Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis 8 ta’ Marzu 2018

L-Evanġelju tal-Ħamis 8 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 11, 14-23

Skont it-twemin tal-Lhud dan kien xitan li ma jista’ jkeċċih ħadd. Kienu jemmnu li biex tkeċċi xitan minn persuna trid l-ewwel iġġiegħelu jgħid x’jismu, tagħraf min hu. Mela la l-bniedem maħkum mix-xitan ma setax jitkellem, ma setax jgħid x’jismu għax ix-xitan bikkmu u b’hekk ma setax jinħareġ minnu.

La ma setgħux ifissru dak li kien qed jiġri bdew jistennew sinjal iktar qawwi mis-sema biex jikkonferma l-qawwa ta’ Ġesù f’sitwazzjoni bħal din. Oħrajn, kif jiġri spiss, għax ma setgħux isibu argumenti validi biex bihom jispjegaw jew jikkritikaw il-qawwa ta’ Ġesù, infexxew jgħajruh u jħammġuh. Il-qawwa tiegħu ġejja min ‘Begħelżebul’. Għalina l-Maltin faċli nifhmu din il-kelma xi tfisser. Be‘el-żebul. ‘Be’el’ jew ‘Ba’al’ tfisser is-sid jew il-mulej, titlu li kien jingħata lil allat tal-Filistej, ġens mibgħud mill-poplu Lhudi. ‘Żebul’ li għandha l-istess għerq ta’ kelma li għadna nużaw bil-malti ‘ż-b-l’ li minnu nieħdu l-kliem ‘żibel’ jew ‘miżbla’ huwa l-ħmieġ jew il-post fejn jinġabar id-dubbien. Begħelżebul tfisser mulej tad-dubbien, dak li jiġbed id-dubbien fuqu għax hu ħmieġ, żibel. Lil Ġesù seħbuh mal-alla tad-dubbien.

Ix-xitan huwa ħażin imma mhux iblah. Jaf li jekk jeħodha kontra dawk li huma miegħu u tiegħu ikun qed ikisser lilu nnifsu. Meta f’familja, f’komunità jew f’soċjetà issib uħud li jiddeċiedu li jeħduha kontra oħrajn minn tagħhom ikunu qed jaqsmu, jifirdu u jwasslu biex ikissru lilhom infushom. Ulie dil-Ħażin, dan jafuh u joqgħodu attenti biex il-kompliċità tagħhom tibqa’ dejjem soda u sħiħa, imma għal xi raġuni misterjuża, ulied it-tajjeb donnhom jogħxew jinfexxu f’din l-imġieba; donnhom ma jindunawx li qed idgħajru lilhom infushom. Fejn hemm il-għaqda hemm il-qawwa, ngħidu aħna u Ġesù darba qali li ulied id-dlam, ma’ min hu tal-qata’ tagħhom jimxu bil-għaqal ħafna iktar minn ulied id-dawl. Jekk ix-xitan hu mifrud fih innifsu, qed idgħajjef lilu nnifsu u jitlef il-qawwa tiegħu.

Imma Ġesù hu ħafna iktar qawwi mix-Xitan, għax il-qawwa tiegħu ġejja minn Alla. Hu jagħraf l-identità ta’ min għandu quddiemu anke jekk mingħandu quddiemu jipprova jinħeba taħt forma jew oħra. U barra minn hekk, ikompli jistaqsi Ġesù, jekk jiena qiegħed nagħmel li qed nagħmel kif qed tgħidu intom, l-eżorċisti fostkom, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċu x-xjaten?

Imma l-bniedem il-ħażin jew il-bniedem li ma jridx jagħraf il-verità, jasal biex jagħmel minn kollox bie xitellef il-kredibiltà ta’ min hu tajjeb u jagħmel il-ġid. Mhix l-ewwel darba li nies bħal dawn jinfexxu jgħajru u jħammġu lil min jaħsbu li għandu raġun meta huma m’għandhomx. Fit-tgħajjir tagħhom toħroġ mhux biss il-mibgħeda bla sisien, iżda r-reżistenza tagħhom quddiem id-dawl tax-xemx. Nies bħal dawn qed iħallu lill-Ħażin jużahom biex ifarrak u jkisser għaz hu ħsiebu biex jifred ħa jsaltan. Nies bħal dawn ma jista’ qatt ikollhom is-sliem f’qalbhom, għax għalkemm bi kliemhom u għemilhom jattakkaw, fil-fond ta’ qalbhom neqsin mis-serħan tal-qalb għax jafu li qed jeħduha kontra s-sewwa, anke dak magħruf.

Ġesù jwissi lin-nies, ma jirrabjax magħhom. Il-ħniena tiegħu twasslu biex jiftħilhom għajnejhom. Il-Ħażin huwa fin fil-ħidma tiegħu u jekk wieħed ma jkunx attent u jishar fil-għassa tiegħu, ikun qed ħafna iktar dgħajjef meta l-Ħażin jinqeda bih. Dak li jrid ikisser il-familji tagħna, il-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna, l-ewwel idgħajjifna billi jifridna u mbagħad jaħkimna.

Alla juri l-imħabba tiegħu lejna billi jħeġġiġna biex inkunu ħaġa waħda, nitqawwew fit-tisħiħ u fis-solidarejtà ta’ bejnietna, mhux fil-ħin tal-ħtieġa biss iżda dejjem. Dan jitlob minna deċiżjoni serja. X’se nagħżel? Li nkunu ma’ Alla li jħeġġiġni nkun ħaġa waħda mal-bnedmin l-oħra jew max-Xitan li jrid ikissirna billi jifridna?

Jista jkun li aħna ħżiena m’aħniex daqs il-Ħażin iżda boloh ħafna iżjed minnu?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: