L-Evanġelju tal-Ġimgħa 13 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 6, 1-15

Illum nibdew kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann; kapitlu li fih San Ġwann jippreżentalna s-soluzzjoni għad-djgħufija tagħna, djgħufija li l-bnedmin, bil-ħila tagħhom biss, lanqas jimmaġinaw li jistgħu jsaħħu.

Għal kuntrarju tal-Evanġelisti l-oħra li jirrakkuntaw it-tkattir tal-ħobż, Ġesù ma jħossx il-bżonn tan-nies wara li jkun kellimhom, iżda qabel, x’ħin jarahom ġejjin lejh. Jidher ċar li għalkemm ir-rakkont huwa dwar it-tkattir tal-ħobż materjali, iżda l-Evanġelista qed jitkellem dwar il-ġuħ li jġib miegħu id-dgħufija spiritwali ta’ dawk li resqin lejn Ġesù. Bħalma f’kapitlu 4 jitkellem mas-Samaritana dwar l-għatx ta’ ġewwa, hekk hawn ukoll qed jitkellem fuq il-ġuħ. Iżda filwaqt li l-għatx għall-ilma hu għatx għall-ħajja, il-ġuħ huwa l-assenza ta’ sostenn, il-qawwa li l-bniedem għandu bżonn biex jgħix il-ħajja li għandu.

Ġesù jkellem lil Filippu, dak li iktar ’il quddiem iressaq lejn Ġesù ġemgħa Griegi li xtaqu jarawh. Qed tarahom il-ġnus ġejjin lejna mġewħin? Kif se nitimgħuhom? Kif se nagħtuhom dak li jeħtieġu tassew? Filippu jwieġeb għall-mistoqsija ta’ Ġesù billi joħloq problema oħra. Il-flus mhux biżżejjed biex nitimgħuhom. Mitejn dinar huma mitejn ħlas ta’ ġurnata xogħol, iktar minn sitt xhur paga. Jidher li n-nies kienu ħafna.

Indrì iktar prattiku u jemmen iktar. Żgur li ma ħasibx li b’ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar seta’ jitma’ kotra daqshekk kbira ta’ nies. Imma Indrì, li kien diġa emmen biżżejjed f’Ġesù li wassal lil ħuh għandu għax ra fih il-Messija, dak li kellu jiġi, emmen ukoll li Ġesù, li kien raħ jibdel l-ilma f’inbid f’Kana tal-Gallilija, seta jagħmel xi ħaġa bil-ftit li offrielu. U fil-fatt Ġesù, juża l-ġesti li l-insara ta’ żmien Ġwanni kienu diġa jużaw fil-lagħat liturġiċi tagħhom ta’ kull nhar ta’ Sibt billejl, u jitma lil kulħadd.

Hemm saff ta’ tifsir li ma jidhirx mal-ewwel daqqa t’għajn. Il-bniedem, li jwieġeb għas-sejħa ta’ Alla, li jħossu miġbud lejh, malajr jista’ jitlef l-entużjażmu tal-bidu, jew isib x’joħnoqlu it-tweġiba li jkun qed jagħti, u għalhekk għandu bżonn xi jsostnih, il-kelma li tidħol f’qalbu u l-ħobż li jagħti l-ħajja, li hu Ġesù nnifsu; u Ġesù ma jissuġġerix ikel ieħor ħlief lilu nnifsu. Issir dak li tiekol u jekk tiekol lilu issir bħalu, issir hu ieħor. Għalhekk il-Knisja tara f’dan il-kapitlu, mhux it-twaqqif tal-Ewkaristija iżda x’jaħseb Ġesù stess u l-Knisja tal-ewwel żminijiet dwar l-Ewkaristija, dan l-ikel li ġej mis-sema biex isaħħaħ lil min irid imur is-sema.

Dan hu ikel li qatt m’għandu jinħela. Meta jkun hemm min jixba minnu, għandu jinġabar biex isostni lil min jeħtieġu. Dan hu l-ikel li aħna għandna f’idejna. Il-kelma li tqanqalna u l-ħobż li jgħajixna. Ġesù ma jitmax b’xejn biex ikun sultan, iżda biex min jiekol minnu jkollu l-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.