Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Roti ma’ roti


Qiegħdin fir-Randan. Inħejju għall-festa tal-Għid. Mela Sawm. Astitenza. Talb. U, naħseb, li tal-ħelu, miskin, ma’ xi wħud, abbli se jitlef xi ftit tal-klijentela f’dawn il-ġimgħat. Imma, bħalma nafu, anki it-tabib jieħu gost bina. Għax nirqaqu xi naqra. U niffrankawlu naqra lista! X’taħsbu?

Ir-Randan ifakkarni dejjem fil-film Ben Hur. Bħalissa qed tinżilli għasel xena veru ħelwa ta’ xi ħadd, li illum m’għadux magħna. U dan ix-xi ħadd tgħidx kemm kien iħobb jara dan l-imbierek film Ben Hur! Niftakru jgħid: “Alla jbierek! X’film dan! Veru jafu jaħdmu!” Imbagħad kien jitfa’ l-video idur u, wara ftit sekondi, rasu kienet tagħmel dawra tond. L-għaliex kien jintefa’ f’nagħsa twila twila u profonda. Dak iż-żmien aqta’ kemm kont nidħak meta kont narah jagħmel hekk! Imma ħej illum, għax imġarrab, nagħmilha jien ukoll din! Ajma! L-aktar wara l-għejja tal-isptar! Sieħbi, meta tkun għajjien mhux torqod tmur? Almenu hekk nagħmel jien! U dak sinjal tajjeb! Bilħaqq, jekk tfittex naqra l-Facebook tiegħi, Fr Mario Attard, bħalissa qed intlellgħu wkoll talba għal meta tħossok għajjien u għajjiena. Nemmen li tgħinek.

Issa lura għat-tirġija! Qabel taħrabilna! Mela f’din l-imbierka tiġrija l-aktar ħaġa li tassew tolqotni hija kemm il-Ben Hur u l-Messala jiġru roti ma’ roti. It-tnejn li huma għaddejjin sfraxxnati. “Aaaa! Aaaa!” Almenu hekk nismagħhom jgħajtu jien waqt il-tiġrija. Ġieli l-Ben Hur spiċċa imrassas mal-ħajt. Miskin dak is-suldat Ruman! Kif tajru bl-erbat iżwiemel bojod! Uuuu! Għax il-Messala kien naqra waħda ħaxixu. Jew, bil-pulit, makak. Jew, b’mod legali, korrott. U għaliex? Int ittawlilhom naqra dawk l-ispokes tal-karru. Il-karru tiegħu sar qisu sega! Iva ħbieb! Sega feroċi li tkisser kull rota tal-injam li ssib quddiem wiċċha! Messala kien wieħed minn dawk li, għax kien Ruman, ir-regoli kien jivvintahom hu! Għax kellu s-saħħa! U ħaseb li kien se jagħmel li jrid!

Imma x’ġara? It-tnejn li huma, il-Ben Hur, li ismu insibuh fil-Bibbja fl-1 Slaten 4:8 u li jfisser “iben il-bjankerija bajda”, u l-Messala, li fit-traġedja ta’ Shakespear, Julius Ceasar, kien dak li kien jissapportja lil Brutu, it-traditur, ġejjin bl-erba’ bhejjem tagħhom. Mela l-bojod tal-Benhur kontra s-suwed tal-Messala. It-tnejn li huma ġejjin! B’kemm għandhom saħħa. Jiġru kemm jifilħu! “Aaaa! Aaaa! Aaaa!…”

Fihom nara l-qawwa tal-bhejjem u l-majestrija tagħhom bħala ġerrejja. Anki jekk Messala, bħal sieħbu Brutu, ittradixxa diġà r-regoli naturali tat-tiġrija. Hemm arahom dawk l-ispokes! Iżda arahom! Ġejjin! It-tnejn li huma! Flimkien. Jimpikaw. Wieħed, il-ġerrej tal-bojod, qabel it-tiġrija, għamel waħda minn tiegħu. Tefa’ x-xall fuqu u talab. Filwaqt li l-ġerrej tas-suwed, dritt dritt, b’dik l-arja ta’ Ċesari, bl-ispokes lesti fir-roti, ġie l-aħħar wieħed. Ħares lejn l-avversarju tiegħu b’dik il-ħarsa ta’ sfida u lesta għall-battalja.

Kellha tkun it-tiġrija biex tagħti raġun lil min kien miexi fid-dawl u lil min, l-għaliex għażel hu, daħal fl-isqaq tal-vendetta. Issa, għal ħafna ħin minnha, it-tiġrija rathom roti ma’ roti. Kemm ħlew enerġija biex ikunu roti ma’ roti! Kemm qassmu l-attenzjoni tagħhom! Daqqa fuq iż-żwiemel. Imbagħad fuq xulxin. Saħansitra, fir-roti ma’ roti, Messala kellu l-wiċċ isawwat ukoll lil Benhur bil-frosta! Hekk! L-għaliex, bħal Brutu, ittradixxa. Mela reġa’ kiser ir-regoli tat-tiġrija. Biex juri li bħalu m’hawnx. U lanqas ikun hawn.

Messala, fl-għama tal-ambizzjoni tiegħu, ma stenniex. Tilef sabbru. Ried jirbaħ it-tiġrija kif jgħidu t-Taljani: a modo suo! U tibżax! L-għaliex miet ukoll għal modo suo! Tifakru kif għola bil-karru b’kollox u spiċċa mkaxkar mal-art mill-bhejjem suwed li kien qed isuq? U kemm kaxkruh il-bhejjem! Metri wara metri ‘l quddiem. Sakemm, wara li ma setax jikkontrollahom aktar, spiċċa mgħaffeġ miż-żwiemel ta’ karru ieħor li kien qed isegwihom fil-qrib.

Kerha ħbieb il-pika żejda! Dik il-pika li twassal li wieħed jagħmel minn kollox biex jirbaħ. Akkost li jikser kull regola. L-għaliex b’saħħtu. Kerha li wieħed juri li bħalu m’hawnx. U jissottovaluta lil ħaddieħor. Kerha li wieħed, għax misjuq mill-għira, jivvinta kull tip ta’ ħażen. Basta jgħakkes lil min irid jaħkem.

Ħallina fil-ħajja milli nkunu roti ma’ roti. Ħallina milli nimpikaw ma’ xulxin. Ħallina milli nuru kemm aħna aħjar minn ħaddieħor. Le! Ejjew nagħtu l’id tal-ħbiberija lil xulxin. Wara kollox l-Imgħallem tagħna Ġesù sar dgħajjef biex isir veru qawwi. Għax min hu biss umli li hu tassew qawwi!

VIVA L-UMILTÀ!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s