Frażi sprint


L-esperjenza ma ninsieha qatt! Hija wisq speċjali biex ninsieha. Fil-fatt, baqgħet imwaħħla sewwa fija.

Kelli irtir. L-irtir tas-sena. U l-predikatur għallimna kif nitolbu b’mod mentali. L-ewwel billi nieħdu frażi u noqgħodu nirrepetuha. Bil-mod. F’qalbna. Bħal Mulej tiegħi u Alla tiegħi. Jew: Int Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi. Niftakar li l-predikatur, waqt li stedinna biex nagħlqu għajnejna, irrepeta, kull minuta, għadd ta’ frażijiet sbieħ. Frażijiet li, aktar ma bdejt nirrepetihom f’qalbi, waħda waħda, minuta b’minuta, aktar bdejt inħoss il-ħlewwa tat-talb fija. Dik il-ħlewwa li l-Ispirtu s-Santu jaf joffri permezz tat-talb hekk imsejjaħ tal-elevazzjoni.

U, wara din il-karellata sħiħa u mill-isbaħ ta’ invokazzjonijiet lill-Mulej, fi skiet perfett, bdejna nitolbu b’forma oħra ta’ talb. Jiġifieri bit-talb tal-accoglienza. Jew aħjar b’dak it-tip ta’ talb fejn nħalli lil Ġesù Irxoxt jilqagħni. Fl-ewwel tip ta’ talb, jiġifieri dak tal-elevazzjoni, jiena bdejt ninvoka lil Ġesù bl-invokazzjonijiet. Iżda issa, permezz tal-mod tat-talb ta’ accoglienza, kulma għedtlu lil Ġesù, mgħejjun mill-predikatur, kienet din: Mulej, idħol f’qalbi.

U l-Mulej, la ftaħtlu l-bieb, onora minn qalbu x-xewqa tiegħi. Għalhekk beda nieżel. Nieżel. U nieżel. Kull minuta, b’għajnejja magħluqa, mal-predikatur, bdejt ngħidlu f’qalbi frażi aktar intima mill-oħra. Bħal Mulej nagħtik ħajti. Mulej nagħtik is-sensi tiegħi. Mulej agħtini l-mod tiegħek ta’ kif nara l-affarijiet. Mulej tini l-mod tiegħek ta’ kif nifhem l-affarijiet. Mulej nagħtik il-ferità li nġorr f’qalbi. Mulej nitolbok agħtini l-mod ta’ kif int tara lil dik il-persuna li ma tinżillix. Tini l-mod tiegħek kif iġġib ruħek magħha int. U l-bqija …

U, aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar bdejt inħossni nistrieħ. Nistrieħ. Nistrieħ … U aktar bdejt inħossni infiq. Infiq. Infiq … Niftakar li meta mort lura lejn kamarti biex nissokta nitlob hemm ħassejtni mimli daqs bajda bil-qawwa mimlija paċi, serenità u ħlewwa interna li kien hemm tgħum u tfawwar ġewwa fija.

U, tant kemm din il-ħlewwa, il-paċi, il-qawwa, u l-ferħ intern tal-Ispirtu s-Santu kienet qiegħdha taħkimni li dħalt fil-whatz up u ktibt dan il-messaġġ bl-Ilsien Taljan biex naqsmu mal-oħrajn. Dan hu l-ħsieb li l-Ispirtu s-Santu tani biex naqsam: Domandi sempre a Gesù prima di fare qualcosa: GESÙ COSA FARESTI AL MIO POSTO? Aspetti la sua risposta. Lui ti mostrerà. Bi lsienna: “Qabel tkun se twettaq xi ħaġa staqsi lil Ġesù: ĠESÙ KIEKU INT QIEGĦED FIŻ-ŻARBUN TIEGĦI X’TAGĦMEL? Stenna t-tweġiba tiegħu. Jurik”.

Kienu ħafna li apprezzawh. U apprezzawh mhux l-għaliex bgħattulhom jien. Anzi! Apprezzawh l-għaliex raw fih l-Ispirtu s-Santu li kien qed jitlob fija. Emmnuni li wara esperjenza bħal dik ma stajtx le nwaqqaf lili nnifsi milli nibgħat dan il-messaġġ qawwi lil ħafna nies. L-affari kienet ċara kristall! Ma kontx jien le li kont qed inwettaq dan iżda l-Ispirtu s-Santu li kien qed jagħmel dan kollu fija u bija.

Ġewwa fija ħassejtni eżatt qisni dak iż-żiemel li qed itellaq fil-finali tal-Prix D’Amerique ta’ Franza. Wara li jkun ġera ġirja tajba jaf jgħammillek għal ma nafx kemm-il ħin jibqa’ jiġri mal-korsa sakemm jerġa’ jaqbad il-pass normali tiegħu tal-mixi. U dan wieħed jista’ jifhmu. Daqskemm ikun ġera fil-korsa!

Daqstant ieħor ħassejtni niġri jien f’dak il-ħin ta’ talb mentali li kellna flimkien. U ġrejt mhux jien. Anzi! Aktar ma beda għaddej il-ħin aktar ħassejtni merħi f’idejn l-Ispirtu s-Santu! Imma, dakinnhar, kien ġera fija l-Ispirtu s-Santu. Kien Hu, u proprju Hu, li daħħalni fil-kamra ta’ ġewwa tal-qalb ta’ Ġesù fejn hemmhekk inħlist minn tant u tant tbatija li f’ħajti kont qed inġorr għal xejn.

Nagħtihielek b’rigal ħija u oħti din l-esperjenza li ġarrabt fit-talb. Bħalma nagħtik b’rigal ukoll il-messaġġ li qabel tkun se tagħmel xi ħaġa, u għadek ma tafx x’ħa tagħmel, tistaqsi lil Ġesù b’umiltà u b’fiduċja fih: ĠESÙ KIEKU INT QIEGĦED FIŻ-ŻARBUN TIEGĦI X’TAGĦMEL?

Stennieh iwieġbek. Mhux importanti f’kemm ħin. Imma jwieġbek żgur! U dan jurik l-verità li jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Galatin: Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu (Gal 2:20).

X’qawwa fiha din il-frażi sprint!

  1. Anonymous
    March 22, 2018 at 9:44 am

    Napprezza il-messagg tieghek. Nitolbu ghal xulxin biex inkomlpu nimxu Warajh b’kuragg u b’fidi kbira. J’alla nkunu dak id-dawl li jirrifletti LILHU fl’ohrajn. Il-Paci mieghek.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: