Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Kanzunetta li serqitli qalbi


Qaluli biha. U jien, l-għaliex inħobb ħafna nitgħallem, fettilli nara ftit x’ħobż tiekol. Għalhekk fittixt. U fittixt. U dan hu li sibt…

Il-kantant tagħha huwa Pino jew, b’mod uffiċċjali, Giuseppe Mango. Jiġifieri dak il-kantant Taljan imwieled f’Lagonegro, li hija belt ċkejkna b’popolazzjoni ta’ 5,471, fil-provinċja ta’ Potenza, nhar is-6 ta’ Novembru 1954. Hekk nistgħu ngħidu li Pino huwa iben in-Naħa t’Isfel tal-Basilicata. Dan il-kantawtur ta’ diversi kanzunetti Taljani kien magħruf ħafna għall-istili tal-mużika pop, rock, folk u anki għall-mużika dinjija. Pino kellu don kbir li għaraf juża l-leħen sabiħ tiegħu b’mod tassew estensiv. Mediterraneo hija waħda mill-kanzunetti li baqgħet marbuta ma’ Mango. Fost kanzunetti oħrajn li bihom Pino għamel suċċess kbir insibu Lei verrà, Bella d’estate, Amore per te, Come Monnalisa, Nella mia città u La rondine. Fost artisti kbar Taljani li gawdew bil-kbir mill-benna tal-lirika ta’ Pino nsibu lil Patty Pravo, Loredana Bertè, Andrea Bocelli u Mietta. Parti mir-repertoire ta’ Mango ġie eżegwit minn musiċisti Taljani u mhumiex bħal Mina, Mia Martini, Leo Sayer, Hélène Ségara u Eleftheria Arvanitaki.

Lura għall-kanzunetta Mediterraneo. Din il-kanzunetta ġiet miktuba minn Mogol (Giulio Rapetti) u Mango. Mango kantaha fl-1992. Mediterraneo tagħmel parti mill-album ta’ Mango li jġib l-isem Come l’acqua. B’din il-kanzunetta dan il-kantawtur kien ħa sehem fil-programmi ta’ Mediaset bħal Azzuro 1992, Festivalbar 1992 u Vota la voce 1992. Fl-2005 il-kanzunetta Mediterraneo ġiet inkluża fit-testi miktuba ta’ Mogol u li għandhom bħala titlu Le storie di Mogol. Il-video clip ta’ din il-kanzunetta mill-isbaħ kien inġibed f’Lampedusa.

Ħa nduqu issa flimkien it-test mill-isbaħ ta’ Mediterraneo. “Abjad u ikħal int, bil-gżejjer li qiegħdin hemm, il-blat u l-baħar, biċ-ċawl. Mediterran li tista’ tarah bil-larinġ. Mediterran li tista’ tieklu. Il-muntanja hemm u t-triq li, bil-ħlewwa, tinżel ‘l isfel qalb iċ-ċipress u x-xemx. Pajjiż, Mediterran x’tiskopri bil-knejjes. Mediterran biex titlob. Oqgħod bilqiegħda u itfa’ ħarstek ‘l isfel qalb iż-żebbuġ. L-ilma huwa skur kważi ikħal. U hemm fuq itir is-seqer. Qisu qed iħares lejna. Ieqfu hemm. Kbar bħal dejjem. Ħares ‘l hemm, dik is-sħaba li tmur u ttir fl-eternità. Dak is-serbut twil tan-nies fis-skiet matul it-triq li qiegħdin jitolbu, bil-mod, taħt ix-xemx. Mediterran li qed tbati. Taħt ix-xemx Mediterran biex tmut. Oqgħod bilqiegħda hawn u ħalli lilek innifsek tmur hekk. Ħalli x-xemx tidħol fik u ħu f’imnifsejk l-arja kollha li tista’, ir-riħa li tħoss anke int u li huma mxerrda madwarna. Ħares ‘l hemm, dik is-sħaba li tmur u ttir fl-eternità.”

Imma x’qegħdin jgħiduli l-abjad u l-ikħal tal-baħar Mediterran? X’jgħiduli l-blat, biċ-ċawl u l-larinġ? Inkella l-muntanja, it-triq, iċ-ċipress u x-xemx? X’messaġġ qiegħdin jgħadduli fuq il-baħar Mediterran il-knejjes, iż-żebbuġ, is-seqer, is-sħaba u s-serbut tan-nies? U, fuq kollox, l-arja u r-riħa li jħaddnu dan il-baħar daqshekk uniku fid-dinja sabiħa tagħna?

Dan kollu jfakkarni kemm il-Baħar Mediterran, il-baħar “qalb l-artijiet”, huwa l-benniena taċ-ċiviltà. Il-Mare Nostrum għar-Rumani, l-Akdeniz (jew il-Baħar l-Abjad) għat-Torok Ottomani, il-Yam Gadol (il-Baħar il-Kbir) għall-Lhud, il-Mittelmeer (il-Baħar Nofsani) għall-Ġermaniżi u l-Aħdar il-Kbir għall-Eġizzjani tal-qedem huwa l-baħar tal-ħolm. Il-baħar li kien il-katina ta’ komunikazzjoni ta’ popli madwaru. L-għaliex il-Mediterran huwa kbir biżżejjed biex jiġborna ilkoll fih. U dan jagħmlu bl-għamla unika imżewqa bil-gżejjer, bil-bajjiet u bil-kanali tiegħu. Iva! Il-baħar Mediterran joħloq il-mezzi biex bihom jgħaqqad il-popli madwaru.

Dan il-baħar uniku jidher bħal donnu magħluq. Madankollu joffri r-rotot ewlenija tat-trasport bejn il-lvant u l-punent. Kif joħroġ ċar mill-kanzunetta mill-isbaħ ta’ Mango l-Mediterran huwa simbolu jew aħjar monument ħaj ta’ krejattività. Il-Mediterran hu tfittxija bla ma taqta’ għat-tifsira tal-ħajja u tal-għerf. U, fuq kollox, tal-imħabba bejn il-popli li jgħammru fih u tan-natura.
Il-Mediterran minn dejjem kien l-ambjent li welled nies kbar li wettqu għadd ta’ invenzjonijiet mill-aqwa fl-iżvilupp tal-istorja, l-aktar fil-filosofija, fl-arti, fil-mużika, fil-letteratura, fix-xjenza u fit-teknoloġija. Kif nista’ ninsa’ iċ-ċiviltajiet kbar li xterrdu mal-erbat irjieħ ta’ dan il-Baħar, mill-lvant sal-punent? Inkella mit-tramuntana sa’ nofsinnhar? Ħa nsemmu iva mill-Mesopotamja sal-Eġittu, inkella mill-Anatolja u Trojja sal-Maċedonja. Mill-ibliet-stati Griegi saċ-ċiviltà Feniċja. Minn Kartaġni sa’ Ruma. U minn Baghdad sa Al-Andalus. Saħansitra mill-imperi ta’ Biżanzju għal dak Ottoman. Jew minn Lixandra sa Bolonja. X’ċiviltajiet dinjija sodi kienu dawn! L-għaliex kif wieħed jista’ jimmaġina storja li tixraq lill-pjaneta tagħna jekk ma jsemmix iċ-ċiviltajiet tal-Eġittu, tal-Greċja, ta’ Ruma jew tat-Turkija Ottomana?

Il-Mediterran huwa l-benniena tal-iżvilupp intelletwali matul iż-żminijiet. Kif nista’ ma nsemmix il-librerija tal-Qedem f’Lixandra? Inkella l-isplużjoni filosofika fin-naħa tal-lvant ta’ dan il-Baħar? Mhux dan il-baħar kien li offra opportunitajiet tad-deheb biex kulturi differenti setgħu jiltaqgħu bil-għan li jitgħallmu aktar dwar id-dinja? Għaliex x’jurina l-perjodu Ellenista? Mhux hu li tana l-ewlenin filosfi u xjentisti? Xi jfissru għalina l-għorrief bħal Tales minn Miletu, Anaximandru, Anaximende, Pitagora, Xenofane u Dijogene? Xi ngħidu għal Apollo, Ipokrate, Sokrate, Platun, u Aristotile? U xi ngħidu għaż-Żminijiet tan-Nofs bil-kontribuzzjoni Iżlamika tal-għorrief Għarab bħal Jabir ibn Hayyan, Al Farabi, Al Biruni, Ibn Sina, Al Qushayri, Al Ghazali, Al Baghdaadi, Ibn Rushd, Jalal ad-Din Rumi, u Ibn Khaldun? X’jgħidulna l-imkejjen ta’ Al-Andalus fi Spanja, il-Marokk u Baghdad?

Imma ejja ma ninsewx il-knejjes li jsemmi Pino Mango. Dawk l-istess knejjes li jfakkru, lilek u lili, li aħna Insara, dwar ir-rwol tagħna f’dan il-Mediterran ta’ djalogu. Kif qal tajjeb Papa Franġisku fl-osservazzjonijiet tiegħu fil-Konferenza bl-isem (Re)Thinking Europe: a Christian Contribution to the Future of the European Project: “L-Insara huma msejħa biex jippromovu d-djalogu politiku aktar u aktar fejn jinsab mhedded u fejn il-konflitt donnu li qiegħed jaħkem. L-Insara huma msejħa biex jirrestawraw id-dinjità tal-politka u li jaraw il-politika bħala servizz għoli għall-ġid komuni u mhux pjattaforma għall-poter. Dan ifisser formazzjoni adatta, ġalarba l-politika m’hijiex ‘l-arti li wieħed jimprovizza’. Minflok, hija l-espressjoni nobbli tas-sagrifiċċju u tad-dedikazzjoni personali għall-benefiċċju tal-komunità. Li tkun mexxej ifisser ħsieb, taħriġ u esperjenza”.

Jalla t-talb, il-fidi, il-knejjes, is-sħab, ix-xemx, is-seqer, iċ-ċawl, il-baħar, il-muntanja, it-triq u l-bqija iservu ta’ ispirazzjoni. Jalla jkunu huma n-nifs biex aħna l-Mediterranji nieħdu fina n-nifs tal-eternità. Jalla narmu fostna u madwarna r-riħa tal-eternità. Wara kollox dik is-sħaba li ttir hija jien, Mediterranju, Mediterranja, li, rrid jew ma rridx, sejjer u sejra lejn l-eternità. Kif mar Mango fit-8 ta’ Diċembru 2014.

Jekk trid tieħu n-nifs veru Mediterranju nissuġerilek tisma’ il-kanzunetta ta’ Pino Mango Mediterraneo. Min jaf? Forsi tisraqlek qalbek bħalma serqet tiegħi!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s