Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-konverżjoni tal-ħsieb

Il-konverżjoni tal-ħsieb


It-Tnejn 5 ta’ Marzu, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li l-Knisja titlob minna konverżjoni tal-ħsieb skont it-tagħlim ta’ Kristu.

Ir-reliġjon u l-fidi mhumiex spettaklu, qal il-Papa waqt li kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-ġurnata li jirrakkonta l-fejqan ta’ Nagħman tas-Sirja, u dwar il-Vanġelu skont Luqa li fih Ġesù jistqarr li ebda profeta m’hu milqugħ f’pajjiżu.

Franġisku fakkar li f’dan iż-żmien tar-Randan il-Knisja tgħidilna biex nirriflettu fuq il-konverżjoni tal-ħsieb, tal-istil tiegħu, minbarra l-konverżjoni tal-opri u tas-sentimenti.

Il-Knisja, qal Franġisku, tgħidilna li l-opri tagħna jeħtieġu konverżjoni u tkellimna dwar il-karità, is-sawm, il-penitenza: dik hi l-konverżjoni tal-opri. Tgħidilna biex nagħmlu opri tajba u ġodda bl-istil nisrani, l-istil li jiġi mill-Beatitudnijiet li naqraw fil-Vanġelu ta’ San Mattew.

Il-Knisja tkellimna wkoll dwar il-konverżjoni tas-sentimenti għax dawn ukoll jeħtieġu l-konverżjoni. Naħsbu ftit dwar il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, innota l-Papa: nikkonvertu ħalli jkollna aktar ħniena, sentimenti kristjani.

Imma llum il-Knisja tkellimna dwar il-konverżjoni tal-ħsieb: mhux dwar dak li naħsbu imma dwar kif naħsbu, l-istil tal-ħsieb. Jien naħseb bi stil nisrani jew bi stil pagan?, staqsa l-Papa. Dan hu l-messaġġ li ttina l-Knisja llum.

Dwar l-episodju ta’ Nagħman tas-Sirja, marid bil-lebbra, il-Papa qal li dan mar għand Eliżew biex ifiq, u jisimgħu jgħidlu biex imur jinħasel għal seba’ darbiet fil-Ġordan. Nagħman jidhirlu li l-ilmijiet ta’ Damasku huma aħjar mill-ilmijiet ta’ Iżrael, jagħdab u jrid imur lura mnejn ġie bla ma jobdi. Ir-raġuni hi li Nagħman kien qed jistenna l-ispettaklu, filwaqt li l-istil t’Alla hu differenti. Alla jfejjaq mod ieħor, kompla jgħid Franġisku.

L-istess jiġrilu Ġesù meta jmur lura lejn Nazaret u jidħol fis-sinagoga. Għall-ewwel in-nies bdew iħarsu lejh bi stagħġib u dehru ferħanin. Iżda qatt ma jonqos li jkun hemm xi ħadd ilsienu twil li beda jgħid: ‘Dan mhux bin il-mastrudaxxa? X’jista’ jgħallimna…? F’liema università studja?’

‘Iva, hu bin Ġużeppi.’  U b’hekk bdew l-argumenti bejn in-nies u spiċċaw biex riedu joqtluh. Mill-ammirazzjoni u l-istagħġib, il-burdata nbidlet u riedu joqtluh. Dawn ukoll riedu l-ispettaklu – il-mirakli bħal dawk li kien għamel fil-Galilija – biex huma jemmnu fih.

U Ġesù jispjega: ‘Fil-verità ngħidilkom li ebda profeta m’hu milqugħ f’pajjiżu.’ Għax aħna nagħmlu r-reżistenza biex naċċettaw li xi ħadd jista’ jikkorreġina. Ikun hemm bżonn jiġi xi ħadd spettakolari biex jikkorreġina, kompla jgħid il-Papa.

Imma r-reliġjon mhix spettaklu. Il-fidi mhix spettaklu: hija l-Kelma t’Alla u hija l-Ispirtu s-Santu li jaħdem fina. Għalhekk il-Knisja, saħaq il-Papa Franġisku, tistedinna biex nibdlu l-mod kif naħsbu, l-istil ta’ kif naħsbu. Nistgħu ngħidu l-Kredu u ntennu d-dommi kollha tal-Knisja, imma jekk dan ma nagħmluhx bi spirtu kristjan, ma jkun jiswa xejn.

Il-konverżjoni tal-ħsieb: m’aħniex imdorrijin b’dan imma anke l-mod kif naħsbu, il-mod kif nemmnu, jeħtieġu l-konverżjoni. Nistgħu nistaqsu: B’liema mod naħseb jiena: bl-ispirtu tal-Mulej jew bl-ispirtu tiegħi, bl-ispirtu tal-komunità li ngħix fiha, jew tal-grupp tal-qalba li nagħmilha magħhom, skont il-klassi soċjali jew il-partit politiku li nappoġġja? B’liema spirtu naħseb jiena?

Għandna nfittxu dejjem, temm il-Papa, li naħsbu bl-ispirtu ta’ Alla u nitolbu l-grazzja li niddixxernu u nifhmu meta minflok inkunu qed naħsbu bl-ispirtu tad-dinja. Għalhekk, għandna nitolbu l-grazzja tal-konverżjoni tal-ħsieb.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: