Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Omelija tal-Isqof Mario Grech f’Ħadd il-Palm. “Kristu jista’ jiddeludina”

Omelija tal-Isqof Mario Grech f’Ħadd il-Palm. “Kristu jista’ jiddeludina”


Il-Ħadd 25 ta’ Marzu, 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, f’Ħadd il-Palm. Katidral ta’ Għawdex.

  Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

Id-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm nhar Ħadd il-Palm kien immarkat b’kuntrast qawwi ħafna. Għax filwaqt li dakinhar il-Lhud laqgħuh bil-ferħ, bit-tixjir tal-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ u bl-imnatar f’idejhom, ftit tal-jiem wara l-istess folla saret feroċi, u flok jerfgħu jdejhom biex jagħtuh merħba, bdew juru l-ponnijiet u jippruvaw ixarrbulu daqqiet ta’ ħarta! F’Ħadd il-Palm, Ġesù kien milqugħ bil-kant tal-Osanna, mentri jiem wara skartawh u bl-għajat ta’ “sallbu” riedu jeliminawh.

29512760_886436921535593_6702801162836831724_nFil-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa nistedinkom tieqfu tirriflettu ftit dwar dan il-kuntrast qawwi, għax illum ukoll jaf jimmarka l-ħajja Kristjana tagħna. Fil-fatt, fil-ħajja tagħna jaf ikun hemm waqtiet fejn nagħmlu l-festi u nxejru l-bnadar lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu (il-qaddisin); imma mbagħad ikun hemm mumenti oħra fejn inġibu rwieħna daqslikieku Ġesù huwa xkiel għalina. Din hija kontradizzjoni serja ħafna.

Għaliex fi ftit jiem, fir-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù, il-Lhud għaddew min-nhar għal-lejl, minn atteġġjament ta’ akkoljenza għal atteġġjament ta’ rifjut? Jien naħseb li waħda mir-raġunijiet kienet li Ġesù ddeludiehom bil-qawwa! Ġesù ma ssodisfax l-aspettattivi tagħhom! Huma xtaqu “jużaw” lill-Messija għal motivi varji, anki politiċi, imma Ġesù ma qagħdilhomx! Stennew mod u sabu l-oppost. Hekk, flok Alla qawwi u li jbeżża’, sabu Alla ġwejjed u dgħajjef; flok Alla trijonfanti, sabu Alla tellief; flok ma sabu Messija fuq it-tron, sabu Messija msallab. Dan ma kienx skont l-iskemi reliġjużi li kellhom f’moħħhom. Għalhekk xħin intebħu li bil-messaġġ u l-għażliet tiegħu Ġesù kien skandlu għalihom, lil dak li fil-bidu sejħulu “mbierek” għax ġej f’isem il-Mulej, bdew jgħidu li kien midgħi u giddieb – kienu lesti li minfloku jagħżlu lil Barabba, qattiel u brigant.

Dan id-dramm ma seħħx biss elfejn sena ilu, għax illum aħna wkoll għandna l-aspettattivi tagħna dwar Ġesù Kristu, u ħafna drabi meta nisimgħuh jgħidilna li hemm bżonn li bħalu nerfgħu s-salib tagħna jew li l-ħabba tal-qamħ trid taqa’ fl-art u tmut biex tagħti l-frott, aħna nbewġuh, nagħtuh daharna u nibdluh ma’ ħaddieħor.

Filwaqt li bħal-Lhud aħna niskandalizzaw ruħna għax naraw lil Alla msallab, tajjeb niftakru li Alla fuq is-salib huwa prova li hu tassew Alla. Għaliex kieku fuq is-salib kien hemm il-bniedem, int u jien konna ninżlu niġru minn fuqu; imma proprju Ġesù, għax hu Alla, baqa’ hemm biex hekk seta’ jidħol fit-traġedja tagħna l-bnedmin – seta’ jagħmel l-esperjenza tal-mewt li jgħaddi minnha kulħadd. Huwa ma niżilx minn fuq is-salib biex hu jkun jista’ jkun magħna u bħalna, imma biex aħna nkunu nistgħu nkunu miegħu u bħalu.

Għalhekk l-appell tiegħi għal din il-Ġimgħa Mqaddsa huwa li nippruvaw insibu ftit mumenti ta’ ħemda biex fit-talb u r-riflessjoni nkunu nistgħu nagħmlu l-passaġġ minn dak li aħna nistħajlu li Alla hu u niskopru min hu tassew Alla. Jekk Alla jkun jikkorrispondi għall-kalkoli tagħna, dan ma huwiex aktar Alla imma prodott tal-aspettattivi tagħna! Għalhekk, biex niskopru din il-verità, infittxu niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Kristu li hija ferm aktar qawwija minn ħafna reċtar dwar il-ġrajja tal-passjoni tiegħu. Ħa tkun din il-ġimgħa opportunità jew mument ta’ grazzja biex aħna nfanndu l-għarfien tagħna ta’ Kristu li tant iħobbna li ta ħajtu għalina.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: