Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > “Huwa tajjeb li nħossuna familja ta’ min jemmen” – L-Arċisqof waqt Encounter

“Huwa tajjeb li nħossuna familja ta’ min jemmen” – L-Arċisqof waqt Encounter


Is‑Sibt, 14 ta’ April 2018: fis‑7:30 p.m., Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa biex jagħlaq il‑festival għaż‑żgħażagħ ‘Encounter’, organizzat mill‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) fil‑Park Nazzjonali, Ta’ Qali.

398454-740xNone

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Park Nazzjonali, Ta’ Qali

Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws kienu telqu minn Ġerusalemm qalbhom maqtugħa; kienu diġà semgħu n-nisa jgħidulhom li ltaqgħu ma’ Ġesù rxoxt u li kien tahom appuntmaent għall-Galilija, imma tfixxklu bix-xhieda tan-nisa u ddeċidew li jitilqu minn Ġerusalemm.

Il-Mulej ħa ħsiebhom: issieħeb magħhom fit-triq u peress li rahom imnikkta, staqsihom għaliex. Huma qalulu: “Inti l-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara? Kif Ġesù ta’ Nazaret, bniedem mimli setgħa quddiem il-bnedmin u quddiem Alla, ingħata għall-mewt mill-kapijiet tagħna, sallbuh? Issa għaddew tliet ijiem mill-mewt tiegħu. Issa ġew xi nisa qalulna li qam, li rawh, imbagħad marru xi wħud minn tagħna, raw il-qabar vojt imma lilu ma rawhx” (ara Lq 24 18:24).

U Ġesù lil dawn iż-żewġ dixxipli — wieħed minnhom nafu li kien jismu Kleofa — jissieħeb magħhom fit-triq, jispjegalhom l-Iskrittura u, kif tafu, huma jagħrfuh meta jidħol joqgħod magħhom fuq l-insistenza tagħhom u li “għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Dak il-ħin stess jirritornaw Ġerusalemm.

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibda propju b’dan il-mument fejn huma jirritornaw Ġerusalemm u jaqsmu mad-dixxipli l-oħrajn, mal-ħdax, u ’l dawk li kienu magħhom, din l-esperjenza. ‘Waqt li qed jispjegalna l-Iskrittura qalbna kienet tħeġġeġ” u għarafnih “fil-qsim tal-ħobż’ (ara Lq 24 32:35).

U Ġesù f’dak il-mument, jissieħeb mal-ħdax. Hu jinsisti fuq l-identità tiegħu mhux bħala fantażma li jbeżża’, imma l-identità tiegħu bħala l-irxoxt, l-irxoxt li ma jneħħix u ma jikkanċellax il-marki ta’ jdejh u ta’ riġlejh u ta’ ġenbu, imma li jibqa’ jurihom bħala s-sinjal tar-rebħa tiegħu. Dak li aħna għamilnielu bi dnubnietna, il-marki tas-salib f’riġlejh u f’idejh, il-marka tal-lanza f’ġenbu, isiru għalih ix-xhieda tal-identità tiegħu, tar-rebħa tiegħu, tal-ħniena tiegħu.

Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, hemm għatx kbir għall-paċi, għas-serħan, u għall-ferħ.

“Jiena hu” (Lq 24:39). Inħarsu lejh u qalbna tiddi bil-ferħ għaliex ma jġegħelniex nistħu imma jimliena bil-kuraġġ, jiftħilna qalbna għall-Iskrittura, jispjegalna li ma nistgħux nistħu minnu msallab u nifirħu bih irxuxtat.

Hu jaqsam magħna l-ikel tagħna, jinsisti li jidħol f’intimitá magħna billi jiekol l-istess ikel tagħna. U l-Mulej iwegħedna l-Ispirtu qaddis tiegħu għax hu ħerqan li jagħtina l-paċi u l-paċi tiegħu tkun fil-qalb tagħna bil-qawwa tal-ispirtu tiegħu.

Ikolli nistaqsikom: ‘Fil-qalb tiegħek liema għatx hemm?’ U forsi tgħidli: ‘Ma nafx ngħidlek’. Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, hemm għatx kbir għall-paċi, għas-serħan, u għall-ferħ. Imma dawn huma sintomi huma indicators ta’ għatx profond għal Alla. Għax qalbna ma tistrieħx jekk mhux f’Alla. Qalbna ma tistrieħx jekk mhux fik, O Alla. U allura meta niltaqgħu ma’ nies li mtaqqlin mit-toqol tal-ħajja jew bil-kumplessi tan-nuqqas ta’ stima tagħhom infushom, a low self-esteem — xi ħaġa li nduqu prattikament ilkoll kemm aħna f’ħajjitna f’xi stadju jew ieħor — ikollhom għandhom għatx għal din il-paċi, għatx għat-tgħannieqa ta’ Alla.

Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu li għandna bżonn il-maħfra tal-Mulej.

M’ilux kien hemm intervista ma’ saċerdot u qalulu: ‘imma inti Alla min hu għalik?’. U ħareġ b’din l-espressjoni li laqtitni: ‘Alla huwa t-tgħannieqa tal-imħabba’. Għax Alla huwa mħabba, imma mhux imħabba li ssibha fiha nfisha. Alla ma jistax ma jħobbx lilu nnifsu imma hu jħobb lilu nifsu, iħobb ukoll il-ħolqien tiegħu, u lilna b’imħabba tal-ġenn. U għalhekk Alla għalikom huwa din it-tgħannieqa ta’ mħabba li hija wkoll tgħannieqa ta’ ħniena. Aħna lkoll għandna bżonn il-ħniena ta’ Alla.

Il-Papa Franġisku tana rigal sabiħ b’din l-Eżortazzjoni Apostolika li qiegħda ssejħilna lkoll għall-qdusija. Il-qdusija mhux ta’ meta jgħaddi ħafna żmien, imma l-qdusija illum, f’kulħadd, f’liema staġun qiegħed, ifittex ir-rieda ta’ Ġesù u jgħixha fil-kundizzjoni li fiha jinsab. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu li għandna bżonn il-maħfra tal-Mulej għax inkella naqgħu fil-periklu li l-qdusija tagħna nġibuha bil-bravura tagħna jew li se nivvintawha aħna minn żniedna. Il-qdusija tagħna hija frott tal-ħniena ta’ Alla.

U hemm ukoll il-qdusija li: jien qaddis, kuntent jien, kuntent kulħadd. Le, aħna għallimna nitolbu fil-plural, qatt ma għallimna ngħidu ‘missieri’ imma għallimna ngħidu “Missierna, […] aħfrilna dnubietna” (Mt 6:12), “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6:11), għallimna nitolbu fil-plural għax aħna familja. Se nkunu qaddisin flimkien, se ngħinu lil xulxin biex il-qdusija, li hija l-vera hena u l-veru barka, nagħmluha realtà fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Dan il-mument, din l-esperjenza ssejħet encounter. Setgħu jgħidulha wkoll windy encounter għax very windy encounter u fl-istess ħin meta Ġesù jitkellem fuq l-Ispirtu, jgħid l-Ispirtu jonfoħ fejn irid u dan ma tikkmandaħx bħalma ma nistgħux nikkmandaw ir-riħ. Nispera ma jtajjarniex b’kollox issa. Dan l-encounter irid ikun encounter bejnietna. Tajjeb li aħna nħossuna familja ta’ min jemmen, kulħadd bil-kariżma tiegħu, kulħadd għandu l-istorja tiegħu kif iltaqa’ ma’ Ġesù. Imma importanti ħafna li l-encounter bejnietna ikun wkoll b’din il-laqgħa ma’ Kristu, ma’ Ġesù irxoxt.

Ħadt pjaċir nara diversi fit-tinda fejn hemm Ġesù Ewkaristija. Itolbu fis-skiet quddiem il-preżenza tiegħu silenzjuża imma elokwenti ħafna, dgħajfa imma fl-istess ħin qawwija ħafna. Inħalluh iħares lejna u aħna nitfgħu ħarsitna lejh bħalma għidna fis-Salm Responsorjali llum. “Ixħet fuqna, Mulej id-dawl ta’ wiċċek” (S 4, 7). “Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax inti waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni” (v. 8). Jekk aħna nistrieħu fih, inkunu verament ferħana.

Il-Mulej jagħtikom il-barka tiegħu, ilaqqgħakom miegħu u meta tiltaqgħu miegħu tistħux bil-marki tal-imsiemer li għamilnilu aħna bi dnubnietna għax meta nħarsu lejh, jgħidilna: “Tibżgħux: “Jiena hu” (Lq 24:39). “Nagħtikom l-Ispirtu qaddis tiegħi” (ara Ġw 20:22).

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: