Il-Magħmudija: Introduzzjoni


1. Katekeżi dwar il-Magħmudija mill-Papa Franġisku. 11 ta’ April 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-ħamsin jum taż-żmien liturġiku tal-Għid jixirqu biex nirriflettu fuq il-ħajja Nisranija li, min-natura tagħha, hi l-ħajja li tiġi minn Kristu nnifsu. Fil-fatt, aħna Nsara skont kemm inħallu lil Ġesù Kristu jgħix fina. Mela mnejn irridu nibdew biex inqajmu mill-ġdid fina dan l-għarfien jekk mhux mill-bidu, mis-Sagrament li kebbes fina l-ħajja Nisranija? Din hi l-Magħmudija.

 

L-Għid ta’ Kristu, li miegħu jġib kollox ġdid, jasal għandna permezz tal-Magħmudija biex jibdilna fix-xbieha tiegħu: l-imgħammdin huma ta’ Ġesù Kristu, u huwa s-Sid ta’ ħajjithom. Il-Magħmudija hi l-“pedament tal-ħajja Nisranija kollha” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1213). Hi l-ewwel mis-Sagramenti, għax hi l-bieb li minnu Ġesù Kristu jgħaddi biex jgħammar fil-persuna tagħna u aħna ngħaddu biex nidħlu fil-Misteru tiegħu.

Il-verb Grieg “tgħammed” ifisser “tgħaddas” (ara KKK, 1214). Il-banju bl-ilma hu rit komuni f’ħafna reliġjonijiet biex jesprimi l-passaġġ minn kundizzjoni għall-oħra, sinjal ta’ tisfija għal bidu ġdid. Aħna l-Insara m’għandniex ninsew li jekk hu l-ġisem li jiġi mgħaddas fl-ilma, hi r-ruħ li ġiet mgħaddsa fi Kristu biex tirċievi l-maħfra mid-dnub u tilma bid-dawl divin (ara Tertulljanu, Dwar il-qawmien tal-mejtin, VIII, 3: CCL 2, 931; PL 2, 806). Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Magħmudija tgħaddasna fil-mewt u l-qawmien tal-Mulej, tgħarraq fil-fonti tal-magħmudija l-bniedem il-qadim, maħkum mid-dnub li jifridna minn Alla, u twelled il-bniedem il-ġdid, maħluq mill-ġdid fi Kristu. Fih, ulied Adam kollha huma msejħin għal ħajja ġdida. Għalhekk il-Magħmudija hi twelid mill-ġdid. Jiena ċert, ċertissmu, li kollha kemm aħna niftakru d-data ta’ meta twelidna: bla dubju. Imma nistaqsi bejni u bejn ruħi, kemxejn dubjuż, u nistaqsi lilkom: hawn kulħadd jiftakar x’kienet id-data tal-magħmudija tiegħu? Xi wħud qed jgħidu iva – tajjeb. Imma hi iva xi ftit mejta, għax forsi ħafna ma jiftakruhiex din. Imma jekk aħna niċċelebraw jum twelidna, kif ma niċċelebrawx – tal-inqas infakkru – il-jum tat-twelid mill-ġdid tagħna? Se nagħtikom biċċa xogħol għad-dar, biċċa xogħol biex tagħmluha d-dar illum. Dawk fostkom li ma jiftakrux id-data tal-magħmudija tagħhom, imorru jistaqsu lil ommhom, liz-zijiet, lin-neputijiet, jistaqsuhom: “Int taf x’inhi d-data tal-magħmudija?”, u tinsieha qatt. U dakinhar rodd ħajr lill-Mulej, għax dak hu sewwasew il-jum li fih Ġesù daħal fija, l-Ispirtu s-Santu daħal fija. Fhimtu sew x’għandkom tagħmlu d-dar? Kollha għandna nkunu nafu x’inhi d-data tal-magħmudija tagħna. Hu jum ieħor li fih nagħlqu sninna: l-anniversarju tat-twelid mill-ġdid tagħna. Tinsewx tagħmluh dan, nitlobkom.

Niftakru x’kienu l-aħħar kelmiet tal-Irxoxt lill-Appostli; huma mandat preċiż: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). Permezz tal-ħasil bil-magħmudija, min jemmen fi Kristu jiġi mgħaddas fl-istess ħajja tat-Trinità.

Fil-fatt dak tal-Magħmudija mhuwiex ilma kien li kien, imma l-ilma li fuqu nitolbu jinżel l-Ispirtu li “jagħti l-ħajja” (Kredu). Naħsbu ftit f’dak li qal Ġesù lil Nikodemu biex ifissirlu t-twelid għall-ħajja divina: “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu” (Ġw 3:5-6). Għalhekk il-Magħmudija tissejjaħ ukoll “tnissil mill-ġdid”: aħna nemmnu li Alla fdiena “bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, […] minħabba l-ħniena tiegħu” (Titu 3:5).

Għalhekk il-Magħmudija hi sinjal qawwi ta’ twelid mill-ġdid, biex nimxu f’ħajja ġdida. Ifakkarhulna San Pawl meta jikteb lill-Insara ta’ Ruma: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6:3-4).

Meta tgħaddasna fi Kristu, il-Magħmudija tagħmilna wkoll membri ta’ Ġismu, li hi l-Knisja, u tagħtina sehem fil-missjoni tiegħu fid-dinja (ara KKK, 1213). Aħna l-imgħammdin m’aħniex waħidna: aħna membri tal-Ġisem ta’ Kristu. Il-ħajja li toħroġ mill-fonti tal-magmudija tidher f’dan il-kliem ta’ Ġesù: “Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott” (ara Ġw 15:5). Ħajja waħda, dik tal-Ispirtu s-Santu, toħroġ minn Kristu għal għand l-imgħammdin, u tgħaqqadhom f’Ġisem wieħed (ara 1 Kor 12:13), midluk bid-dilka mqaddsa u mitmugħ mill-mejda Ewkaristika.

Bil-Magħmudija, Kristu jista’ jgħix fina u aħna ngħixu magħqudin miegħu, biex nikkollaboraw fil-Knisja, kull wieħed u waħda skont il-qagħda tiegħu, għall-bidla tad-dinja. Il-ħasil bl-ilma tal-Magħmudija, li aħna nirċievu darba biss, idawwal il-ħajja kollha tagħna, u jmexxi l-passi tagħna lejn Ġerusalemm tas-Sema. Hemm qabel u hemm wara l-Magħmudija. Is-Sagrament jissupponi mixja ta’ fidi, li aħna nsejħulha katekumenat, li tidher ċara meta jkun adult li jitlob il-Magħmudija. Imma anki t-trabi, sa mill-qedem, jiġu mgħammda fil-fidi tal-ġenituri (ara Rit tal-Magħmudija tat-trabi, Introduzzjoni, 2). U dwar dan irrid ngħidilkom xi ħaġa. Xi wħud jgħidu: imma għaliex ngħammdu tarbija li ma tista’ tifhem xejn? Nittamaw li tikber, li tibda tifhem u tkun hi stess li titlob il-Magħmudija. Imma dan ifisser li m’għandniex fiduċja fl-Ispirtu s-Santu, għax meta aħna ngħammdu tarbija, f’dik it-tarbija jidħol l-Ispirtu s-Santu, u l-Ispirtu s-Santu jkabbar f’dik it-tarbija, sa minn ċkunitha, il-virtujiet Insara li mbagħad iwarrdu. Dejjem għandna nagħtu din l-opportunità lil kulħadd, lit-trabi kollha, li jkollhom ġo fihom l-Ispirtu s-Santu li jmexxihom tul ħajjithom. Tinsewx tgħammdu lit-trabi tagħkom! Ħadd ma jimmeritaha l-Magħmudija, li hi dejjem don b’xejn għal kulħadd, adulti u trabi tat-twelid. Imma kif tiġrilha żerriegħa mimlija ħajja, dan id-don iniżżel l-għeruq u jġib il-frott f’art li tkun imsoqqija mill-fidi. Il-wegħdiet tal-magħmudija li ta’ kull sena nġeddu fil-Velja tal-Għid għandna ngħixuhom mill-ġdid ta’ kuljum sa ma l-Magħmudija “tikkristifika”: ejja ma nibżgħux minn din il-kelma; il-Magħmudija “tikkristifikana”, min irċieva l-Magħmudija u jiġi “kkristifikat”, isir jixbah lil Kristu, jinbidel fi Kristu u jsir tassew Kristu ieħor.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.