Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Id-dinja tgħajjat għal-libertà filwaqt li aktar qed issir ilsiera

Id-dinja tgħajjat għal-libertà filwaqt li aktar qed issir ilsiera


Il-Ġimgħa 13 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-Liturġija ttina tliet eżempji tal-libertà iżda aħna ħielsa biex nagħtu spazju għal Alla f’ħajjitna bħal Gamaljel? Aħan liberi li nsegwu lil Ġesù bil-ferħ anki waqt it-tbatijiet bħal Pietru u Ġwanni? Ħielsa mill-passjonijiet, mill-ambizzjonijiet, mill-moda? Jew aħna xi ftit bħad-dinja “miġnuna” li tgħajjat “libertà” imma qed issir dejjem aktar skjava?

 

Dawn il-mistoqsijiet għamilhom fil-bidu tal-omelija l-Papa Franġisku l-Ġimgħa 13 ta’ April waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Franġisku kien qed jirrifletti dwar l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli, u dwar it-tkattir tal-ħobż u l-ħut, is-silta tal-Vanġelu tal-lum.

Il-libertà li nitkellmu dwarha f’daż-żmien tal-Għid, qal il-Papa, hi l-libertà tal-ulied li tana Kristu bl-opra tar-redenzjoni tiegħu. L-ewwel prsuna ħielsa li ttina l-Liturġija tal-lum hi Gamaljel, duttur tal-Liġi, fariżew, li jikkonvinċi lis-Sinedriju biex jagħti l-ħelsien lil Pietru u l-Ġwanni, li kienu jinsabu l-ħabs għax fejjqu raġel magħtub. Gamaljel, spjega l-Papa, hu bniedem ħieles, jaħseb u jġiegħel lil min jaħseb bl-argument li ż-żmien jagħti parir.

Il-bniedem ħieles, kompla l-Papa, jaf jieħu paċenzja. Gamaljel ma kienx nisrani, kien Għebrew, ma kienx jagħraf lil Kristu bħala s-Salvatur – imma kien bniedem ħieles, offra ħsiebu lill-oħrajn li aċċettaw l-argument tiegħu.

Pilatu wkoll kien jaħseb, u fehem li Ġesù kien innoċenti. Iżda ma rnexxilux iħoll il-problema għax ma kien ħieles, kien moħħu biex jilħaq; naqsu l-kuraġġ li jiġi mil-libertà għax kien ilsir tal-karriera, tal-ambizzjoni, tas-suċċess.

It-tieni eżempju tal-libertà huma Pietru u Ġwanni. Is-Sinedriju fl-aħħar jeħlishom imma qabel tahom is-swat minkejja li kienu innoċenti. Ġew ikkastigati inġustament imma telqu mis-Sinedriju hienja għax ħassew ruħhom denji li jsofru minħabba l-isem ta’ Ġesù. Dan hu l-ferh li jiġi mill-imitazzjoni ta’ Ġesù, osserva l-Papa Franġisku.

Hemm libertà oħra, issokta jgħid: akbar, aktar wiesa, aktar kristjana. Pietru seta’ mar għand l-imħallef biex jiftaħ kawża kontra s-Sinedriju u jitlob kumpens. Minflok, hu ħassu ferħan, bħal Ġwanni, għax kienu batew minħabba Ġesù. Forsi kienu qed jiftakru fi kliem Ġesù meta qal: Imberkin intom meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom minħabba fija. Imberkin intom.

Kienu ħielsa fit-tbatija biex jimxu wara Ġesù. Dan hu l-atteġġjament nisrani: Mulej tajtni ħafna, batejt ħafna minħabba fija, x’nista’ nagħmel jien għalik? Mulej hawn hi ħajti, ħudha int.

Din hi l-liberta ta’ min għandu n-namra ta’ Ġesù issiġillata mill-ispirtu s-Santu. Int għamilt ħafna għalija u jien qed nagħmel dan għalik. Illum ukoll hawn ħafna li jinsabu fil-ħabs, insara, bnedmin ittorturati, li fihom għad għandhom din il-libertà li jistqarru lil Ġesù Kristu.

Ġesù hu l-mudell tagħhom, Ġesù li jkattar il-ħobż u li minħabba f’hekk in-nies tiġġennen għalwarajh tant li riedu jagħmluh re. Imma Ġesù jaħrab minn ġo nofshom u jmur fuq il-muntanja, ħarab mit-trijonfaliżmu, it-trijonfaliżmu ma għamilx bih, kien ħieles, ikkummenta l-Papa.

L-istess bħal meta fid-deżert jiċħad it-tentazzjonijiet ta’ Satana għax kien ħieles u l-libertà tiegħu kienet li jimxi skont ir-rieda tal-Missier. U mbagħad spiċċa fuq salib. Dan hu l-akbar eżempju ta’ libertà: Ġesù qagħad għar-rieda tal-Missier biex isewwi l-firda bejna u bejn Alla.

Min hawn ngħaddu biex nirriflettu dwar il-libertà tagħna personali, temm il-Papa. Għandna tliet eżempji: Gamaljel, Pietru u Ġwanni, flimkien ma’ Ġesù nnifsu. Il-libertà tiegħi hi libertà kristjana? Jew jien ilsir tal-passjonijiet tiegħi, tal-ambizzjonijiet tiegħi, ta’ tant ħwejjeġ oħra, tar-rikkezzi, tal-moda? Donnu tidher xi ħaġa superfiċjali, imma kemm hawn nies li huma skjavi tal-moda!

Naħsbu ftit fil-libertà tagħna f’did-dinja “miġnuna” li tgħajjat “libertà, libertà, libertà, imma qed issir dejjem aktar skjava. Naħsbu ftit dwar il-libertà li jtina Alla, li jtina Ġesù.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: