdet xi ftit fuq sieq waħda, għax hemm bżonn li jkollna spiritwalità tal-persuni anzjani. Imma għall-grazzja ta’ Alla ma tonqosx ix-xhieda ta’ qaddisin irġiel u nisa anzjani!”

Paddy, jalla t-talent taż-żfin li għandek jissokta joħloq u fina bħala soċjetà l-valur li lill-anzjani ngħinuhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom! Hekk intom, għeżież anzjani, tgħinuna niżfnu magħkom iż-żifna tal-ħajja!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: