Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Ir-ragħda


Intfajt biex nistrieħ. Wara jum twil ta’ talb. Xtaqt kieku nistrieħ ftit aktar. Imqar nofssiegħa aktar. Ħadd ma tkellem. Għajr jien. Għalhekk, it-tweġiba li ngħatajt kienet biss ħarsa li ma stajtx nifimha. Insomma. Ngħid li ma kien hemm xejn spiritwali fiha. Hekk ħassejt fil-fond ta’ ruħi.

Tnikkitt! Eħ Kajfa! U int Anna! Kif għadkom daqshekk ħajjin fil-Knisja ta’ Kristu? Imma kif, wara daqshekk żmien, l-ispirtu tagħkom fis-santwarju għadu ma ġiex issuperat? U, fil-fatt, meta se jiġi? Imma tridu tinbidlu jew le?

Intant… Ippruvajt norqod. U norqod fil-fond. Imma tassew li ma rnexxilix. U qatt ma seta’ jirnexxieli. F’dak illejl kelli xi ħaġa li bdiet ittaqqalni sewwa. Ippruvajt indur lejn in-naħa tal-lemin. Imma għalxejn! Għax quddiemi sibt il-ħajt. U lanqas lejn in-naħa tax-xellug. L-għaliex ħajt ieħor sibt ma’ wiċċi. Kollha kienu mxewkin. Għalhekk ma kellix għalfejn narahom ċar. L-għaliex, fihom it-tnejn, kellhom xi ħaġa li ma kinitx sewwa.

Imbagħad, f’nofs ta’ lejl, instemgħet tkarwat ir-ragħda. Kienet tabilħaqq ragħda kbira. Ragħda li, il-ħoss tagħha, mela n-naħa kollha ta’ fejn konna qiegħdin. Mill-ewwel, mit-terazzin ta’ kamarti, smajt nieżla x-xita. Kienet xita li, f’ħakka t’għajn, bdiet iżżid, iżżid, iżżid… U, aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar bdiet iżżid! …

Qalbi u moħħi nħakmu mill-mużika sabiħa tal-film The Passion of the Christ. Kienet mużika li daħlet fija. U mlietni bil-ferħ. U, anki, b’ħafna kuraġġ. Kienet il-mużika li ħallietni narah quddiem għajnejja. Eżatt kif kien pinġiehuli fuq it-tila pellegrin li kont iltqajt miegħu fil-qrar f’Medjugorje. Rajtu bħalu. Xagħru iswed. B’għajnu waħda mifqugħa għal kollox. Rajtu quddiemi. Sieket. Ħiemed. Eżatt kif kien qalilna fil-jum ta’ qabel. Meta konna miġbura qaqoċċa fil-kappella. “Fih kellu żewġ tensjonijiet waqt il-Ġetsemani. Jew li jagħmel ir-rieda tiegħu. Inkella dik li jwettaq ir-rieda ta’ Missieru. Ta’ dak Missieru li sejjaħlu Abba. Jiġifieri l-għażiż Missieri!”

L-għażiż Missieru! L-għażiż Missierna! Dak li, meta kont smajt lil dan jitħaddet jiem qabel, qalilna li ma jifhmu ħadd kif jaħdem. Mela aħseb u ara kemm se nifhmu jien. Int. Jew dan it-tali! Anki jekk qralna dak li kien ħejja b’tant kura, studju u mħabba. Kif konna imrekknin fil-kappella niftakar li smajt iżżarżar ma widinti l-frażi: “Ejja oħti marda. Ejja ħija uġiegħ”. Kien hawnhekk li, mas-salmista, jiena wkoll ħassejt li l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli (S 39:3). U, kif jgħid sewwasew l-istess Salm 39, tħeġġet qalbi ġewwa fija; għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija.

Madankollu, u kuntrarju għall-mod kif jissokta s-Salm, lill-Mulej ma tlabtux: Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi, u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, ħa nkun naf kemm xejn ma niswa (Salm 39:5). Le! Anzi! Tlabtu: Għarrafni, Mulej, il-ħajja ta’ dejjem tiegħi, ħa nkun naf kemm tiswa’ int. Dan il-ħsieb qaddis imlieni b’ferħ kbir! Il-ferħ li hu, il-Ħaruf bla tebgħa, rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna (Is 53:4).

Hemm hi l-Kelma ta’ Alla! Ċara kristall! Ħa fuqu l-mard tiegħi! Tgħabba bin-niket tiegħi! Mela l-mard qatt ma nista’ insejjaħlu aktar ħija. U wisq anqas lill-uġiegħ! L-għaliex Hu lill-mard tefgħu ‘il barra minna! Dak mhux ħobż għal sninna. Il-mard m’huwiex mill-Mulej. Li kieku l-mard jibgħatu l-Mulej li kieku għalfejn ifejjaqna minnu? Mela l-Mulej, Missierna, ħa joqgħod jilgħab b’ruħna? L-istess ngħidu għall-uġiegħ. Xi glorja tkun għal Missierna tas-Sema jekk int u jien nibqgħu muġugħin? Li nitgħawwġu bl-uġiegħ? Safejn naf jien Ġesù fejjaq u ħeles lin-nies mill-uġiegħ! Xi żball oħxon li l-mard huwa ħija! U li l-uġiegħ isir ħija wkoll!

Allura l-għaliex San Franġisk lill-mewt isejħilha oħtu? Għax għalih kienet dik li kienet se ddaħħlu fil-ħajja ta’ dejjem. Hija oħtu l-għaliex kienet se tikkumpanjah għat-tieġ ta’ dejjem, mela għad-destin etern tiegħi u tiegħek. Madankollu anki l-mewt ġejja mix-xitan. Hekk jgħidilna San Pawl. Tant hu hekk li l-Appostlu tal-Ġnus isejħilha għadu! U, b’Ġesù fih, jasal li jisfidaha wkoll!

L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt. (1 Kor 15:26)… Nbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek? (1 Kor 15:54-55).

Huwa f’dan id-dawl li l-verità li tfejjaq tal-Kelma ta’ Alla tiftaħli ħalqi biex inxandar il-glorja tal-Mulej li tkompli tfejjaqna. Il-Mulej juri ruħu liċ-ċkejknin u jinħeba mill-istudjużi li huma iebsa f’qalbhom. Ejjew nitolbu għalihom ħalli jagħrfuh b’ħafna umiltà u jfiequ huma wkoll magħna.

Il-Mulej Ġesù ħa fuqu l-uġiegħ u l-mard tagħna. U, bil-ġrieħi tiegħu, u tiegħu biss, li aħna nfiqu! Hekk jgħidilna San Pietru: Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu (1 Pt 2 :24). X’ragħda din!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s