L-Evanġelju tal-Ġimgħa 9 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 12, 28b-34

Is-Sadduċej kienu staqsewh fuq iż-żwieġ biex jaraw jekk jinqabadx fin-nassa tagħhom u ma ħarġux ta’ nies. Wieħed mill-kittieba, probabli min-naħa tal-Fariżej, tal-partit l-ieħor, deherlu li seta’ joħroġ ta’ nies iktar minnhom u allura staqsa lil Ġesù liema hu l-ikbar kmandament.

Ħaseb li tkun xi tkun it-tweġiba ta’ Ġesù, qatt ma setgħet tkun bla effett ħażin fuqu għax isemmi liema kmandament isemmi kien se jħalli l-oħrajn barra. Kien jaf li la l-kelma ħarġet minn fomm Alla, ma setgħetx tkun inqas minn kelma oħra li Alla jlissen. Kull kelma li toħroġ minn fomm Alla għandha l-istess valur u l-istess importanza.

Iżda Ġesù jmur lil hinn mill-kejl tal-bniedem u t-tweġiba tiegħu hija mibnija fuq l-ispirtu tal-liġi mhux fuq il-liġi nnifisha. L-għaxar kmandamenti jiggwidaw lil min irid jobdihom fl-imġieba tiegħu ma’ Alla, fl-ewwel tlieta, u fl-imġieba tiegħu mal-bnedmin, fis-sebgħa l-oħra. Hawnhekk Ġesù jgħaqqadhom flimkien; il-mistoqsija kienet dwar liema hu l-ikbar kmandament, kmandament wieħed, u hu jsemmi tnejn magħqudin flimkien. Ġesù jiġbor fl-imġieba tal-bniedem ma’ Alla anke l-aħħar sebgħa meta kien qed jitkellem dwar il-ġudizzju ta’ kull bniedem, u qal li kulma jsir mal-inqas fost iż-żgħar, ikun qed isir miegħu. Għalina li nemmnu li Ġesù Kristu huwa l-Iben ta’ Alla, d-distinzjoni bejn kmandament u ieħor ma teżistix. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej, f’dak kollu li naħsbu, ngħidu u nagħmlu.

F’li qal ma kien hemm xejn ġdid. Diġa dawn iż-żewġ kmandamenti jidhru ċari fil-Ktieb tad-Dewteronomju kapitlu 6 versi 4 u 5 u fil-Ktieb tal-Levitiku kapitlu 19 vers 18. Dawn iż-żewġ kotba huma parti mit-Torah, il-liġi li kull Lhudi kellu jkun jaf bl-amment u jżomm dejjem quddiem għajenjh u fuq il-kfief ta’ jdejh, jiġifieri huma riedu jkunu l-ispirazzjoni tal-intenzjonijiet tiegħu u l-mod kif iġib ruħu.

It-tweġiba ta’ Ġesù treġġa lura lill-bniedem lejn l-għeruq tar-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, turih x’inhu l-ħsieb ta’ Alla fit-tlissin ta’ kull kelma li Alla jgħidlu. Alla jitkellem mal-bniedem u jiggwidah għax iħobbu u jixtiequ jħobb bħalu. Fit-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem l-awtur tal-ktieb tal-Ġenesi, jgħid li Alla nefaħ in-nifs tiegħu fix-xbieha li kien ħoloq mit-trab tal-art u x-xbieha ħadet il-ħajja, saret ħlejqa ġdida. Il-ħlejqa ġdida tgħix bin-nifs ta’ Alla u Alla jieħu n-nifs u jgħix bl-imħabba; Alla huwa mħabba għax jgħix bl-imħabba. U għalhekk m’hemmx kmandament ikbar mill-imħabba ta’ Alla u l-imħabba bejn il-bnedmin mibnija fuq tiegħu. Min ma jħobbx imut. Min iħobb jgħix għal dejjem.

L-emfasi kontinwu ta’ Ġesù fuq l-imħabba mhux għalxejn; mhux għax ma kellux iktar x’jgħid iżda għax dak biss li kellu u ried jgħid. Alla ra li meta ħalaq il-bniedem kollox kien tajjeb ħafna, iżda l-bniedem, biex isir bħal Alla, mhux jiekol minn dak li hu pprojbit kellu bżonn, iżda li jħobb bħal Alla, jgħix bħalu. Il-Ħażin daħak bil-bniedem u l-bniedem emmnu għax qallu li bie xikun bħal Alla kellu bżonn xi ħaġa li ġejja minn barra minnu, filwaqt li bie xikun bħal Alla, kulma għandu jagħmel il-bniedem hi li jħobb bħalu.

Aħna wkoll naqgħu fin-nasba tax-xitan meta l-qofol u l-milja ta’ ħajjitna nfittxuhom fid-drittijiet li dejjem suppost għandna, u qatt m’għandna biżżejjed. Kull dritt ifisser li xi ħadd irid jagħtina xi ħaġa. Mingħalina li d-drittijiet qed itellgħuna dejjem ’il fuq u jagħtuna dinjitajiet li dejjem nimmaġinaw u nivvintaw, mingħalina li d-drittijiet jgħaqqduna u jagħmluna ħaġa waħda. Ftit li xejn jgħaddilna minn moħħna li ħafna mid-drittijiet li dejjem infittxu u m’għandna xeba’ qatt minnhom, jgħollu tassew lil min jeħodhom, individwi jew gruppi, iktar ’il fuq, imma fl-istess ħin ibegħduna minn xulxin, għax mibnijin, mhux fuq l-imħabba imma fuq il-ġibda tagħna lejna nfusna.

L-ikbar dritt, kelma oħra għal-liġi, mhux kemm se tieħu u allura kemm se jagħtuk, imma kemm se tagħti u tagħti u tagħti. M’hemmx imħabba ikbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal dawk li jħobb.

One thought on “L-Evanġelju tal-Ġimgħa 9 ta’ Marzu 2018”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.