Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Alla jaħfrilna dment li aħna naħfru lill-oħrajn

Alla jaħfrilna dment li aħna naħfru lill-oħrajn


It-Tlieta 6 ta’ Marzu, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Attenti biex ma tbejtu lil ħadd f’qalbkom. Waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku wissiena dwar il-periklu li nsiru lsira tal-mibegħda u fakkar illi l-ewwel pass biex Alla jaħfer lilna hu li nagħrfu li aħna midinbin.

 

 

Fl-ewwel qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, insibu r-rakkont ta’ Għażarija li, minħabba li ma riedx jiċħad lil Alla, intefa’ fil-forn jaħraq. Għażarija ma jilmentax m’Alla minħabba dak li kien qed iġarrab, ma jlumux, anzi jistqarr il-fedeltà tiegħu lejH.

Huwa jkompli jistqarr il-kobor t’Alla u jinżel fl-għeruq tal-ħażen meta jgħid: ‘Int dejjem salvajtna, imma sfortunatament aħna dnibna.’ Hu jakkuża lilu nnifsu u lill-poplu tiegħu.

U Franġisku afferma: li nakkużaw lilna nfusna hu l-ewwel pass lejn il-maħfra. Parti mill-għerf nisrani hu li nakkużaw lilna nfusna. Mhux nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor, le, insista l-Papa, nakkużaw lilna nfusna: ‘Jiena dnibt.’

U meta nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza nżommu dan f’moħħna: Alla hu kbir u tana bosta ħwejjeġ, madankollu jien dnibt, offendejt lill-Mulej, u għalhekk nitolbu s-salvazzjoni.

Franġisku, bħalma jagħmel spiss, irrakkonta storja ta’ mara li marret tqerr u bdiet lista ta’ dnubiet tal-kunjata tagħha biex tipprova tiġġustifika dak li għamlet hi, sakemm is-saċerdot qalilha: ‘Tajjeb, issa għidli liema huma d-dnubiet tiegħek.’

Il-Mulej jogħġbu meta aħna nakkużaw lilna nfusna għax il-Mulej jilqa’ l-qalb niedma. Bħalma jgħid Għażarija: ‘Xejn ma jitħawdu dawk li jittamaw fik.’ Il-qalb niedma hi dik li tgħid il-verità lill-Mulej: ‘Jien għamilt hekk u hekk. Mulej, dnibt kontra tiegħek.’

U l-Mulej jitboqlok fommok bħalma għamel missier l-iben il-ħali li ma ħalliex lil ibnu jitkellem. Minflok, imlieh b’imħabbtu, ħafirlu kollox.

Franġisku stedinna biex ma nistħux nistqarru dnubietna għaliex hu l-Mulej li jiġġustifikana, li jaħfrilna, mhux darba, imma dejjem. Però taħt kundizzjoni: il-maħfra t’Alla tinżel qawwija fina bil-patt li aħna naħfru lill-oħrajn. U dan mhux faċli, għax jekk inħallu l-mibegħda tbejjet f’qalbna, din dejjem tħalli l-qrusa fina. Tant drabi nġorru magħna l-lista ta’ dak li jkunu għamlulna: ‘Dak għamilli hekk, għamilli l-oħra, għamilli dan…’

Il-Papa wissiena biex ma nħallux il-ktajjen tal-mibegħda jxekkluna.  Dawn huma xjaten, għax il-mibegħda tjassarna.

Franġisku temm jgħid: Dawn huma ż-żewġ affarijiet li jgħinuna nifhmu kif naħfru: ‘Int kbir, Mulej, iżda jien, sfortunatament, dnibt’;  u, ‘Iva, naħfirlek sebgħa għal sebgħa u sebgħin darba, bil-patt li int taħfer lill-oħrajn.’

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: