Minn Fr Mario Attard OFM Cap

X’passjoni!


Illum bdejna uffiċjalment il-Ġimgħa Mqaddsa. Il-Ġimgħa tal-fidwa tagħna. Il-Ġimgħa li fiha għandna tant u tant tagħlim lest għalina. Kulma rridu hu li ninfetħu għalih!

F’din il-Ġimgħa naraw li t-tajjeb fil-ħajja ibati. U ibqa’ żgur li jibqa’ jbati! Hemm ara: għeru għalih! Ikkonġuraw biex jeqirduh! L-għaliex ħadilhom in-nies! Tellfilhom il-popolarità! Għax huma kienu jħobbu li jkollhom in-nies dejjem madwarhom. Jiġru magħhom. Għax hekk kienu mdorrijin għal ħafna u ħafna żmien. Imma n-nies m’humiex stupidi! Kienu ntebħu li huma paroli biss kellhom. Priedki. Tagħlim tekniku. Imma mbagħad, meta naslu għas-si u n-no, mill-ewwel kienu jaħsbu għal rashom.

Iżda Hu le! Ma kienx ikellem lin-nies, u lanqas lilhom, b’mod tekniku. Kien ikellimhom bil-parabboli. Biex żgur jifhmuh. U kien ikellimhom b’parabboli li kienu viċin sewwa l-ħajja tagħhom. Il-parabboli tal-qamħ u s-sikrana, tad-drakma, tal-iben il-ħali. U l-bqija. U lilhom kien ikellimhom b’parabboli li, l-għaliex kienu joqorsuhom fil-laħam il-ħaj, kienu jqisuhom bħala botti. Kienu lesti li jagħtu l-botti lil ħaddieħor. Iżda le li jirċevuhom huma. Kienu lesti li jikkundannaw lid-dgħajfin imma lilhom propju ħadd ma seta’ jħares lejhom. L-attitudni arroganti tagħhom kienet iżżellaq kull kuntatt li qed ifittex il-ħniena. Kienu l-amministraturi u mhux ir-rgħajja!

Ir-Rgħajja! U biex tkun ragħaj trid ikollok gazz! Għalhekk lilu qatt ma ħamluh: għax Hu dejjem kien ikun viċin in-nies. U mhux bħalhom, maqful f’xi uffiċju! Hu kien jibki u jidħak man-nies. Kien iħobb jogħqod magħhom. Kien iħobb jimxi magħhom. Ikellimhom fuq it-tajr, il-ġilji u s-sbuħija tan-natura. Ma kien jiddejjaq xejn li kien jgħidilhom kif kien iġagħlu jħossha Missierhom u Missierna tas-Sema. U kellu tassew ħabta: kemm kien jaf kif ipoġġi d-diskors! Ifhem! Mhux fis-sens ta’ interrogazzjoni tafux! Jew biex iġib lil xi ħadd dahru mal-ħajt!

Jekk niġu f’dan ma kellux għalfejn. Hu kien jafhom sewwa sieħbi! Bħalma jaf lili u lilek! Kien jaf dak kollu li hemm fil-bniedem. U ħadd ma seta’ jgħidlu xejn fuq il-bniedem. Ħadd ma seta’ jgħidlu xi ħaġa ġdida. Ma kellux għalfejn. Hu kien jaf lil kulħadd. Hu kien jaf kollox fuq kulħadd!

Lil dawn iċ-ċkejknin kien iqatta’ ħafna ħin magħhom. Kien iħaddnilhom lil uliedhom. U, fis-skiet, donni qed narah iva, anki minn hawn, issa stess, jagħtihom dik il-ħarsa sabiħa. Ħarsa li thenniehom. Dik il-ħarsa li taqra l-qalb mingħajr ma tarmieha fl-imbarazz ta’ attitudni ta’ min iħares biċ-ċiera. Għaliex ja bniedem, int min int, u hi x’inhi r-responsabbiltà tiegħek fil-ħajja, tħares biċ-ċiera lejn xi ħadd? Min qabbdek tkun l-imħallef ta’ xi ħadd? Mela ma tafx li ġurnata għad trid tagħti kont ta’ għemilek inti stess? Mhux wieħed biss l-imħallef? Wieħed biss il-Mulej? Wieħed biss is-Sid? Tnittinx O bniedem l-arja ta’ fejn tersaq! Toħnoqx l-imħabba li tkun qed tinbeda mill-Ispirtu s-Santu! Int min tabilħaqq int biex tagħti xi verdett? Il-ħajja tgħaddi malajr ħabib! Ħalli d-dawl ta’ l-Irxoxt jidħol f’qalbek! Ħallih, bħal Franġisku t’Assisi, jġibek l-iżgħar u mhux l-akbar. O Franġisku! Kemm hawn bżonnok ħabib! Forsi ħafna aktar milli naħsbu aħna! Jew nagħtu l-impressjoni li nafu!

Imma Hu, l-Imgħallem, is-Salvatur, għereq l-għaraq tad-demm għal kulħadd. Għax Hu biss jiġġudika l-intern tal-bniedem. Lil dawk li riedu jħaqquha miegħu uriehom x’jaf f’ħajtu. U bellagħhom fil-passjoni tiegħu. B’żewġ kelmiet ġabhom darhom mal-ħajt. Ħalliehom jiskru fil-ħdura kbira li kellhom kontrieh!

O Mulej! Meta narak taqla’, tbati u tiġi insultat, x’jibqa’ minni? Fejn naqbad immur? Kemm jgħibu dakinnhar l-iskużi tiegħi. U dawk ir-raġunijiet fiergħa li jien inġib biex insalva wiċċi u ‘qdusiti’ li ma teżiżtix! X’hemm jeżiżti O Mulej għajr il-qdusija tiegħek? X’hemm jeżiżti għajr il-ħniena tiegħek? U għaliex Mulej meta nitħaddet, anki jekk nitħaddet sewwa, fi kliemi hemm mewta kbira? Naf għaliex Mulej! Għax qalbi hija mkabbra. U titriegħed biex turi ħniena! Għax taqla’ l-kritika! Iġġerraħ lill-‘qdusiti’ li ma teżiżtix!

B’liema passjoni Mulej batejt għalina! B’liema umiltà! B’liema ħniena! B’liema mogħdrija! U mhux din hija l-vera ġustizzja tiegħek? Għall-erwieħ Ġesù li int taħsibha mod differenti ħafna minna! Veru … għall-erwieħ!

Ġesù ifflaġellat, inkurunat bix-xewk, b’qalbek maqsuma bl-imħabba għalina, Ġesù tassew mimli ħniena, … jiena nadurak. Għax huwa int, u int biss, u b’hekk biss, li int fdejtni. Ġesù ħallini niftaħ qalbi għalik u nħalli din imħabbtek għalija tikkonvertini. Għax idaħħalni fik. Fil-mod ta’ kif int tara l-affarijiet. Mulej Ġesù, salvani bis-Salib u l-Qawmien tiegħek.

Oh! X’passjoni!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s