Liturġija tal-Ewkaristija. IV. It-Tqarbin


14. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 21 ta’ Marzu 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

U llum l-ewwel jum tar-rebbiegħa: ir-rebbiegħa t-tajba! Imma x’jiġri fir-rebbiegħa? Iwarrdu x-xtieli, iwarrdu s-siġar. Ħa nistaqsikom xi ħaġa. Siġra jew xitla marida, iwarrdu tajjeb, jekk ikunu morda? Le! Siġra u xitla li ma jkunux imsoqqija mix-xita jew artifiċjalment, jistgħu jwarrdu tajjeb? Le. Siġra jew xitla li qalgħu għeruqhom jew li m’għandhomx għeruq, jistgħu jwarrdu? Le. Mingħajr għeruq tista’ twarrad? Le! U dan hu l-messaġġ: il-ħajja Nisranija trid tkun ħajja li twarrad fl-opri ta’ karità, fl-għemil it-tajjeb. Imma jekk int m’għandekx għeruq, ma tistax twarrad, u min hu l-għerq? Ġesù!

Jekk int m’initx ma’ Ġesù, hemm, ġol-għerq, ma twarradx. Jekk int ma ssaqqix ħajtek bit-talb u s-sagramenti, se jkollok ward Nisrani? Le! Għax it-talb u s-sagramenti jsaqqu l-għeruq u ħajjitna twarrad. Nawguralkom li din ir-rebbiegħa tkun għalikom rebbiegħa li twarrad, kif ikun l-Għid li jwarrad. Twarrad bl-opri tajba, bil-virtujiet, bl-għemil it-tajjeb mal-oħrajn. Dan ftakruh, din hi frażi ċkejkna imma sabiħa ħafna li tingħad f’art twelidi: “Dak li jwarrad fis-siġra, ġej minn dak li għandha taħt l-art”. Qatt taqtgħu l-għeruq tagħkom minn ma’ Ġesù.

U issa ejjew inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-Quddiesa. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, li qed nagħmlu mixja mad-diversi mumenti tagħha, twassalna għat-Tqarbin, jiġifieri biex aħna ningħaqdu ma’ Ġesù. It-tqarbin sagramentali: mhux it-tqarbin spiritwali, li int tista’ tagħmlu mid-dar tiegħek billi tgħid: “Ġesù, nixtieq nirċevik spiritwalment”. Le, it-tqarbin sagramentali, bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Niċċelebraw l-Ewkaristija biex nitrejqu bi Kristu, li jagħtina lilu nnifsu kemm fil-Kelma u kemm fis-Sagrament tal-Altar, biex iwaħħadna miegħu. Dan jgħidu l-Mulej stess: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6:56). Fil-fatt, il-ġest ta’ Ġesù li ta lid-dixxipli tiegħu Ġismu u Demmu fl-Aħħar Ċena, jissokta llum ukoll permezz tal-ministeru tas-saċerdot u tad-djaknu, ministri ordinarji tat-tqassim tal-Ħobż tal-ħajja u tal-Kalċi tas-salvazzjoni lill-aħwa.

Fil-Quddiesa, wara li jkun qasam il-Ħobż ikkonsagrat, jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù, is-saċerdot jurih lill-fidili, u jistedinhom jieħdu sehem fl-ikla Ewkaristika. Nafuhom il-kelmiet li jidwu minn fuq l-altar imqaddes: “Dan huwa l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja: henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf”. Imnebbħa minn silta mill-Apokalissi – “hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf” (Apok 19:9): jgħid “tieġ” għax Ġesù hu l-għarus tal-Knisja – din l-istedina qed issejħilna biex ngħixu l-għaqda intima tagħna ma’ Kristu, għajn ta’ ferħ u ta’ qdusija. Hi stedina li thenni u fl-istess ħin twassalna għal eżami tal-kuxjenza għad-dawl tal-fidi. Jekk minn naħa, fil-fatt, naraw id-distanza li hemm tifridna mill-qdusija ta’ Kristu, mill-oħra nemmnu li d-Demm tiegħu hu “mxerred għall-maħfra tad-dnubiet”. Ilkoll kemm aħna ġejna maħfura fil-Magħmudija, u lkoll kemm aħna maħfura u se niġu maħfura kull darba li nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza. U tinsewx: Ġesù dejjem jaħfer. Ġesù ma jegħja qatt jaħfer. Aħna li negħjew nitolbu maħfra. Meta jaħseb sewwasew fuq il-valur salfiviku ta’ dan id-Demm, Sant’Ambroġ jesklama: “Jien li dejjem nidneb, irrid dejjem nagħmel użu mill-mediċina” (De sacramentis, 4, 28: PL 16, 446A). B’din l-istess fidi, aħna wkoll indawru ħarsitna fuq il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u nsejħulu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi: imma għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Dan ngħiduh f’kull Quddiesa.

Jekk aħna niċċaqilqu minn postna biex nersqu għat-Tqarbin, aħna nimxu lejn l-altar f’purċissjoni biex nitqarbnu, fir-realtà hu Kristu li jiġi jiltaqa’ magħna biex iwaħħadna miegħu. Hemm laqgħa ma’ Ġesù! Li nitrejqu bl-Ewkaristija jfisser li ninbidlu f’dak li nirċievu. Dan jgħinna nifhmuh Santu Wistin, meta jirrakkonta fuq id-dawl li rċieva meta sema’ lil Kristu jgħidlu: “Jiena l-ikel tal-kbar: ikber, u tibda tiekol lili, mhux biex tibdel lili fik, bħall-ikel tal-ġisem, iżda biex int tinbidel fija” (L-Istqarrijiet VII, 10, 16: PL 32, 742). Kull darba li aħna nitqarbnu, insiru nixbhu iktar lil Ġesù, ninbidlu iżjed f’Ġesù. Kif il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, hekk dawk li jirċevuhom bil-fidi jinbidlu f’Ewkaristija ħajja. Lis-saċerdot li, hu u jqarbnek, jgħidlek: “Il-Ġisem ta’ Kristu”, int twieġbu: “Amen”, jiġifieri tagħraf il-grazzja u l-impenn li jitlob li ssir Ġisem ta’ Kristu. Għax meta int tirċievi l-Ewkaristija, int issir ġisem ta’ Kristu. Kemm hi ħaġa sabiħa din; hi sabiħa ħafna. Waqt li jgħaqqadna ma’ Kristu, u jneżżagħna mill-egoiżmi tagħna, it-Tqarbin jiftħilna qalbna u jgħaqqadna ma’ dawk kollha li huma ħaġa waħda miegħu. Dan hu l-għaġeb kbir tat-Tqarbin: insiru dak li nirċievu!

Il-Knisja tixtieq tassew li anki l-fidili jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu b’ostji kkonsagrati fl-istess Quddiesa; u s-sinjal tal-mejda Ewkaristika joħroġ b’mod iżjed sħiħ jekk it-Tqarbin imqaddes isir biż-żewġ speċi, imqar jekk nafu li t-tagħlim Kattoliku jgħidilna li taħt speċi waħda nkunu diġà qed nirċievu lil Kristu sħiħ (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 85; 281-282). Skont il-prassi ekkleżjali, il-fidili normalment jersqu lejn l-Ewkaristija f’forma proċessjonali, kif semmejna, u jitqarbnu bilwieqfa b’devozzjoni, inkella għarkupptejhom, kif stabbilit mill-Konferenza Episkopali, u jirċievu dan is-sagrament fuq l-ilsien jew, fejn hu permess, fuq l-id, kif jippreferu (ara OGMR, 160-161). Wara t-Tqarbin, biex ngħożżu fil-qalb tagħna d-don li rċivenja, jista’ jgħinna s-skiet, it-talb fis-skiet. Ikun ta’ għajnuna kbira jekk intawlu xi ftit dan il-mument ta’ skiet, fejn noqogħdu nitkellmu ma’ Ġesù fil-qalb tagħna, kif ukoll jekk inkantaw xi salm jew innu ta’ tifħir (ara OGMR, 88) li jgħinna noqogħdu mal-Mulej.

Il-Liturġija tal-Ewkaristija tagħlaq bit-Talba wara t-Tqarbin. Fiha, f’isem kulħadd, is-saċerdot idur lejn Alla biex iroddlu ħajr li tana sehem miegħu fl-istess mejda u jitolbu li dak li rċivejna jibdel lil ħajjitna. L-Ewkaristija tagħtina s-saħħa biex nagħtu frott ta’ opri tajba ħalli ngħixu ta’ Nsara. Fiha tifsira qawwija t-talba tal-lum, li fiha nitolbu lill-Mulej li “l-misteri qaddisa li rċivejna jkunu għalina duwa tas-sema, biex ifejqu lill-qlub tagħna mill-ġibdiet ħżiena, u jwettquna u jħarsuna dejjem” (Missal Ruman, l-Erbgħa wara l-V Ħadd tar-Randan). Ejjew nersqu lejn l-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù li jibdilna fih, isaħħaħna iżjed. Kemm hu twajjeb u kbir il-Mulej!

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.