Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-ewwel Patri Kapuċċin li rifes fuq artna

L-ewwel Patri Kapuċċin li rifes fuq artna


Dan l-aħħar, hekk kif kont qiegħed induq il-ħajja tiegħi fil-kunvent, ġie f’moħħi u f’qalbi wieħed mill-aktar Patrijiet li ħabb minn qalbu l-Ordni u l-Provinċja Kapuċċina Maltija. Jiġifieri l-mibki Patri Franġisku Azzopardi OFM Cap. Wieħed mix-xogħlijiet ewlenin li kiteb dan l-istoriku u arkivista Kapuċċin kbir kien jittratta dwar l-ewwel Patri Kapuċċin li rifes l-art għażiża tagħna. F’kelma waħda Patri Roberto minn Eboli.


Flimkien mal-Gran Mastru La Valette, il-Kapuċċin Patri Roberto minn Eboli jibqa’ mniżżel b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ Gżiritna. Dan l-għaliex meta wieħed jitħaddet fuq dan il-magħruf Patri Kapuċċin ma jistax ma jsemmix xi ġrajjiet li seħħu fl-Assedju l-Kbir tal-1565. Fil-fatt ismu jissemma f’xi dokumenti, annali u anki f’deskrizzjonijiet li huma msemmija f’dan l-Assedju.

L-istoriku Kapuċċin Patri Mariano da Calitri jpoġġi d-data tat-twelid tiegħu bejn is-snin 1510 u l-1520. Belt twelidu hija Eboli jew Evoli, li tinstab daqs 60 kilometru fin-naħa tal-lbiċ tal-Belt ta’ Napli. Xi wħud mill-istudjużi jaħsbu li Patri Roberto daħal fl-Ordni Kapuċċin bejn is-snin 1528 sal-1535. Skont Patri Franġisku Azzopardi OFM Cap d-data tad-dħul tiegħu fl-Ordni Kapuċċin nistgħu npoġġuha bejn is-snin 1530 sal-1535. Fl-istorja ta’ pajjiżna, f’dawn iż-żminijiet imqallba, Patri Roberto jibqa’ mfakkar kemm għall-qdusija li biha l-Mulej imlieh u anki għall-għerf kbir li kellu fit-teoloġija. L-aktar fl-Iskrittura Mqaddsa. Ċertament li Patri Roberto kien influwenzat bil-kbir mill-ispirtu tas-seklu tlettax li ħareġ minn San Franġisk fil-ħeġġa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Laqatni ħafna dak li kien qal fuq Patri Roberto mill-istoriku Francesco Cirni Corso. Corso jgħid li fl-Assedju Patri Roberto, “il-Predikatur Kapuċċin, kien għamel priedka fil-knisja Konventwali tal-Kavallieri fejn, bi kliem ta’ effikaċja kbira, wera kemm hija kbira l-qawwa tat-talb. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jarma ruħu sewwa ħalli jiflaħ iżomm iebes quddiem tant għedewwa”.

Patri Roberto kellu għarfien kbir fil-Kelma ta’ Alla. Ta’ min isemmi l-priedka li kien għamel nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju 1565 fil-knisja Konventwali tal-Kavallieri fil-Birgu. F’din il-magħrufa omelija Patri Roberto emfasizza l-qawwa tat-talb meta ikkwota għadd ta’ passi bibbliċi fosthom Gożwè 9:3-27; Esodu 32:11-14; 1 Slaten 4:17, Mattew 7:7-8 u Luqa 11:9-10. Omelija oħra magħrufa li għamel dan il-Kapuċċin magħruf u li l-istoriċi jsemmu hija dik li niseġ ftit jiem wara l-Assedju, jiġifieri bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru 1565. F’dik l-okkażjoni Patri Roberto applika l-kliem tal-profeta Eżekjel għall-midruba tal-Assedju: “O għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej” (Eżek 37:4). Fl-apprezzament tiegħu dwar Patri Roberto l-Gran Mastru La Valette stess stqarr: “Ippriedka hawn f’Malta … matul iż-żmien tar-Randan … u ħafna drabi anki qabel, … b’ħafna sinċerità u ħarsien tal-fidi Kattolika, u b’duttrina utli, kanonika u ekkleżjastika, u b’kull eżempju virtuż u b’ħajja xierqa … u tagħlim u pariri Insara”. Minn dan il-kwadru nistgħu naslu għall-konklużjoni li Patri Roberto ippriedka f’Malta qabel ma beda l-Assedju mill-armata Torka.

Dan ir-ritratt mill-ewwel jurina kemm Patri Roberto kien tabilħaqq bniedem ta’ azzjoni. Jiġifieri Patri li kien konxju sewwa ta’ xi tfisser tkun Patri Kapuċċin. Qabel ġie Malta Patri Roberto kien inqabad priġunier f’San Vito, fil-kosta ta’ Trapani fi Sqallija, mill-kursari Torok. Huwa ittieħed bħala ilsir fi Tripli fl-1553. Skont il-manuskritt ta’ Patri Giovanni Luigi minn Floriana Patri Roberto reġa’ kiseb lura l-ħelsien tiegħu lejn l-aħħar tas-sena 1564. Skont l-istudjuż tal-Ordni ta’ San Ġwann, Fra Giacomo Bosio, Patri Roberto kellu libertà sħiħa qabel l-Assedju.

Mal-miġja tiegħu fostna ġie mitlub mill-Gran Mastru La Valette u mill-Isqof biex jippriedka, l-aktar l-eżerċizzi tar-Randan. Għalhekk Patri Roberto beda l-appostolat tiegħu f’pajjiżna bħala predikatur sewwasew fil-knisja Konventwali ta’ San Lawrenz fil-Birgu. Xi storiċi jaħsbu li d-data li fiha Patri Roberto niżel f’artna kienet Jannar jew Frar tal-1565.

Il-miġja tiegħu fostna kienet tabilħaqq provvidenzjali. Matul il-qagħda tiegħu Patri Roberto ħadem kemm felaħ biex jinkoraġġixxi lid-difensuri u jħejjijhom bil-qabda għall-Assedju. Kien nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju 1565 meta Patri Roberto għamel biċċa xogħol ta’ bilħaqq kbira. L-għaliex kien konxju mill-bżonn tat-talb u mill-faraġ li wieħed jieħu minnu Patri Roberto introduċa t-tradizzjoni Franġiskana tal-40 siegħa adurazzjoni quddiem is-Santissimu Sagrament. Jew kif nafuha aħjar bħala l-kwaranturi. Din kienet l-ewwel okkażjoni li din it-talba effikaċi liturġika qatt ġiet ipprattikata f’Malta. Patri Roberto issuġġerixxa l-kwaranturi bħala mezz effikaċi li bih id-difensuri setgħu tabilħaqq jirbħu l-Assedju.

Fil-ġrajjiet kbar ta’ qlubija kbira waqt l-Assedju naraw lil Patri Roberto jieħu r-rwoli tiegħu kemm bħala mexxej spiritwali u kif ukoll bħala suldat li qed jiddefendi l-pajjiż Nisrani tagħna. Lil Patri Roberto nsibuh iħeġġeġ u jiġġieled spalla ma’ spalla mal-kavallieri li kienu qed jiddefendu l-Fortizza ta’ Sant Iermu. Meta l-Gran Mastru La Valette ħeġġeġ bil-bosta lill-kavallieri biex jibqgħu jiddefendu din il-fortizza sal-aħħar qattra demm Patri Roberto kien wieħed minn dawk li kienu fil-Fortizza u li kienu qegħdin jiddefenduha. Fra Giacomo Bosio, l-istoriku tal-Ordni ta’ San Ġwann, jurina kemm dan il-Patri Kapuċċin kien ta’ valur kbir għal dawn il-qalbiena. “Ma’ Montserrat mar ukoll il-Patri Kapuċċin, Fra Roberto minn Eboli, li, biex jgħolli, isaħħaħ u jġedded il-moral tal-kavallieri b’xi konsolazzjoni spiritwali, għamel priedka devota, effikaċi u f’lokha. Fiha wera l-frugħa, il-qosor u l-miżerja ta’ din il-ħajja umana … u wara li qerrew u tqarbnu ħassewhom daqslikieku kienu elf sena li kienu ilhom jużaw l-armi kontra l-għedewwa”. Dan seħħ nhar id-9 ta’ Ġunju 1565, fil-Vġili ta’ Pentekostè.

Wara l-missjoni tiegħu f’Sant Iermu insibu wkoll lil Patri Roberto jservi fil-fortizza ta’ San Mikiel. Minkejja daqshekk periklu mill-għadu l-Patri Kapuċċin baqa’ jħeġġeġ u jikkumbatti kontra t-Torok. Skont id-djarju tas-suldat tal-artillerija Balbi de Correggio, Patri Roberto ġie midrub waqt il-ħbit fuq il-fortizza ta’ San Mikiel waqt li kien qed imexxihom biex jitfgħu lill-għadu ‘l barra. Patri Roberto spiċċa pazzjent fl-infermerija.
Cirni Corso, Bosio, Ulloa u Sanminiatelli jaqblu li Patri Roberto, waqt it-talb, kellu dehra fejn fiha ra lill-Mulej Ġesù, lill-Madonna, lil San Ġwann Battista, lil San Pawl u lil San Franġisk. Dawn il-qaddisin kollha qalulu l-istess kelma: “Ibqa’ fil-paċi l-għaliex Malta mhux ħa titlef”. Dan seħħ għall-ħabta tat-30 t’Awwissu 1565. Mar-rebħa fl-Assedju l-Gran Mastru La Valette, nhar it-12 ta’ Jannar 1566, għaraf il-qlubija li wera Patri Roberto.
Għalkemm ma nafu xejn aktar dwaru Patri Roberto minn Eboli ġibed stima kbira tal-Maltin u l-Kavallieri. Predikatur mill-aqwa b’ħajtu, bl-istudju, bit-talb u bil-qlubija tiegħu fl-agħar żminijiet fl-istorja ta’ Gżiritna jagħmlu minn Patri Roberto kumment ħaj tal-Vanġelu ta’ Kristu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: