Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ir-Reżurezzjoni: ir-ritorn lejn l-ewwel imħabba

Ir-Reżurezzjoni: ir-ritorn lejn l-ewwel imħabba


Illum Kristu qam minn bejn l-Imwiet! Illum id-dawl għeleb, b’mod definittiv u li ma jitħassar qatt, id-dlam! Illum is-sema fdiet lill-imsejkna art! Illum il-grazzja għelbet lid-dnub u lill-ħażin! Illum il-ħażen idub fil-preżenza tal-qdusija tal-jum li qatt ma jgħib! Għax illum il-ħajja għelbet il-mewt!

Illum! Issa! Bħalissa! Kollha kliem li juri l-qawwa u l-attwalità tar-Reżurezzjoni! Dan huwa kliem li jikxef l-qawwa ta’ Dak li ħabbna u li ta’ lilu nnifsu għalina. Mhux darba biss. Qisu maqful f’xi nostalġija! Imma, b’mod tal-għaġeb, ta’ ħajtu għal dejjem. F’kull ħin! Għalhekk jiddependi minni u minnek jekk nidħlux jew le fil-wifi tar-Reżurezzjoni. Speċjalment, iva, bis-sagramenti tal-Knisja. Għalhekk huwa mportanti li dawn is-sinjali (misteri) qawwija ta’ grazzja, nirċevuhom ta’ spiss. B’hekk biss jista’ ikollna fina l-qawwa ta’ Kristu Rxoxt f’ħajjitna. Għax mingħajru dlam, taħwid u fixla jkollna!

Sentenza mill-isbaħ ta’ Papa Franġisku li lili aqta’ kemm tagħmilli ġid, kull darba li naqraha, u hija parti mill-omelija li l-Papa għamel fil-Vġili tal-Għid tal-2014, tgħid hekk: “Il-Vanġelu tal-Għid huwa tassew ċar: għandna bżonn immorru lura hemm, biex naraw lil Ġesù mqajjem u li nsiru xhieda tar-Reżurezzjoni. Dan ma jfissirx li mmorru lura fiż-żmien. M’huwiex xi għamla ta’ nostalġija. Huwa ritorn għall-ewwel imħabba tagħna, biex nirċievu n-nar li Ġesù qabbad fid-dinja u li nġibu dan in-nar lin-nies kollha, sat-truf tad-dinja”.

Imma x’inhu dan in-nar li Papa Franġisku qed jitħaddet fuqu? Huwa n-nar li jqabbad l-injam niexef u li bih tibda’ il-liturġija tal-Vġili tal-Għid, fis-Sibt Imqaddes tal-Għid? In-nar li qed nitħaddtu fuqu jissimbolizza r-Reżurezzjoni ta’ Kristu. Dak in-nar li l-Missier jaqsam magħna fil-glorja ta’ Ibnu. Dak in-nar ġdid u qaddis u li hu l-istess Ġesù. Dan in-nar li hu t-tama tagħna. Huwa permezz ta’ dan in-nar, Ġesù, imqajjem minn bejn l-imwiet, li l-Missier jippurifika moħħna. U, permezz ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, jħejjijna għall-festa tad-dawl etern fis-sema.

Għax dan in-nar huwa Dak stess li qalilna: Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja (Ġw 8:12). Il-Kelma ta’ Alla stess issuktat issejjaħlu d-dawl. Isma’ Ġwanni x’jgħid fuqu fil-vanġelu tiegħu: Kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux (Ġw 1:4-5). U, f’dawn il-jiem tassew sbieħ fil-mixja tal-fidi Nisranija tagħna, kemm jogħġbuni l-kliem tal-Omelija dwar l-Għid il-Kbir ta’ Melitone ta’ Sardis fejn fiha Ġesù stess jgħid:

Jien, Kristu, il-maħfra tagħkom, jien l-Għid tas-salvazzjoni, jien il-Ħaruf issagrifikat għalikom, jien il-ħasil tagħkom, jien ħajjitkom, jien il-qawmien tagħkom, jien is-salvazzjoni tagħkom, jien is-sultan tagħkom. Jien li ntellagħkom fl-għoli tas-smewwiet, jien li nqajjimkom mill-imwiet, jien li nurikom il-Missier li hu fis-smewwiet, jien li nqajjimkom b’idi l-leminija.

Mela x’inhu dan in-nar tar-Reżurezzjoni jekk mhux dak tal-maħfra, tas-salvazzjoni, tal-ħasil u tal-qawmien mill-imwiet? X’inhu n-nar tar-Reżurezzjoni jekk mhux il-firda tad-dawl mid-dlam, tal-verità mill-gideb, tal-għotja tagħna nfusna mill-egoiżmu li jikkankrana? X’inhu dan in-nar tar-Reżurezzjoni jekk mhux il-firda tad-dija mid-dell tal-mewt, tas-sħana tal-imħabba mill-kesħa tal-indifferenza, tal-enġerija li tibdel mit-telqa tal-għażż tar-ruħ?

Imma biex qalbi terġa’ tirritorna lejn l-ewwel imħabba, jiġifieri lejn Ġesù, hemm bżonn li nerġa’ nitwieled mill-ġdid. Hemm bżonn li nesperjenza l-qawwa tal-maħfra. Hekk qalilna Ġesù fl-omelija ta’ Melitone: Jien, Kristu, il-maħfra tagħkom. Ejjew din is-sentenza nibqgħu fuq li nibqgħu nirrepetuha! Kemm għandna bżonnha! Issa din is-sentenza hija maqluba f’ħajjitna permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

Kien għalhekk li l-Arċisqof Scicluna, fl-omelija li għamel nhar il-21 ta’ Marzu 2018, f’għeluq is-sentejn mill-mewt tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, qal:

Il-veru ħelsien huwa l-ħelsien mid-dnub. Jispjegalhom li jekk jixtiequ jkunu ħielsa, iridu jinfatmu mid-dnub. Din hija t-talba li nixtiequ nagħmlulu aħna wkoll. Aħna u nippreparaw għad-Duluri u għall-Ġimgħa l-Kbira, nippruvaw insibu ħin biex inqerru. Mulej, fil-ħniena tiegħek, eħlisna minn dnubietna. Dik it-talba sabiħa li ngħidulu: ‘Nadurawk, O Ġesù, u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna,’ inti ħlistna mill-jasar tad-dnub.

Ħa nżommu jabqad in-nar tar-Reżurezzjoni! Ħa nirriturnaw lejn l-ewwel imħabba, li hu Ġesù, billi nqerru ta’ spiss!

  1. Anonymous
    April 6, 2018 at 7:52 am

    Congratulations really this. Is the modern way to communicate with the modern world. I am now eagerly waiting for a good read from were ever I am . Keep it up

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: