Katekeżi Quddiesa, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Riti tal-għeluq


15. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 4 ta’ April 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u l-Għid it-tajjeb!

Illum qed taraw li hawn il-fjuri: il-fjuri jfissru ferħ, allegrija. F’ċerti postijiet l-Għid jissejjaħ ukoll “Għid imwarrad”, għax iwarrad Kristu Rxoxt: hu l-ward il-ġdid; twarrad il-ġustifikazzjoni tagħna; twarrad il-qdusija tal-Knisja.

Għalhekk dan il-ward kollu: hu l-ferħ tagħna. Il-ġimgħa kollha aħna niċċelebraw l-Għid, il-ġimgħa kollha. U għalhekk ejjew agħtu lil xulxin, għal darb’oħra, ilkoll kemm aħna, l-awguri ta’ “l-Għid it-tajjeb”. Ngħidu flimkien: “L-Għid it-tajjeb”, ilkoll! [iwieġbu: “L-Għid it-tajjeb!”]. Nixtiequ li nagħtu wkoll l-Għid it-tajjeb – għax kien Isqof ta’ Ruma – lill-maħbub Papa Benedittu, li qed isegwina fuq it-televiżjoni. Lill-Papa Benedittu, nagħtuh ilkoll l-Għid it-tajjeb: [jgħidu: “L-Għid it-tajjeb!”] U ċapċipa, qawwija.

B’din il-katekeżi nagħlqu ċ-ċiklu ddedikat lill-Quddiesa, li hi sewwasew it-tifkira, imma mhux biss it-tifkira storika, għax ngħixu mill-ġdid il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù. L-aħħar darba konna wasalna sat-Tqarbin u t-Talba wara t-Tqarbin; wara din it-talba, il-Quddiesa tagħlaq bil-barka li jagħtina s-saċerdot u t-tislima tal-aħħar lill-poplu (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 90). Kif fetħet bis-sinjal tas-salib, fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, hu mill-ġdid f’isem it-Trinità li tiġi ssiġillata l-Quddiesa, jiġifieri l-azzjoni liturġika.

Madankollu, nafu tajjeb li waqt li l-Quddiesa tispiċċa, jibda l-impenn tax-xhieda Nisranija. L-Insara ma jmorrux il-Quddiesa biex iwettqu dmirhom ta’ kull ġimgħa u mbagħad jinsew kollox, le. L-Insara jmorru l-Quddiesa biex jieħdu sehem fil-Passjoni u l-Qawmien tal-Mulej u mbagħad jgħixu iżjed bħala Nsara: jiftaħ hawn l-impenn tax-xhieda Nisranija. Noħorġu mill-Knisja biex “immorru fil-paċi” ħa nwasslu l-barka ta’ Alla fil-ħidmiet ta’ kuljum, fid-djar tagħna, fl-ambjenti tax-xogħol, qalb it-taħbit tal-belt ta’ din l-art, “insebbħu lill-Mulej b’ħajjitna”. Imma jekk aħna noħorġu mill-knisja npaċpċu u ngħidu: “Ara dan, ara dak…”, bi lsienna twil, il-Quddiesa ma tkunx daħlet fil-qalb tiegħi. Għaliex? Għax m’iniex kapaċi ngħix ix-xhieda Nisranija. Kull darba li noħroġ mill-Quddiesa, irrid noħroġ aħjar milli dħalt, b’iżjed ħajja, b’iżjed qawwa, b’iżjed rieda li nagħti xhieda Nisranija. Permezz tal-Ewkaristija l-Mulej Ġesù jidħol fina, fil-qalb tagħna u fil-ġisem tagħna, biex nistgħu “nħarsu fina l-frott tas-sagrament tat-twelid ġdid li ħadna, aħna u nistqarru l-fidi” (ara Missal Ruman, Kolletta tat-Tnejn tal-Ottava tal-Għid).

Miċ-ċelebrazzjoni għall-ħajja, mela, għax nafu li l-Quddiesa ssib il-milja tagħha fl-għażliet konkreti ta’ min isir parti mill-misteri ta’ Kristu. Ma rridux ninsew li aħna niċċelebraw l-Ewkaristija biex nitgħallmu nsiru rġiel u nisa Ewkaristiċi. Xi jfisser dan? Ifisser li nħallu lil Kristu jaġixxi fl-opri tagħna: il-ħsibijiet tiegħu jkunu l-ħsibijiet tagħna, is-sentimenti tiegħu jsiru tagħna, l-għażliet tiegħu tagħna. U din hi l-qdusija: il-qdusija Nisranija hi li nagħmlu kif għamel Kristu. Dan jesprimih preċiż San Pawl, meta jitkellem fuq kif hu twaħħad ma’ Ġesù, u jgħid hekk: “Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:19-20). Din hija x-xhieda Nisranija. L-esperjenza ta’ Pawlu ddawwal lilna wkoll: iktar ma nissagrifikaw l-egoiżmu tagħna, jiġifieri mmewtu fina dak li jeħodha kontra l-Vanġelu u l-imħabba ta’ Ġesù, iktar inkunu nagħmlu ġo fina wisa’ ikbar għall-qawwa tal-Ispirtu tiegħu. L-Insara huma rġiel u nisa li jħallu qalbhom titwessa’ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, wara li huma jkunu rċivew il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Ħallu qalbkom titwessa’! Mhux dawn il-qlub hekk dojoq u magħluqa, żgħar, egoisti, le! Qlub wiesgħa, qlub kbar, b’ixfqa kbar… Ħallu l-qalb tagħkom titwessa’ bil-qawwa tal-Ispirtu, wara li tkunu rċivejtu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Ladarba l-preżenza reali ta’ Kristu fil-Ħobż ikkonsagrat ma tiqafx mal-Quddiesa (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1374), l-Ewkaristija tiġi miżmuma fit-tabernaklu għat-Tqarbin tal-morda u għall-adorazzjoni siekta tal-Mulej preżenti fis-Santissmu Sagrament; fil-fatt, il-qima Ewkaristika barra mill-Quddiesa, kemm f’għamla privata u kemm komunitarja, tgħinna biex nibqgħu fi Kristu (ara ibid., 1378-1380).

Għalhekk, il-frott tal-Quddiesa jrid jikber fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nistgħu ngħidu hekk, aħna u ninqdew bl-istess xbieha: il-Quddiesa hi bħall-ħabba, il-ħabba tal-qamħ li mbagħad fil-ħajja ta’ kuljum tikber, tikber u timmatura fl-opri tajba, fl-atteġġjamenti li jagħmluna nixbhu lil Ġesù. Mela l-frott tal-Quddiesa jrid jikber fil-ħajja ta’ kuljum. Fil-verità, hija u tkabbar l-għaqda tagħna ma’ Kristu, l-Ewkaristija ġġedded il-grazzja li l-Ispirtu tana fil-Magħmudija u fil-Konfirmazzjoni, biex ix-xhieda Nisranija tagħna tkun titwemmen tassew (ara ibid., 1391-1392).

U hija u tkebbes fil-qlub tagħna l-imħabba divina, l-Ewkaristija x’tagħmel? Tifridna mid-dnub: “Aktar ma nissieħbu fil-ħajja ta’ Kristu, aktar nimxu ’l quddiem fil-ħbiberija miegħu, aktar isir diffiċli għalina niksruha miegħu bid-dnub il-mejjet” (ibid., 1395).

Jekk nersqu b’mod regolari għall-Ikla Ewkaristika, din iġġedded, issaħħaħ u tniżżel iktar fil-fond fina r-rabta mal-komunità Nisranija li nagħmlu parti minnha, skont il-prinċipju li l-Ewkaristija tagħmel il-Knisja (ara ibid., 1396), tgħaqqadna lkoll.

Fl-aħħar nett, il-parteċipazzjoni fl-Ewkaristija timpenjana fil-konfront tal-oħrajn, speċjalment tal-foqra, tedukana biex ngħaddu mill-ġisem ta’ Kristu għall-ġisem ta’ ħutna, li fihom hu qed jistenniena nagħrfuh, naqduh, inweġġħuh, inħobbuh (ara ibid., 1397).

Aħna u nġorru t-teżor tal-għaqda tagħna ma’ Kristu f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4:7), għandna kontinwament bżonn li nerġgħu lura lejn l-altar imqaddes, sakemm fil-Ġenna, għad niggustaw għalkollox l-hena tal-ikla tal-festa tat-tieġ tal-Ħaruf (ara Apok 19:9).

Irroddu ħajr lill-Mulej għall-mixja li tana li nagħmlu flimkien biex niskopru mill-ġdid x’inhi l-Quddiesa, u nħallu tiġbidna lejha b’fidi mġedda din il-laqgħa vera ma’ Ġesù, li miet u rxoxta għalina, li hu wieħed minna llum. U jalla ħajjitna tkun dejjem “twarrad” hekk, bħall-Għid, bil-ward tat-tama, tal-fidi, tal-opri tajba. Jalla nsibu dejjem il-qawwa għal dan fl-Ewkaristija, fl-għaqda tagħna ma’ Ġesù. L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s