Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-Ġrajja tal-ġrajjiet

Il-Ġrajja tal-ġrajjiet


Illum, biċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, ingħatat uffiċjalment bidu l-Ġimgħa Mqaddsa. Il-Ġrajja tal-ġrajjiet.

Għaliex din il-ġimgħa partikulari nsejħulha l-Ġrajja tal-ġrajjiet? L-għaliex Alla nnifsu, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, jgħaddi minn din il-passjoni sħiħa. U ħarxa. Liema passjoni għadha tbeżżagħna.

Ġesù ma kienx xi ħassieb jew akkademiku li faqagħna bit-teoriji tiegħu. Lanqas ma mliena biċ-ċiniċiżmu li jkisser kull tama bil-velenu li jitfa’. Ġesù ma għabbiniex b’tilja tagħlim li hu, lanqas b’sebgħu ż-żgħir, ma kellu l-ħila jħarrku.

Ġesù għex dak li għallem. Ġarrab hu stess dak li qal. Ġesù sar hu innifsu l-messaġġ u mhux għadda xi messaġġ. Bħalma jiġri f’xi trattat. Jekk niġu f’dan it-trattat li tana kien ħajtu stess. Għalhekk, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, għandi ammirazzjoni kbira lejn min jgħix u mhux jippriedka. Għax min jgħix, akkost li jmut l-għaliex jgħix dak li jippriedka, dak hu li jagħlaqli ħalqi. U jikkonvinċini. Mela sewwa tgħid O Knisja li llum in-nies għandhom bżonn aktar ta’ xhieda milli għalliema. Għax aqwa mix-xhieda tal-Imgħallem Divin li għex dak li ppriedka x’hawn?

Fil-Ġrajja tal-ġrajjiet Alla nnifsu jgħaddi minn dan l-uġiegħ tal-biża’. Liema uġiegħ ma jieqafx biss fuq dak fiżiku. Tifimha! Ir-riġlejn u l-idejn minfudin, ir-ras inkurunata bix-xewk, id-dahar imfellel bis-swat, id-daqqiet u t-tbenġil bil-ponn u b’kull strument li jġerraħ, kollha juru d-drammatiċità tal-istorja. Imma possibbli li l-bniedem it-tajjeb ibati? U jbati daqshekk? U jekk, kif tgħidilna l-Kelma ta’ Alla, it-tajjeb dejjem jirbaħ lill-ħażin, kif f’din il-Ġrajja tal-ġrajjiet nistgħu ngħidu li dan seħħ tassew? Jekk mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru li l-għedewwa tiegħu qiegħdin minn fuq? U mhux Hu?

Imma qabel inwieġbu għal din il-mistoqsija hemm mistoqsija oħra x’jeħtieġilna nagħmlu fil-qalba ta’ qalbna: Għaliex Alla li jista’ kollox, fil-persuna ta’ Ġesù, kellu jieħu fuqu dan kollu? Fis-skiet ta’ kamarti tal-kunvent jiġini quddiem għajnejja l-kliem tal-profeta Iżaija li jgħid:

Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’  l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna  l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll (Is 53:3-6).

Kemm hu dawl jiddi fid-dlam dan il-qari! Għax meta aħna konna morda, ta’ min jaħrab minna, imżebilħa, bla ġieħ, imnikkta, ikkastigati minn idejna stess, miġruħa minħabba dnubietna, misħuqa minħabba ħżunitna, imsawta, bħal nagħaġ mitlufa, ħadd ma daħal għalina. Kulħadd stkerraħna. Ħadd ma kellu l-gazz li jidħol minflokna biex jieħu l-ħtija kollha fuqu hu. Jew hi. Ara kemm kellna għalliema, inkella ħassieba ċiniċi, fejn qiegħdin? Fejn marru jistaħbew? Taħt liema teorija għattew kburithom?

Iżda Hu le! Hu wriena saħħtu fi dgħjufitu. Uriena x’jaf meta quddiemna deher li ma jafx. Li, saħansitra, m’għandux kliem li bih seta’ jiddefendi ruħu. Hu baqa’ tassew sod. Ma jiċċaqlaqx. Ma jitħarrikx. U għaliex? Għax Hu qaddis. Hu Alla u mhux bniedem. Mhux il-bniedem li jintilef f’argumenti biex juri aktar kemm hu tad-daħk l-għaliex għerf veru m’għandux. X’nambuh ħbieb l-‘għerf sintetiku’! Mhux għall-mewt iwassalna ‘għerf’ bħal dan?

Meta tħossok imkisser bil-problemi tal-ħajja, l-aktar fil-mard, fl-inkwiet, fil-problemi, fid-dubbji, fl-għejja u fil-ġudizzji li jgħaddu fuqek min ma jaħmlekx, dur lejH u għidlu:

Mulej Ġesù, nagħtik dak kollu li qed itaqqalni bħalissa. Nagħtik (u semmilu l-lista ta’ dak li qed itaqqlek bħalissa. Imbagħad issokta hekk:). Nitolbok Ġesù ibdilli dan kollu f’paċi, f’imħabba, fi ħlewwa, f’qawwa, f’sabar, fi ħniena, u f’kull sentiment u kwalità oħra li hemm fik. Ħawwilhom fija O Mulej!

Tibżax! Il-Ġrajja tal-ġrajjiet tkun għalik esperjenza ta’ ħajja, ta’ bidla, ta’ ferħ kontinwu u ta’ fejqan bil-kotra. U hekk, imsoqqi u msoqqija minnU ħajtek ukoll issir Ġrajja tal-ġrajjiet. L-għaliex Hu jibda’ jgħix fik. Bħalma nixtiequ li jgħix fija wkoll!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: