Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > Tiġbidx in-nies għal warajk imma iġbed in-nies ta’ dan ir-raħal lejn Ġesù

Tiġbidx in-nies għal warajk imma iġbed in-nies ta’ dan ir-raħal lejn Ġesù


Is-Sibt, 17 ta’ Marzu: fis-6:00 p.m., Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa li matulha ta l‑pussess lil Dun Martin Cardona bħala l‑Kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa ta’ Ħal Kirkop.

20180317_183810.jpg

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Kirkop

Sa dan il-mument fil-ħajja tiegħu, Ġesù kemm-il darba rrepeta, b’mod speċjali fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, li s-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx. Niftakru fl-ewwel miraklu li għamel fit-tieġ ta’ Kana meta kważi mġiegħel minn ommu, biex jispjegalha li kien qed iħoss li għadu kmieni, qalilha: “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (Ġw 2, 4). Kemm-il darba jippruvaw jaqbduh biex joqtluh u l-evanġelista jgħid li s-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

Imma fl-Evanġelju tal-lum għandna kumment ġdid u totalment differenti: “Waslet is-siegħa” jgħid Ġesù, “li fiha Bin il-Bniedem għandu jiġi gglorifikat” (Ġw 12, 2:3). Din il-glorja ta’ Ġesù hija glorja ftit stramba għall-mentalità tad-dinja għaliex hija glorja li ma titkexkixx u wisq inqas taħrab mir-regola tas-salib. Ġesù stess, fil-konklużjoni ta’ din is-silta li qralna l-kappillan mill-Evanġelju ta’ San Ġwann kapitlu 12, jgħid: “Meta nintrefa’ mill-art jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (v. 32). U l-Evanġelista jagħmel dan il-kumment: “Hu qal dan biex juri b’liema mewt kien sejjer imut” (v. 33). U aħna nafu li l-Mulej, fil-mewt tiegħu jintrefa’ fl-għoli, imsammar fuq l-għuda tas-salib u jgħid: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12, 33).

Hemm ħafna ikoni, immaġini, statwi ta’ Ġesù li aħna nqimu, imma l-iżjed xbieha elokwenti u qawwija hija tiegħu msallab fuq is-salib. Huwa “s-serp tal-bronż” kif qal hu stess meta kellem lil Nikodemu fil-kapitlu 3 ta’ San Ġwann: “Li jintrefa’ kull min iħares lejh, ifieq” (ara Ġw 3, 14). Aħna ninġibdu lejn Ġesù merfugħ ’il fuq fuq is-salib għaliex meta nħarsu lejh, vittma innoċenti tad-dnubiet tagħna, aħna nieħdu “saħħa eterna” biex nuża’ frażi għażiża għal San Ġorġ Preca. Dan il-Ktieb il-Kbir miftuħ għalina li jgħallimna tant valuri essenzjali, li kultant saru rari wisq: l-imħabba tal-mewt, l-għotja tiegħek innifsek, il-maħfra tal-għedewwa, il-faqar, l-umiltà, u l-ubbidjenza.

Dan l-evanġelju mhux biss jitkellem fuq is-siegħa ta’ Ġesù, li hija s-siegħa ta’ glorja, imma fl-istess ħin hija s-siegħa tal-kumpanija. Imma meta jitkellem fuq il-mewt ma jitkellimx fuq il-mewt bħala l-aħħar kelma, imma għal Ġesù l-mewt hija dik iż-żerriegħa li tinżera’ biex ma tibqax weħidha imma tagħmel ħafna frott. “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha, imma jekk tmut tagħmel ħafna frott” (Ġw 12, 24).

Meta jitkellem fuq il-mewt u fuq il-mewt tiegħu, Ġesù qed jara wkoll il-frott li l-Mulej se jġib permezz ta’ din l-offerta tiegħu. U għalih is-siegħa tasal meta jifhem li l-ġnus qegħdin jersqu lejh. Huma l-Griegi li jixtiequ jiltaqgħu miegħu. Ikellmu lil wieħed mill-appostli, Filippu, li ismu kien Grieg, u li kien minn reġjun li kien miftuħ anke għal ħafna influwenzi mhux biss Lhud imma Kosmopoliti: Betsajda tal-Galilija, il-Galilija tal-ġnus, u dan imur għand appostlu ieħor li jismu Indrì, u t-tnejn imorru jgħidu lil Ġesù li l-Griegi jixtiequ jarawh (ara vv. 20-22), mhux biss il-Lhud, imma l-Griegi. U allura Ġesù jifhem li l-kelma tiegħu, il-missjoni tiegħu, illum laħqet ukoll lilna, lin-nies li ma kinux mill-poplu Lhudi.

U din is-siegħa għalih hija wkoll siegħa ta’ agunija, siegħa li jibża’ minnha: “Missier, salvani minn din is-siegħa imma jiena għalhekk ġejt għal din is-siegħa” (ara Mk 14, 35). Għalkemm Ġesù jitkellem fuq il-glorja, għalkemm Ġesù jifhem li ser jiġbed ħafna nies lejh, is-siegħa tal-mewt tibqa’ siegħa ta’ tbatija, siegħa ta’ ubbidjenza. Kemm huma qawwija l-kliem li smajna llum fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud: “Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata, xi tfisser l-ubbidjenza u billi laħaq il-perfezzjoni, għaliex obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib”, jgħid San Pawl, “Sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu” (Lhud 5, 8-90).

Xi jfisser dan kollu għalina? L-ewwel nett nieħu spunt minn din l-aħħar frażi tal-Ittra lil-Lhud. Is-salvazzjoni ta’ Ġesù hija proposta li tirrispetta l-libertà tagħna, il-libertà tiegħi, il-libertà tiegħek; mhux bilfors. Se jkun awtur ta’ salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu. Inti tista’ tisimgħu u ma tobdihx. Liberi, liberu tgħidlu: ‘Jiena se nitlaq ’l hemm, ma togħġobnix il-proposta tiegħek’. Għal min jisma’ minnu l-Mulej qed joffri salvazzjoni ta’ dejjem; li tagħti destin lil hemm minn din il-ħajja sabiħa imma li mhix għalina.

“Jekk xi ħadd irid jaqdini dan għandu jimxi warajja, fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi” (Ġw 12, 26). U Ġesù jwiegħed il-glorja tal-Missier lil min jaqdih. Dan il-kliem, għażiż Dun Martin, huwa wkoll għalik. Jiena nixtieq nirringrazzjak tad-disponibbiltà tiegħek. Niftakar li meta tlabtek biex tiġi hawnhekk, wara ħafna snin arċipriet il-Gudja, ir-reazzjoni tiegħek kienet ta’ ubbidjenza totali, xi ħaġa li kull isqof jgħożż għax mhux dejjem niltaqa’ magħha u li tikkomwovi l-qalb tal-isqof biex ikollu saċerdoti bħalek.

F’isem il-Mulej, inbierek din l-ubbidjenza tiegħek, għażiż Dun Martin. Jiena llum nixtieq nagħti xhieda tagħha quddiem kulħadd għax l-ubbidjenza tiegħek, bħalma l-ubbidjenza ta’ kull saċerdot, ta’ kull Nisrani, hija dik il-mewt li permezz tagħha inti ma tibqax waħdek imma biha tmut għax trid titlaq ħafna affarijiet li tkun drajt, u ssib affarijiet ġodda li trid tidhra imma mbagħad tagħmel ħafna frott. U hija din il-baraka li jiena nitlob fuqek għal dan ir-raħal għażiż, għal din il-parroċċa għażiża.

L-ubbidjenza tiegħek tingħata xhieda tagħha li hija wkoll mewt imma tagħti l-ħajja. Inti trid titwaħħad ma’ Ġesù li jintrefa’ ’l fuq; tiġbidx in-nies għal warajk, naf li m’intix ta’ dan it-tip, imma iġbed in-nies ta’ dan ir-raħal lejn Ġesù b’mod speċjali dawk imbiegħda: dawk li ormaj draw ħajjithom mingħajr Ġesù, mingħajr quddiesa ta’ nhar ta Ħadd, il-Ħadd jiġi bħat-Tnejn ukoll, forsi norqdu ftit ieħor, quddiesa m’hemmx għalfejn, ngħixu mingħajru. Imma Nisrani veru ma jistax jgħix mingħajr il-Kelma ta’ Ġesù, mingħajr l-Ewkaristija ta’ Ġesù u li inti tfakkar lil dan il-poplu għażiż, din ir-regola tad-deheb u tant sempliċi: li almenu darba fil-ġimgħa nitolbu flimkien bħala familja.

Jiena nitlob ukoll għalik, għal din il-parroċċa u bħalma dejjem ngħid meta niġi hawn, u ili niġi hawn sa minn ċkuniti: nitolbu għall-għaqda. Raħal ċkejken, ħelu, grazzjuż, ma nkissruhx bil-ftietaq imsieken ta’ bejnietna. Kemm għandna affarijiet li jgħaqqduna, kemm nistgħu nagħmlu affarijiet kbar billi nifirħu bil-ferħ ta’ xulxin u meta jgħaddi l-mument tad-dulur, nibku flimkien. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nifirħu bil-ferħ ta’ xulxin u l-ferħ jikber. U meta nibku flimkien, għax il-ħajja mżewqa, daqqa nżul u daqqa tlajja, id-dulur li jkun hemm, inkunu nistgħu ngħelbuh flimkien.

Nitolbu għas-saċerdoti tagħna, nitolbu li jkollna vokazzjonijiet mir-raħal. Nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna. Nagħmlu kuraġġ lil xulxin, naħdmu flimkien, inħarsu lejn dak li jgħaqqadna u naħdmu flimkien. U l-Mulej ibierek lil dan ir-ragħaj.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 11, 18-20
Salm: Salm 7, 2-3.9bċ-10.11-12
Qari II: Ef 2, 4-10
Evanġelju: Ġw 7, 40-53

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: