Il-Ħamis 12 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Illum l-Insara huma ppersegwitati, jitħanxrulhom griżmejhom, jiġu mgħallqin, fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, aktar milli kien jiġri fl-ewwel sekli, għax ix-xhieda tagħhom tagħti fastidju lid-dinja li kollox trid issolvi bil-flus. Wara kollox it-tixħim wasal elfejn sena ilu saħansitra ‘fil-qabar’ biex jikkorrompi lill-għassiesa ħalli jiċħdu l-qawmien (ta’ Ġesù).
Fil-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa inkoraġġiena biex ma nibżgħux nistqarru lil Ġesù. Il-Papa qalilna biex ngħixu l-istess esperjenza kuraġġuża tal-Appostli, jiġifieri ‘ħajja ta’ ubbidjenza, xhieda u konkretezza’, mingħajr ma nfittxu ‘kompromessi mondani’, b’fidi ‘miblula’.
Dan iż-żmien tal-Għid, qal il-Papa, hu żmien ta’ ferħ. Il-Knisja trid li jkun hekk: żmien ta’ ferħ, ferħ quddiem ir-rebħa ta’ Kristu Rxoxt. U għall-Appostli nfushom kien żmien ta’ ferħ minkejja li l-ferħ ma kienx l-istess bħal dak li ħassew wara ħamsin jum meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu.
Infatti, spjega l-Papa Franġisku, il-ferħ tal-ewwel ħamsin jum kien ferħ veru imma mimli dubji għax ma kinux qed jifhmu sewwa. Kienu raw lill-Mulej, kienu kuntenti, imma mbagħad ma setgħux jifhmu u kienu jistaqsu lilhom infushom: Kif se tintemm din l-istorja? Tant hu hekk, li fil-ħin tat-tlugħ fis-sema staqsew lill-Mulej: ‘Issa x’se jiġri, issa se ssir rivoluzzjoni?’
L-Appostli kienu qed jifhmu għax kienu qed jaraw lill-Mulej, imma ma kinux qed jifhmu kollox: kien l-Ispirtu s-Santu li dawwalhom biex jifhmu kollox u nisslilhom il-kuraġġ biex jibdew jaħdmu b’mod differenti għal kollox. B’hekk, tenna l-Papa, nistgħu ngħidu li l-ferħ tal-ewwel ħamsin jum kien wieħed ‘imbeżża’’; iżda wara l-miġja tal-Ispirtu s-Santu tnissel fihom ferħ kuraġġuż u żgur: żgur minħabba l-grazzja tal-Ispirtu.
Proprju fil-qafas ta’ dan il-ferħ kuraġġuż, qal il-Papa hu u jirreferi għall-Atti tal-Appostli, jiġri dak li smajna fl-ewwel qari: Pietru u Ġwanni jmorru fit-tempju. Quddiem il-bieb li jgħidulu s-sabiħ kien hemm paralitiku li kien qed jittallab u Pietru u Ġwanni jfejquh u bil-ferħ li ħass beda jaqbeż u jiżfen: kien qed jagħti xhieda. Imma, issokta Franġisku, is-saċerdoti jitħassbu, iġibu lill-Appostli quddiemhom u jordnawlhom biex ma jipprietkawx iżjed f’isem Ġesù. Imbagħad jitfgħuhom il-ħabs. L-anġlu t’Alla joħroġhom minn hemm u huma mill-ewwel komplew jgħallmu fit-tempju.
Il-Papa kompla jfakkar li l-kmandant u l-qaddejja jmorru fejn kienu qed jipprietkaw l-Appostli u jkaxkruhom għal quddiem is-Sinedriju. Il-qassis il-kbir beda jinterrogahom u qalilhom: ‘M’għidnielkomx biex ma tipprietkawx fuq dan l-isem?’ Din hi l-projbizzjoni: dan ma jistax isir, isem Ġesù hu pprojbit. Imma quddiem il-qassis il-kbir, Pietru l-beżżiegħ, li kien ċaħad lill-Mulej, għandu l-kuraġġ li jwieġeb sempliċement: ‘Jeħtieġ li nobdu lil Alla u mhux lill-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh u dendiltuh ma’ salib. Alla qajmu mill-mewt u ħadu fil-lemin tiegħu bħala kap u salvatur biex lil Iżrael iġiblu l-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet. U aħna xhieda ta’ dan, aħna u l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil kull min jobdih.’
Tispikka l-kelma ‘ubbidjenza’, innota l-Qdusija Tiegħu. Għalhekk, il-ħajja ta’ dawn l-Insara, ta’ dawn l-Appostli li kienu rċevew l-Ispirtu s-Santu, hi ħajja ta’ ubbidjenza, ħajja ta’ xhieda, ħajja ta’ konkretezzi.
Ħajja ta’ ubbidjenza, issokta Franġisku, għax jimxu fit-triq ta’ Ġesù li obda lill-Missier sal-aħħar waqt: ‘Missier, jekk jista’ jkun…..’ – naħsbu fil-Ġnien taż-Żebbuġ – ‘imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.’ Din hi l-ubbidjenza sal-aħħar li tfakkarna meta l-Mulej ċaħad lil Sawl u qallu: ‘Mhux sagrifiċċji rrid, imma ubbidjenza.’
L-ubbidjenza, insista l-Papa, hi dik li sawret lill-Iben, il-mixja li Hu fetħilna: ubbidjenza u rabta ma’ Alla biex issir ir-rieda tiegħu filwaqt li ngħidu: ‘Jien ibnek, jien miegħek li int Missieri, u nagħmel minn kollox biex nimxi fuq dak li trid Int.’
Hu minnu li aħna dgħajfa u naqgħu fid-dnub, fid-dgħufijiet tagħna, issokta l-Papa. Imma bir-rieda tajba nerġgħu nqumu, tqajjimna l-grazzja t’Alla. U nibqgħu mexjin u ngħidu: ‘Jien irrid nobdi.’ Għalhekk, l-ewwel karatteristika tal-imġiba, tal-mod kif kienu jaġixxu dawn l-Appostli, kienet l-ubbidjenza, bl-għarfien li, kif iddikjara Pietru: ‘hemm bżonn nobdu lil Alla qabel nobdu lill-bnedmin.’ Neħtieġu atteġġjament ta’ ubbidjenza: in-Nisrani hu qaddej, bħal Ġesù li jobdi lil Alla. U huwa minnu wkoll li mod ieħor ta’ kif insolvu l-problemi huwa l-ubbidjenza: quddiem il-fatt tal-qawmien, l-Appostli, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, solvew kollox bl-ubbidjenza.
Iżda, staqsa l-Papa, is-saċerdoti kif ippruvaw jaffrontaw is-sitwazzjoni, għax riedu jikkmandaw? Bdew jheddu. Użaw it-tixħim li wasal sal-qabar. Għax meta s-suldati mbeżżgħin marru għandhom biex jgħidulhom il-verità, spiċċaw taħt interrogazzjoni u ordnawlhom biex jagħlqu ħalqhom. Daħħlu jdejhom fil-but u qalulhom biex jgħidu li kienu reqdin. Din hi s-sistema li biha d-dinja ssolvi l-problemi.
Għalhekk, aħna għandna nobdu lil Alla u mhux lid-dinja, għax id-dinja ssolvi bil-metodi mondani u l-ewwel ħaġa mondana ‘tas-sid’, tax-xitan, hija l-flus. Ġesù stess jgħidlu li huwa sid meta jiddikjara: ‘Ma tistgħux taqdu żewġ sidien: jew Alla jew ix-xitan.’
It-tieni karatteristika tal-ewlenin Insara hija x-xhieda: jiena nagħti xhieda ta’ Ġesù. U l-Appostli jagħtu xhieda awtentika għax fit-tempju ma jibżgħux jipprietkaw lil Ġesù. U wara komplew, anke meta ħarġu mill-ħabs: huma mimlijin bil-kuraġġ tal-Ispirtu. Wara kollox, il-veru xhieda nisranija hija l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu u dan jagħti fastidju. Ix-xhieda nisranija tagħti fastidju għax aktar komdu tgħid: ‘Iva, Ġesù qam, tela’ s-sema, bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, dan jiena nemmnu,’ imma mbagħad infittxu t-triq tal-kompromess bejnna u bejn id-dinja.
Iżda x-xhieda nisranija ma tafx b’kompromessi, fakkar Franġisku. Pjuttost tħaddem il-paċenzja biex takkumpanja lill-persuni li ma jaqblux mal-mod kif naħsbu aħna, mal-fidi tagħna. Nittolleraw, nakkumpanjaw, imma qatt ma nbiegħu l-verità.
Bil-qawwa tal-ubbidjenza, allura, ix-xhieda tagħna tagħti ħafna fastidju. Biżżejjed naħsbu fil-ħafna persekuzzjonijiet li għad hawn illum stess. Aħsbu ftit fl-Insara tal-Afrika, tal-Lvant Nofsani. Hawn aktar (Insara ppersegwitati) illum milli fl-ewwel żminijiet tal-Knisja. Għax għadhom jistqarru lil Ġesù. Din hi x-xhieda ‘sal-aħħar’.
Fl-aħħar hemm it-tielet karatteristika tad-dixxipli: il-konkretezza. L-Appostli kienu jagħtu fastidju bix-xhieda tagħhom għax kellhom il-kuraġġ li jitkellmu dwar ħwejjeġ konkreti, ma kinux jirrakkuntaw il-ħrejjef. Kellhom il-konkretezza li biha kienu jgħidu: ‘Aħna ma nistgħux niċħdu dak li rajna u missejna.’ Din hi l-konkretzza, qal il-Papa, u kull wieħed u waħda minna, ħuti, rajna lil Ġesù u missejnieh f’ħajjitna.
Tant drabi, id-dnubiet, il-kompromessi, il-biża’, inessuna din l-ewwel laqgħa tagħna li bidlitilna ħajjitna, spjega Franġisku. Forsi jibqa’ xi tifkira mċajpra, superfiċjali. Għal dir-raġuni rridu dejjem nitolbu lill-Ispirtu s-Santu l-grazzja tal-konkretezza. ‘Ġesù missli ħajti, qalbi.’ L-Ispirtu daħal fija, imma mbagħad forsi nsejt. Għalhekk hu importanti li jkollna l-grazzja tal-memorja tal-ewwel laqgħa. Kien għalhekk li x-xhieda ta’ dawn in-nies kienet konkreta: ‘Ma nistgħux niċħdu dak li rajna u missejna b’idejna.’
Żmien l-Għid hu żmien li fih nitolbu għall-ferħ, temm il-Papa, li qalilna biex nitolbu għall-ferħ ta’ xulxin, imma nitolbu għal dak il-ferħ li jiġi mill-Ispirtu s-Santu, li jtina l-Ispirtu s-Santu: il-ferħ tal-ubbidjenza paskwali, il-ferħ tax-xhieda paskwali, l-hena tal-konkretezza paskwali.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija