Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-wifi tar-Reżurezzjoni

Il-wifi tar-Reżurezzjoni


L-Għid il-Kbir! Kristu qam rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub! Tibżax! Jekk taħsel tinsa’ li Ġesù Kristu qam minn bejn l-imwiet jew tħossok xettiku u xettika dwar dan il-fatt, żgur li malajr tiġi f’tiegħek! Ismagħhom ifaqqgħu l-murtali! Hemm arahom il-figolli lesti biex jinqasmu! U, bilħaqq, il-qniepen tal-knejjes, galor!

Allaħares ma jkunx hekk! Inkella jekk il-ħajja issir biss problemi, mard, dwejjaq, toqol u x’naf jien? Għidli ftit sieħbi, dik x’ħajja tkun? Għax, u issa ejjew inkunu sinċieri u mingħajr ħafna skużi ta’ kif, għaliex jew però, x’sens jibqalgħha ħajjitna? U jekk issa qed insir xettiku wkoll dwar il-verità tal-ħajja wara din allura x’tama għandi għal din il-ħajja? Mhux aħjar jekk nagħfas naqra l-break qabel nidħol ġo xi ħajt? X’taħseb?

Il-Malti modern jitħaddet minn riġenerazzjoni. L-Għid il-Kbir, hija festa proprju ta’ riġenerazzjoni. Anzi! Nazzarda ngħid ħafna aktar milli sempliċiment riġenerazzjoni! L-għaliex l-Għid hija l-festa dwar ir-Riġeneratur! Jiġifieri dwar Dak li jiġġenera. Mela ejja, għal darba, nieqaf niffoka fuq dawk l-imberkin mirakli. U, għal darba, nieqaf nitlob għalihom. Iva, ħa jkolli l-kuraġġ u l-wiċċ li nitfa’ ħarsti fuq Min jagħmilhom! Ejja, għal darba, nieqaf niffoka fuq is-salvazzjoni u niffoka fuq is-Salvatur. Dak li jagħtiha! L-għaliex mingħajr is-Salvatur m’hemmx salvazzjoni. U, wisq anqas, mingħajr is-Salvatur addijo l-mirakli! Għamlilhom bye bye, almenu għallum ħi!

Personalment it-tekonoloġija moderna nħobbha. Mhux għax inqis ruħi bħala wieħed li hu iffissat fuqha. Iżda l-għaliex t-tekonoloġija hija l-mod ta’ kif int u jien nistgħu ngħixu fis-soċjetà u f’Malta tallum. Tant hu hekk li kulfejn immorru dejjem nistaqsu mistoqsija waħda, jekk, u sintendi, ma jkollokx it-3G jew il-4G u tifqa’ kull m’hemm: “Hawn wifi hawn?” Il-wifi, jew aħjar dik it-tekonoloġija li tuża l-raġġi tar-radju biex tipprovdi l-connectivity tan-network, għandna bżonnha. Int neħħi ftit dawk ir-raġġi u ara ftit jekk tkunx tista’ tikkonnettja mad-dinja ta’ madwarek. Żgur li le! L-għaliex tibqa’ waħdek! Sula! Sulu!

Taf li anki r-Reżurrezzjoni ta’ Ġesù għandha l-wifi tagħha? Jiġifieri għandha dawk ir-raġġi li mingħajrhom din ir-Reżurrezzjoni qatt ma kienet isseħħ? Fil-psikoloġija hemm kelma li hija importanti ħafna. Liema kelma saru u għadhom isiru studji kbar u gwappi dwarha: l-attitudni! Jgħidu li l-attitudni hija ġabra ta’ emozzjonijiet, twemmin u mġieba lejn oġġett, persuna, ħaġa jew ġrajja partikulari. Il-psikoloġi jgħidulna wkoll li l-attitudnijiet, ħafna drabi, huma r-riżultat tal-esperjenza jew trobbija. U tant kemm l-attitudnijiet huma qawwija li jista’ ikollhom influwenza qawwija fuq l-imġieba.

Biex nifhmu r-Reżurrezzjoni ta’ Ġesù irridu nkunu midħla tal-attitudnijiet tiegħu. Jiġifieri ta’ dawk ir-raġġi li pprovdew il-wifi li bih seta’ jiġi mqajjem mill-imwiet mill-Missier. Mela, raġġ numru 1 hu li Ġesù xejjen lilu nnifsu (Fil 2:7). Mhux qagħad jintefaħ b’kemm jaf jippriedka, jikteb, jaħdem u għid li trid. Le! Xejjen lilu nnifsu! Jiġifieri libes il-fardal! F’kelma waħda l-umiltà! Issa din l-attitudni wasslietu biex ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (Fil 2:8). Dan it-tixjin tiegħu innifsu wasslu għall-ubbidjenza! Għax min iħobb jobdi lil min veru jħobb. Min iħobb jissallab għal min iħobb. Min iħobb jiskomoda ruħu għal min iħobb. U min iħobb jibqa’ fidil sal-aħħar lejn min iħobb. Għax, min veru jħobb, jinsa’ lilu nnifsu! Għax hu ġeneruż! Mela, raġġ numru 2 hu l-ubbidjenza!

Wara jidħol raġġ numru 3, il-ġenerożità! Aktar ma’ wieħed jobdi aktar jaqdi minn qalbu. U aktar ma jaqdi minn qalbu aktar jibda’ isir ħelu! Eżatt kif qalilna Ġesù: Għax jien ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11:29). U ħlewwietu terġa’ twasslu biex jaqdi aktar! Isimgħu mill-ġdid kliemu sieħbi, bħalma qed nisimgħu jien minn ġol-kunvent: Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mk 10:45). Kuntrarju għalija u għalik, Hu ma jarax x’se jieħu minn għandna. Le! Iżda jara biss x’se jagħtina! U l-ħin kollu iffissat biex jagħtina! U jibqa’ jagħtina kull darba li niftħulu qalbna! L-għaliex jaf u għandu fiduċja li waqt li qed itina aħna nagħmlu dak il-pass kbir: mill-miraklu ngħaddu għas-Salvatur, mis-salvazzjoni ngħaddu għaliH, is-Salvatur, Dak li jagħtihielna.

Xi ġmiel ħbieb dawn l-erba’ raġġi li joħorġu minn Kristu Irxoxt: umiltà, ġenerożità, ħlewwa u perseveranza.

Ġesù Irxoxt, kabbarni fl-umiltà, fil-ġenerożità, fil-ħlewwa u fil-perservanza tiegħek li ngħix dawn il-valuri tiegħek. Għinni biex dawn nuriehom lil min għandu demm miegħi u min le. Fakkarni li jekk nagħmel hekk jiena dejjem inkun imqabbad fil-wifi tar-Reżurrezzjoni tiegħek. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: