Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Le għat-tixħim. It-talb jeħtieġ il-kuraġġ u l-paċenzja

Le għat-tixħim. It-talb jeħtieġ il-kuraġġ u l-paċenzja


Il-Ħamis 15 ta’ Marzu, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Illum, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Qdusija Tiegħu l-Papa għamel riflessjoni dwar il-qawwa tat-talb, imnebbaħ mid-djalogu bejn Alla u Mosè.

 

Kuraġġ u paċenzja: dawn huma l-karatteristiċi tat-talb li għandu jkun indirizzat lil Alla ‘bil-libertà, bħala wlied.’ L-omelija li għamel illum il-Papa Franġisku kienet dwar l-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Eżodu li jirrakkonta d-djalogu bejn Alla u Mosè minħabba ċ-ċaħda tal-poplu tiegħu.

Il-Profeta jipprova jipperswadi lil Alla biex ma jwettaqx il-ħsieb mgħaddab tiegħu fuq il-poplu li kien ħalla l-glorja t’Alla biex jibda jqim għoġol tad-deheb.

Fi djalogu mimli kuraġġ, Mosè jippreżenta l-argumenti tiegħu u jfakkar lill-Missier kemm kien għamel ġid mal-poplu tiegħu billi ħelsu mill-Eġittu, u jfakkru fil-fidi ta’ Abraham u ta’ Iżakk.

F’dan id-djalogu wiċċ imb’wiċċ mal-Mulej, jidher ċar kemm il-Profeta kien iħobb lill-poplu tiegħu. Mosè ma jibżax jgħid il-verità, ma jippruvax juża t-tixħim u ma jogħtorx quddiem il-possibiltà li jbigħ il-kuxjenza tiegħu.

Dan kollu lill-Mulej jogħġbu, qal il-Papa. Meta Alla jara qalb, persuna, li titlob u titlob xi ħaġa, Hu jħossu mqanqal.

Ebda tixħim: ‘Jien ninsab mal-poplu u ninsab miegħek.’ Din hi t-talba ta’ interċessjoni: talba li ġġib l-argumenti, li jkollha l-kuraġġ li lill-Mulej tgħidlu l-affarijiet f’wiċċu, għax Hu paċenzjuż.

It-talb ta’ interċessjoni jeħtieġ il-paċenzja. Aħna ma nistgħux inwiegħdu lil xi ħadd li se nitolbu għalih u mbagħad ngħidu ‘Missierna’ u ‘Sliema’ u daqshekk. Le. Jekk inti tgħid lil xi ħadd li se titlob għalih, għandek din it-triq x’timxi: hemm bżonn tal-paċenzja.

Sfortunatament, fil-ħajja ta’ kuljum mhux rari niltaqgħu ma’ diriġenti li, biex iħarsu l-interessi personali, jew biex jiggwadanjaw xi ħaġa, ikunu lesti li jissagrifikaw in-negozju, l-azjenda tagħhom.

Mosè ma jaqax għal-loġika tat-tixħim. Hu jinsab mal-poplu u jitqabad għall-poplu. Il-Kotba Mqaddsa miżgħudin b’eżempji ta’ ‘kostanza’, ta’ ħila li wieħed jibqa’ miexi ‘l quddiem bil-paċenzja: il-mara Kagħnanija, l-għama ta’ Ġeriko.

Għat-talb tal-interċessjoni hemm bżonn żewġ affarijiet: kuraġġ, jew li wieħed jgħid dak li għandu jgħid lis-setgħanin mingħajr biża’, u paċenzja. Jekk jien irrid li l-Mulej jismagħni, issokta l-Papa Franġisku, irrid nibqa’ ninsisti u nħabbat fuq il-bieb, fuq il-qalb ta’ Alla, dment li qalbi tkun imwaħħda ma’ tiegħu!

Imma jekk dawn is-sentimenti jkunu neqsin, qalbi hi bla kuraġġ u bla paċenzja.

Dan ifisser li t-triq tat-talb ta’ interċessjoni titlob li aħna nitqabdu, inħossu, ninsistu, insumu. Jalla l-Mulej itina dil-grazzja li nitolbu bil-libertà u bl-insistenza, nitolbu bil-paċenzja.

Imma fuq kollox nitolbu bl-għarfien li nkun qed nitkellem ma’ Missieri, ma’ Missieri li jismagħni, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: