Liturġija tal-Ewkaristija: II. It-Talba Ewkaristika


12. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 7 ta’ Marzu 2018.

ħeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżi fuq il-Quddiesa u b’din il-katekeżi nieqfu ftit fuq it-Talba Ewkaristika. Meta jintemm ir-rit tal-preżentazzjoni tal-ħobż u l-inbid, tibda t-Talba Ewkaristika, li tikkwalifika ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u hi l-mument ċentrali tagħha, ordnat lejn it-Tqarbin imqaddes.

 

Tikkorrispondi għal dak li għamel Ġesù nnifsu, fuq il-mejda mal-Appostli fl-Aħħar Ċena, meta “radd il-ħajr” fuq il-ħobż u mbagħad fuq il-kalċi tal-inbid (ara Mt 26:27; Mk 14:23; Lq 22:17,19; 1 Kor 11:24): ir-radd ta’ ħajr tiegħu jieħu l-ħajja mill-ġdid f’kull Ewkaristija tagħna, meta ningħaqdu mas-sagrifiċċju tas-salvazzjoni tiegħu.

U f’din it-Talba solenni – it-Talba Ewkaristika hi solenni – il-Knisja tesprimi dak li hi tagħmel meta tiċċelebra l-Ewkaristija u r-raġuni għaliex tiċċelebraha, jiġifieri li tidħol f’komunjoni ma’ Kristu realment preżenti fil-ħobż u l-inbid ikkonsagrati. Wara li jkun stieden lill-poplu biex jerfa’ qalbu ’l fuq lejn il-Mulej u jroddlu ħajr, is-saċerdot ilissen it-Talba b’leħen għoli, f’isem dawk kollha preżenti, waqt li jdur lejn il-Missier permezz ta’ Ġesù Kristu fl-Ispirtu s-Santu. “It-tifsira ta’ din it-Talba hi li l-ġemgħa kollha tal-fidili tingħaqad ma’ Kristu fit-tifħir għall-għemejjel kbar ta’ Alla u fl-offerta tas-sagrifiċċju” (Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 78). U biex nistgħu ningħaqdu, irridu nifhmu. Għalhekk, il-Knisja riedet tiċċelebra l-Quddiesa fl-ilsien li n-nies tifhem, biex kull persuna tista’ tingħaqad f’dan il-ġieħ u f’din it-talba kbira flimkien mas-saċerdot. Fil-verità, “is-sagrifiċċju ta’ Kristu u s-sagrifiċċju tal-Ewkaristija huma sagrifiċċju wieħed” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1367).

Fil-Missal hemm diversi formuli ta’ Talba Ewkaristika, kollha magħmula minn elementi karatteristiċi, li rrid infakkar hawn (ara OGMR, 79; KKK, 1352-1354). Kollha huma sbieħ immens. Qabelxejn hemm il-Prefazju, li hu azzjoni ta’ radd il-ħajr għad-doni ta’ Alla, b’mod partikulari li hu bagħat lil Ibnu bħala Feddej. Il-Prefazju jagħlaq bl-akklamazzjoni tal-“Qaddis”, li normalment titkanta. Ħaġa sabiħa li nkantaw il-“Qaddis”: “Qaddis, Qaddis, Qaddis il-Mulej”. Kemm hi ħaġa sabiħa li nkantawh! Il-ġemgħa kollha tingħaqad b’leħinha ma’ dak tal-Anġli u tal-Qaddisin biex tweġġaħ u ssebbaħ lil Alla.

Imbagħad hemm l-invokazzjoni tal-Ispirtu s-Santu biex bil-qawwa tiegħu jikkonsagra l-ħobż u l-inbid. Insejħu lill-Ispirtu biex jiġi u fil-ħobż u fl-inbid ikun hemm Ġesù. L-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu u l-qawwa tal-istess kelmiet ta’ Kristu mlissna mis-saċerdot, jagħmlu realment preżenti, taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid, il-Ġisem u d-Demm tiegħu, is-sagrifiċċju tiegħu offrut darba għal dejjem fuq is-salib (ara KKK, 1375). Ġesù f’dan kien ċar ħafna. Smajna kif San Pawl fil-bidu jirrakkonta l-kliem ta’ Ġesù: “Dan huwa ġismi, dan huwa demmi”. “Dan huwa ġismi, dan huwa demmi”. Hu Ġesù nnifsu li qalu dan. Aħna ma rridux inħallu jidħlu ħsibijiet strambi: “Imma kif jista’ jkun li ħaġa li…”. Hu l-ġisem ta’ Ġesù; u tieqaf hemm! Il-fidi: tiġi tgħinna l-fidi; b’att ta’ fidi nemmnu li dawk huma l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Hu l-“misteru tal-fidi”, kif aħna ngħidu wara l-konsagrazzjoni. Is-saċerdot jgħid: “Dan hu l-Misteru tal-fidi” u aħna nwieġbu b’akklamazzjoni. Hija u tiċċelebra l-memorjal tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, fl-istennija tar-ritorn glorjuż tiegħu, il-Knisja toffri lill-Missier is-sagrifiċċju li jħabbeb mill-ġdid flimkien is-sema u l-art: toffri s-sagrifiċċju tal-Għid ta’ Kristu billi toffri lilha nfisha miegħu u titlob li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, issir “ġisem wieħed u ruħ waħda fi Kristu” (Talba Ewkaristika III; ara Sacrosanctum concilium, 48; OGMR, 79f). Il-Knisja trid tissieħeb ma’ Kristu u ssir ġisem wieħed u ruħ waħda mal-Mulej. Hi din il-grazzja u l-frott tat-Tqarbin sagramentali: nitrejqu bil-Ġisem ta’ Kristu biex insiru, aħna li nieklu minnu, il-Ġisem ħaj tiegħu llum fid-dinja.

Dan hu misteru ta’ komunjoni, il-Knisja tingħaqad mal-offerta ta’ Kristu u mal-interċessjoni tiegħu, u f’dan id-dawl, “fil-katakombi, il-Knisja spiss narawha bħala mara titlob, b’dirgħajha miftuħin, fil-qagħda ta’ min jitlob. Bħal Kristu li fetaħ dirgħajh fuq is-Salib, bih, miegħu, u fih, il-Knisja toffri lilha nnifisha u titlob għall-bnedmin kollha” (KKK, 1368). Il-Knisja li titlob. Kemm hi ħaġa sabiħa meta naħsbu fil-Knisja li titlob! Hemm silta fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli; waqt li Pietru kien il-ħabs, il-komunità Nisranija “kienet qiegħda titlob lil Alla għalih bil-ħerqa”. Il-Knisja li titlob, il-Knisja miġbura fit-talb. U meta aħna mmorru l-Quddiesa, hu biex nagħmlu dan: inkunu Knisja li titlob.

It-Talba Ewkaristika titlob lil Alla biex jiġbor lil uliedu kollha fil-perfezzjoni tal-imħabba, f’għaqda mal-Papa u l-Isqof, imsemmija b’isimhom, sinjal li qed niċċelebraw f’komunjoni mal-Knisja universali u mal-Knisja partikulari. Is-supplika, bħall-offerta, hi ppreżentata lil Alla għall-membri kollha tal-Knisja, ħajjin u mejtin, fl-istennija tat-tama hienja li għad naqsmu fil-wirt ta’ dejjem fis-Sema, mal-Verġni Marija (ara KKK, 1369-1371). Ħadd u xejn mhu minsi fit-Talba Ewkaristika, imma kull ħaġa hi mressqa mill-ġdid għand Alla, kif tfakkar id-dossoloġija li tagħlaqha. Ħadd mhu minsi. U jekk jien għandi xi persuni, qraba, ħbieb, li huma fil-bżonn jew għaddew minn din id-dinja għall-oħra, nista’ nsemmihom f’dak il-mument, fil-qalb tiegħi u fis-skiet jew inniżżel l-isem biex jissemma. “Dun, kemm irrid inħallas biex ismi jissemma hemm?” – “Xejn”. Fhimtuh dan? Xejn! Il-Quddiesa ma tinxtarax bil-flus. Il-Quddiesa hi s-sagrifiċċju ta’ Kristu, li hu b’xejn. Il-fidwa hi b’xejn. Jekk int trid tagħmel offerta, agħmilha, imma dan mhux bi ħlas. Dan importanti nifhmuh.

Din il-formula kodifikata tat-talb, forsi nistgħu nħossuha ftit imbiegħda minna – hu minnu, hi formula antika – imma, jekk nifhmu tajjeb it-tifsira tagħha, allura żgur nistgħu nieħdu sehem aħjar. Fil-fatt hi tesprimi dak kollu li nagħmlu fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika; u fuq kollox, tgħallimna ngħożżu tliet atteġġjamenti li qatt m’għandhom jonqsu fid-dixxipli ta’ Ġesù. It-tliet atteġġjamenti: l-ewwel, nitgħallmu “rroddu ħajr, dejjem u kullimkien”, u mhux biss f’ċerti okkażjonijiet, meta kollox ikun sejjer sew; it-tieni, nagħmlu minn ħajjitna don ta’ mħabba, ħielsa u b’xejn; it-tielet, nibnu l-komunjoni konkreta, fil-Knisja u ma’ kulħadd. Mela, din it-Talba ċentrali tal-Quddiesa tedukana, ftit ftit, biex nagħmlu minn ħajjitna kollha “Ewkaristija”, jiġifieri għemil ta’ grazzja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.