Papa Franġisku: L-abort huwa ‘delitt li jwaħħxek’ u ‘dnub gravi’!

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 12 ta’ Marzu 2018: Hekk saħaq Papa Franġisku waqt intervista mogħtija lill-media ta’ TV 2000 u Radio Blu, filwaqt li kompla jgħid: “Kont qed naħseb fuq l-attitudni ta’ dawk li jibagħtu t-trabi tagħhom lura qabel ma jitwieldu; kont qed naħseb fuq dan id-delitt orribbli; jibagħtuhom lura għax aħjar hekk, biex iħossuhom komdi; hi responsabbiltà kbira – dnub gravi ħafna”.

Waqt din l-istess intervista l-Papa tkellem dwar żewġ sitwazzjonijiet li ltaqa’ magħhom matul is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena. Kienu żewġ sitwazzjonijiet li tassew impressjonawh.

L-ewwel waħda kienet waqt żjara li għamel f’maternity ward fi sptar f’Ruma. Hemmhekk hu ltaqa’ ma’ omm li kienet għadha kif welldet triplets. “Rajt lil din l-omm tibki u tolfoq; kellha ħdejha tnejn mit-tliet itfal ċkjeknin u ħelwin li tweldulha; it-tielet tarbija kienet mietet”, qal il-Papa kommoss. “Waqt li kienet qed tmelles lit-tnejn li kienu ħajjin, bdiet tibki t-tielet tarbija li tilfet. Ir-rigal tal-ħajja”. Il-Papa qal li dak il-ħin beda jaħseb fuq l-attitudni ta’ dawk li jibagħtu t-tfal tagħhom lura qabel ma jitwieldu.

It-tieni sitwazzjoni: il-Papa ltaqa’ ma’ 15-il mara li ġew mifdija mill-jasar modern tat-traffikar uman, tal-prostituzzjoni u l-isfruttament. Franġisku kien tassew milqut mill-istorja ta’ mara Afrikana li kienet abbużata u mġiegħla taħdem bil-fors bħala prostituta,li welldet it-tarbija tagħha, waħidha, fit-triq. It-tarbija ma għexitx. “Kienet imgiegħla tibqa’ taħdem sa dakinhar stess li kienet ser twelled….”, qal il-Papa, u żied jgħid li mhux biss kellha tagħmel ix-xogħol tal-prostituzzjoni, imma ġiet imsawta wkoll. “Ħsibt fuq dawk l-irġiel li jħallsu lil dawn in-nisa: ma jafux li bil-flus li jħallsu biex jissodisfaw ftit ruħhom sesswalment , ikunu qed jgħinu lil dawk li jisfruttawhom?” qal Franġisku.

Il-Papa Arġentin ilu involut sew fil-ġlieda kontra t-traffikar uman u l-jasar modern.
F’din l-intervista meta l-Papa kien mistoqsi dwar il-ġustizzja u l-ħniena, hu wieġeb li dawn iridu jimxu id f’id u li “f’Alla l-ġustizzja hi ħanina, u l-ħniena hi ġusta…”

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading