Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Inħarsu lejn Kristu Kurċifiss biex ngħelbu d-deżerti li hemm ġo fina


It-Tlieta 20 ta’ Marzu, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Inħarsu lejn il-Kurċifiss fil-waqtiet ibsin, meta qalbna tkun tqila u l-vjaġġ tal-ħajja jibda jgħejjina. Il-Papa Franġisku għamel din l-istedina llum, fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa beda r-riflessjoni mill-ewwel qari li fih naqraw dwar l-hemm li kien jinsab fih il-poplu Lhudi fid-deżert u l-episodju tas-sriep velenużi. Il-poplu kien bil-ġuħ u Alla pprovdielhom il-manna u s-summien, kellu l-għatx u Alla tahom l-ilma.

Imbagħad, qrib l-art imwiegħda komplew juru nuqqas ta’ fiduċja għax xi esploraturi mibgħutin minn Mosè qalulhom li dik l-art kienet tnixxi ħalib u għasel imma l-poplu li kien jgħix fiha kien twil u b’saħħtu, armat tajjeb: beżgħu li se jispiċċaw maqtulin. Kienu qed iħarsu lejn is-saħħa li kellhom huma, qal il-Papa, u nsew il-qawwa tal-Mulej li kien ħelishom mill-jasar wara 400 sena.

Fi ftit kliem il-poplu ma ssaportiex il-vjaġġ, bħal meta persuna tibda timxi wara l-Mulej, imma f’xi ħin jidhrilha li l-provi tal-ħajja qed jegħelbuha. Fi żmien bħal dan bniedem jasal jgħid: ‘Biżżejjed, nieqaf u nerġa’ lura.’ Jibda jaħseb fil-passat u jibkih: ‘Kemm ikel, kemm inbid, kemm konna nieklu tajjeb!’

Iżda, issokta l-Papa, irridu nitħarsu minn din il-memorja marida, minn din in-nostalġija, għax dik il-mejda kienet waħda ta’ jasar, fiż-żmien meta l-poplu kien għadu l-Eġittu.

Dawn huma l-illużjonijiet li jibagħtilna x-xitan: jurik is-sabiħ ta’ dak li tkun ħallejt, ta’ dak li int tkun ikkonvertejt minnu, fil-mument li tkun tħossok dgħajjef, meta tkun għadek ma wasaltx għall-wegħda tal-Mulej.

Xi ftit jew wisq din hi l-mixja tar-Randan. Il-ħajja nistgħu inqisuha Randan għax il-provi se niltaqgħu magħhom dejjem, imma magħhom hemm ukoll il-faraġ tal-Mulej.  Hemm il-manna, l-ilma, is-summien li jtina l-ikel… Xi ħadd jgħid: ‘Imma dak l-ikel kien itjeb.’ Ftakar, qal il-Papa, li dak kien ikel li temgħuk fuq il-mejda tal-jasar.

Aħna wkoll ngħaddu minn din l-esperjenza, issokta Franġisku, meta nkunu rridu nimxu wara l-Mulej imma negħjew. L-agħar ħaġa kienet li l-poplu beda jgemgem kontra Alla u qalbu bdiet timtela bl-imrar għax ħaseb li Alla mhux se jgħinu. Is-sriep li bdew jigdmu lin-nies huma s-simboli tal-velenu, tan-nuqqas ta’ kostanza fil-mixja tal-Mulej.

Allura l-Mulej qal lil Mosè biex jagħmel is-serpent tal-bronż u jarbulah. Dan is-serpent kien ifejjaq lil kull min kien iħares lejh. Kien serpent profetiku, il-figura ta’ Kristu fuq is-salib.

Hawnhekk jinsab il-muftieħ tas-salvazzjoni tagħna, tal-milja tal-mixja ta’ ħajjitna, il-muftieħ li bih negħlbu d-deżerti tagħna: inħarsu lejn il-Kurċifiss. U x’għandi nagħmel? Inħares lejH, lejn il-pjagi tiegħu, kompla l-Papa, nidħol fil-pjagi tiegħu għax huma l-fejqan tagħna. Tħossok mimli mrar, li ħajtek mhix sejra sew u mimlija diffikultajiet u anke mard? Ħares hemm, lejn il-Kurċifiss.

Għalhekk Franġisku stedinna biex, minkejja l-kruha tiegħu, inħarsu lejn il-Kurċifiss għax dak huwa r-realtà. L-artisti jagħmlu ħilithom biex il-Kurċifissi jagħmluhom sbieħ, xi wħud anke tal-ħaġar prezzjuż jew tad-deheb. Dan mhux dejjem hu mondanità, osserva l-Papa, għax ifisser il-glorja tas-salib u l-glorja tal-qawmien mill-mewt. Imma meta tħossok qalbek maqtugħa, ħares l-ewwel lejn il-Kurċifiss, imbagħad fittex il-glorja.

F’dal-punt il-Papa rrakkonta storja ta’ tfulitu meta, waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, x’ħin jasal quddiemhom il-monument, nanntu kienet tgħidlu: ‘Oqgħod għarkupptejk u ħares, imma għada se jqum.’ U meta kienet tisma’ l-qniepen idoqqu l-glorja nhar l-Għid, kienet iġġegħelhom jaħslu għajnejhom bl-ilma biex ‘jaraw il-glorja ta’ Kristu’.

Għallmu lit-tfal iħarsu lejn il-Kurċifiss u lejn il-glorja ta’ Kristu, saħaq il-Papa. U aħna, meta nħossuna qalbna maqtugħa għal kollox, mimlijin imrar minħabba xi delużjoni, inħarsu lejn il-pjagi. Kristu merfugħ bħas-serpent, ixxejjen biex jirbaħ lis-serpent il-ħażin, lix-xitan.

Jalla l-Kliem t’Alla li qrajna llum, temm Franġisku, jgħallimna din il-mixja: li nħarsu lejn il-Kurċifiss, l-aktar fil-waqtiet li fihom, bħall-poplu t’Alla, inħossuna għajjenin bil-vjaġġ tal-ħajja.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s