“ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALIEX HEMM BŻONN TAS-SAĊERDOT?” (2)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

L-Appostli bdew jaqdu l-missjoni tagħhom, u bħalma għallimhom Ġesu’, marru sa truf l-art biex iwasslu l-Aħbr it-Tajba. F’kull post kienu jibnu komunita’ ta’ nsara biex ikomplu l-missjoni li bdew huma. F’dawn il-komunitajiet kienu jħallu mexxejja biex jgħallmuhom u jgħaqqduhom madwar il-Kelma u l-Ewkaristija. Hekk għamel Pawlu b’Timotju f’Efesu, u b’Titu fi Kreta (u nemmnu li hekk għamel qabel ma telaq minn Malta,b’San Publju). Hu kien jibgħat ittri lil dawn li jkun għażel biex ikompli jħeġġiġhom fil-ministeru tagħhom: għandna żewġ ittri li kiteb mill-ħabs lil Timotju u oħra lil Titu. Dawn imbagħad bdew jagħżlu presbiteri biex igħinuhom: “u biex taħtar presbiteri f’kull belt” (Tit 1,5; I Pt 5,1-4).

Mgr Paul Cremona OPB’hekk il-qafas tal-Ġerarkija fil-Knisja kien imqiegħda minn Ġesu’. Sant’Injazju ta’ Antjokja, Isqof u Martri (li miet madwar is-sena 107, sebgħin sena biss wara l-Mulej) jikteb hekk: “Jiena kelli x-xorti li narakom fil-persuna tal-Isqof tagħkom Dama… u tal-presbiteri tajba tagħkom Bassu u Apollonju, u tal-qaddej sieħbi, id-Djaknu Zotjon…(Ittra lill-insara ta’ Manjesja: 1,1-5; 2). Din l-istruttura mhux ivvintata l-Knisja, iżda obdiet biss dak li nsibu fil-Kelma ta’ Alla.

Dawn huma t-tlett gradi tal-Ordni Sagri. L-Isqof għandu l-milja tas-saċerdozju: Huwa jkun li jagħti dan is-sagrament lill-presbiteri (is-saċerdoti) u lid-Djakni. Isqof ġdid jiġi ordnat minn Isqof ieħor, mgħejjun minn żewġ isqfijiet oħra, wara li jkun għażlu l-Papa.

L-Ordni Sagri jagħti ‘karattru’ spiritwali li ma jitħassarx bħall-Magħmudija. F’kull Ordinazzjoni ikun hemm dejjem it-tqegħid tal-idejn li jfisser l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, u t-Talba tal-Konsagrazzjoni li hija differenti għal kull grad. Wara l-Ordinazzjoni jingħataw xi simboli li juru l-ħidma tagħhom. Fl-Ordinazzjoni tal-Isqof, is-simboli huma l-Mitra, il-Baklu, (li huwa s-simbolu tar-Ragħaj), u ċ-ċurkett,u l-Isqof Ċelebrant jidlek ir-ras tal-Isqof li se jiġi ordnat, biż-żejt tal-Griżma. Fl-Ordinazzjoni tal-presbiteru is-simboli huma il-kalċi u l-patena fejn tkun l-ostja (li turi l-fakolta’ li jqaddes) jagħmel att ta’ obbedjenza lill-Isqof tiegħu u l-Isqof jidliklu idejħ biż-żejt tal-Griżma; Fil-każ ta’ djaknu is-simbolu huwa l-Vanġelu (li turi li issa b’missjoni, u allura bi dritt) jaqra l-Kelma ta’ Alla u jagħmel l-Omilija fuqha).

Dawn huma xi żviluppi li saru matul iż-żmien. Il-Knisja tista’ tbiddel dak li tkun għamlet hi, iżda ma tistax tbiddel dak li ġej mir-rieda tal-Mulej, għalhekk hija tordna biss irġiel.

Fil-bidu xi wħud mill-Ordinandi kienu jkunu miżżewġin: nafu li Ġesu’ fejjaq omm il-mara ta’ San Pietru (Mk 1,30). Ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-presbiterat u ż-żwieġ. Biss f’xi mument il-Knisja ħasset li aħjar is-saċerdot ikun ċelibi (jiġifieri ma jiżżewwiġx) biex ikun iktar mogħi totalment għall-ministeru tiegħu. U sa llum iċ-ċelibat għadu kundizzjoni biex jidħol għall-presbiterat. Biss hemm ukoll saċerdoti miżżewġin u bil-familja fil-knisja. Meta jkollok ‘pastor’ fi Knisja kristjana oħra, li huwa diġa’ miżżewweġ u b’familja, u jidħol fil-Knisja Kattolika u jitlob li jsir presbiteru fil-Knisja Kattolika hija tordnah presbiteru bħala bniedem miżżewweġ bil-familja tiegħu.
Żvilupp ieħor importanti sar fuq id-Djakonat. Kien ilu jiġi kkunsidrat biss bħala tarġa għall-presbiterat, u għadu hekk sa llum. Iżda fil-Konċilju Vatikan II saret rakkomandazzjoni għal djakonat ‘permanenti’. Dan ifisser li jiġi ordnat djakunu biex jibqa’ djaknu, fis-servizz tal-Komunita’ bħala għajnuna lill-Isqof u lill-presbiteru: “Fejn il-Konferenza Episkopali jkun jidhrilhom f’waqtu, l-Ordni tad-Djakonat għandu jerġa’ jitwaqqaf bħala stat permanenti ta’ ħajja…” (Vatikan II, AD GENTES, n.16). “id-djkonat jista’ jingħata lill-irġiel ta’ eta’ matura ukoll jekk miżżewġin” (Vatikan II, LUMEN GENTIUM , n.29). Id-Djakni jistgħu: iqarbnu, jassistu u jbierku ż-żwieġ, ixandru l-Evanġelju u jippridkaw, imexxu l-funerali, u jgħinu fl-għemejjel ta’ karita’. (Il-Papa Franġisku għamel kummissjoni apposta biex jistudjaw il-possibbilta’ li anki nisa jiġu ordnati bħala djakonessi).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading