Alla jħobbna bħal omm u missier


Il-Ħamis 22 ta’ Marzu, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu, fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa fakkar li Alla huwa fidil u meta nersqu għas-Sagrament tal-Penitenza mhux l-istess bħal meta nieħdu xi libsa l-laundry biex inneħħulha t-tbajja, imma mmorru biex nirċievu t-tgħanniqa ta’ Alla.

 

Il-Mulej hu fidil u ma jinsiniex. Dan jixprunana biex nimtlew bil-ferħ tat-tama. Hekk kif ninsabu qrib ħafna tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-Knisja tgħinna nirriflettu dwar l-imħabba fidila ta’ Alla, qal il-Papa.

Alla dejjem baqa’ jiftakar il-patt li għamel magħna, kif naqraw fis-Salm responsorjali u fl-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi li jirrakkuntalna l-patt li Alla għamel ma’ Abraham. Dan il-patt baqa’ dejjem jgħodd matul l-istorja tal-poplu minkejja d-dnubiet u l-idolatrija.

Infatti, l-Mulej għandu ‘mħabba vixxerali’ li minħabba fiha ma jinsiex. Biex jispjega dal-punt, il-Papa Franġisku qal li f’Jum l-Omm, fl-Arġentina hemm id-drawwa li lill-omm tingħatalha l-fjura forget me not, li hi ta’ żewġ kuluri: wieħed ikħal sabiħ għall-ommijiet ħajjin u ieħor vjola għall-ommijiet mejta.

Din hi l-imħabba t’Alla, issokta Franġisku, l-imħabba tal-omm. Alla ma jinsiena qatt. Ma jistax jinsiena għax Hu fidil għall-patt li għamel. Dan lilna jimliena biċ-ċertezza. Aħna nistgħu ngħidu li ħajjitna hi kerha, tinsab f’diffikultà, aħna midinbin. Iżda Hu ma jinsiniex, għax l-imħabba tiegħu tixbah lil dik tal-omm u tal-missier f’daqqa. Huwa omm u missier fl-istess ħin.

B’hekk, din il-fedeltà lilna timliena bil-ferħ, innota l-Papa. L-istess bħal Abraham, il-ferħ tagħna huwa t-tama hienja.  Għax kull wieħed u waħda minna konxji li m’aħniex fidili lejn il-Mulej.  Imma Alla fidil lejna, tenna Franġisku, biżżejjed niftakru fil-ħalliel it-tajjeb.

Għax Alla hu fidil, ma jistax jiċħad lilu nnifsu u ma jistax jiċħad lilna.  Ma jistax jiċħad l-imħabba tiegħu, ma jistax jiċħad lill-poplu tiegħu, għax iħobbna. Din hi l-fedeltà ta’ Alla.

Meta aħna nersqu għas-Sagrament tal-Penitenza.… jekk jogħġobkom, ma naħsbux li b’daqshekk se mmorru l-laundry biex inneħħu xi tebgħa minn fuq l-ilbies.  Le, aħna mmorru biex nirċievu t-tgħanniqa mimlija mħabba ta’ dan Alla fidil, li jistenniena dejjem. Dejjem.

Il-Papa mbagħad għamel riferiment għall-Vanġelu tal-ġurnata li fih Ġwanni jirrakkuntalna li d-dutturi tal-liġi qabdu l-ġebel biex iħaġġru lil Ġesù. Huwa ġebel bl-għan li joqtol, bl-għan li jdallam il-verità tal-Qawmien mill-mewt.

Il-Papa Franġisku temm l-omelija billi tenna li Alla hu fidil u jafna wieħed wieħed, waħda waħda. Huwa jħobbni u qatt ma jħallini waħdi. Imexxini minn idejja. Allura x’irrid aktar? X’għandi nagħmel? Għandi nifraħ bit-tama għax il-Mulej lili jħobbni bħal omm u bħal missier.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.