Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd 8 ta’ April 2018

L-Evanġelju tal-Ħadd 8 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 20, 19-31

Donnu ċ-ċentru tal-attenzjoni kull tieni ħadd tal-Għid huwa dan l-imbierek San Tumas li kellu l-kuraġġ jitlaq ’il barra mill-għeluq tat-taparsiżmu u l-biża’ mill-ħajja l-ġdida li kienu qed jgħixu d-dixxipli magħluqin fil-kamra ta’ fuq, jikkontemplaw x’jista’ jiġrilhom jekk imqar jittawlu minn bejn il-bieb u ċ-ċaċċis li jagħtu għal barra; Tumas li kulħadd iqisu bħala l-mudell tan-nuqqas ta’ twemmin, tad-dubju f’dak li jgħid ħaddieħor. Rari tisma lil xi ħadd iqis lil Tumas bħal l-eroj li ried iġarrab hu l-esperjenza diretta, ta’ dak li ma joqgħodx fuq id-diskors ta’ ħaddieħor u jemmen kull ma jisma’; Tumas li ddeċieda li jrid imiss b’idejh mhux biex jemmen iżda biex ikun jaf.

Neħduha bi kbira meta Tumas ma emminx lil sħabu meta lanqas huma stess ma emmnu u baqgħu jifirħu u jibżgħu u ma jemmnux anke war ali Ġesù dehrlilhom kemm-il darba? Neħduha bi kbira meta aħna niddubitaw f’dak li nisimgħu u nistaqsu jekk dak li qed jgħidu hux veru jew le? Iċ-ċanfira ħelwa ta’ Ġesù mhix l-ewwel darba li smajnieha; Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi? Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna? Fejn hi l-fidi tagħkom?

Veru ma emminx u ma emminx lil sħabu li qalulu x’raw u x’semgħu u ma emminx, bħalma għamlu huma, dak li Ġesù kien qal dwar dak li kellu jseħħ. Iżda, wara li għadda mill-esperjenza hu, għamel l-istqarrija tar-rabta tiegħu ma’ Ġesù: Mulej tiegħi u Alla tiegħi. Il-fidi għal Tumas mhix biss li temmen, iżda li ġġarrab għax biex tgħid li temmen mhix ħaġa ta’ barra minn hawn, iżda meta ġġarrab, meta tgħaddi mill-esperjenza it-twemmin isir ħajja; mhux nemmen fik imma nafek u nagħrfek. U jekk nafek u nagħrfek nittieħed minnek, ninbidel f’persuna li ġarrabtek.

Faċli ħafna ngħidu li nemmnu, iżda ħafna drabi nemmnu bil-biċċiet, nofs leħja u nofs qalb; nivvintaw aħna f’hiex nemmnu għax mhux bilfors ġarrabna, mhux bilfors afna u għarafna. It-tweemin tagħna sar wisq imfassal skont l-esiġenzi u l-burdati tagħna. Għamilna mit-twemmin delizzju. Xiħaġa li ngħixu fil-ġenb, meta jkollna aptit, meta nsibu l-ħin, kif jogħġob lilna u kif jagħtina gost. Bdilna l-fidi f’taparsi kultura, l-esperjenza personali ma’ Alla bdilnieha f’qoxra mżejna bin-nostalġija għall-imgħoddi imma vojta minn kull impenn serju li jikkonvinċi lil min jismagħna u jarana. Warrabna l-esperjenza personali ma’ Ġesù biex daħħalna minflokha l-esperjenza tagħna magħna nfusna, bħala ndividwi u bħala soċjetà. Ħafna drabi nisimgħu espressjonijiet bħal ‘jiena kattoliku prattikanti imma…’ u hemm inżidu dak li jaqbel lilna.

Veru li Tumas ma kienx magħhom u allura ma ġarrabx magħhom, imma lanqas tkaxkar mill-emozzjonijiet tagħhom, fittex l-esperejnza personali kemm meta tealq u kemm meta reġa lura.

Quddiem l-esperjenza ta’ Tumas, ikun stupidu nikkundannawh għad-dubju kuraġġuż tiegħu, jekk ma nħarsux lejn il-veritajiet li ħloqna li jostru l-verità vera.

Il-mistoqsija li għandi nagħmel illum mhix jekk inhix bħal Tumas fin-nuqqa sta’ fidi tiegħi, iżda jekk inhix bħal-Tumas fit-tiftix tal-esperjenza personali tiegħi ma’ Ġesù li mhux taparsi u li nibidel fih, u nistqarru bil-qawwa kollha fil-mod kif naħseb, nitkellem u ngħix.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: