Għall-Fidi u mhux għall-Interessi


It-Tnejn 16 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Kif qiegħed insegwi lil Ġesù? Hi mistoqsija żgħira li kull Nisrani għandu jistaqsi lilu nnifsu biex jifhem jekk il-fidi tiegħu hix awtentika u sinċiera, jew inkella hix b’xi mod ‘interessata’. Infatti, ir-riskju hu li nċajpru r-rabta tagħna ma’ Kristu bil-kalkoli tal-konvivenza.

 

Hekk saħaq il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta. F’kumment dwar il-liturġija tal-Kelma, il-Qdusija Tiegħu wera ż-żewġ toroq li għandu quddiemu kull min hu mgħammed: dik tal-protomartri Stiefnu, li mimli bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu ġab ruħu b’mod li ma ddejjaqx mill-konsegwenzi tal-għażliet tiegħu, u dik tal-folla li kienet tintrebaħ biss bil-mirakli.

Hemm diversi modi, spjega Franġisku, ta’ kif insegwu lil Ġesù. In-nies li jiddeskrivilna San Ġwann (6, 22-29) li kienu għadhom kif raw il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, fil-fatt kienu qed isegwu lil Ġesù mhux biss għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma t’Alla, u għax kienu qed iħossu lil Ġesù f’qalbhom, ikebbsilhom qalbhom, imma wkoll għax Ġesù kien jagħmel il-mirakli. Kienu jsegwuh biex ifejjaqhom, biex ikollhom xi dehra ġdida dwar il-ħajja. Tant hu hekk, fakkar il-Papa, li f’pass ieħor mill-istess Evanġelista (4, 48), Ġesù jċanfarhom: ‘Intom ma temmnux jekk ma tarawx il-mirakli.’ Qisu qed jisħaq illi mhux il-mirakli huma importanti, l-importanti hi l-Kelma t’Alla, il-fidi. Għalhekk Ġesù jfaħħar lin-nies li kienu jersqu lejh bil-fidi. Tant hu hekk li, lil dak ir-raġel li talbu jfejjaq lil ibnu, qallu: ‘Għal min jemmen kollox huwa possibbli.’

In-nies kienet issegwi lil Ġesù biex tisimgħu: wara t-tkattir tal-ħobż riedu saħansitra jagħmluh sultan. Għalhekk hu telaq minn ħdejhom u mar waħdu jitlob. Il-Vanġelu jirrakkuntalna, issokta l-Papa, li n-nies baqgħet tiġri wara Ġesù u l-għada sabuh in-naħa l-oħra tax-xatt. Għaliex din l-insistenza min-naħa tan-nies? Biex jisimgħu lil Ġesù wkoll, imma l-aktar minħabba ‘l-interessi’.

Infatti, mill-ewwel tasal iċ-ċanfira ta’ Ġesù: ‘Fil-verità ngħidilkom li intom qed tifttxuni mhux għax rajtu s-sinjali imma għax kiltu minn dak il-ħobż u xbajtu.’ Franġisku daħal fil-psikoloġija tal-folla: nies tajbin, li riedu jisimgħu l-kelma ta’ Ġesù, jisimgħu dik il-kelma li tmisslek qalbek, imma għax imbuttati mill-interessi personali. Dik tagħhom hi fidi li twaħħad flimkien żewġ affarijiet: fidi, rieda li jħobbu lil Ġesù, imma fidi ‘interessata’.

Fil-Vanġeli mhux dawn in-nies biss għandhom dan l-atteġġjament. Il-Papa fakkar, bħala eżempju, l-episodju tal-imxajtan tal-Art tal-Ġerasin li jirrakkuntalna Luqa (8, 26-39), li fih, xħin ir-rgħajja raw li kienu tilfu l-qżieqeż minħabba dak il-miraklu, għamlu l-kalkoli tagħhom u qalu: ‘Iva, dan jagħmel il-mirakli, imma lilna ma jaqblilniex; minħabba fih qed nitilfu l-flus.’ U bil-galbu qalulu biex jitlaq lejn daru. Jew inkella niftakru fl-għaxar lebbrużi li jgħidilna dwarhom ukoll Luqa (17, 11-19), li kienu ġew imfejqin u telqu, imma wieħed biss dar lura biex jgħid ‘grazzi’:  l-oħrajn kienu kisbu l-fejqan u nsew lil Ġesù.

Quddiem fidi kundizzjonata mill-interessi, Ġesù jċanfar u jgħid: ‘Titħabtux għall-ħobż li jintemm, imma għall-ħobż li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, u li jtikom Bin il-bniedem.’ L-ikel hu l-Kelma t’Alla u l-imħabba t’Alla.

Bil-maqlub ta’ dan, kompla jispjega l-Papa, l-ewwel qari jġibilna l-eżempju ta’ Stiefnu. Hu wkoll kien isegwi lil Ġesù imma b’mod aktar deċiż, ċar. Kien waħħad ħajtu ma’ dik ta’ Ġesù, kien mimli bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu u kien jagħmel ħafna mirakli u sinjali oħra fost il-poplu. Fil-ħin li kellu jiddefendi lil Ġesù tkellem ċar u fl-Atti tal-Appostli naqraw (6, 8-15) li ma felħux jisimgħu l-għerf u ma felħux jissaportu l-ispirtu li bih kien jitkellem.

Stiefnu, spjega l-Papa, kien isegwi lil Ġesù mingħajr ma jqis il-konsegwenzi: dan jaqbilli… dan ma jaqbillix… Ma kellux interessi. Kien iħobb, u kien jimxi wara Ġesù, ċert minnu nnifsu. Ippruvaw jixluh bil-kalunji, sakemm waslu biex ħaġġruh, imma baqa’ jagħti xhieda ta’ Ġesù. Stiefnu u l-folla: żewġ modi ta’ kif issegwi lil Ġesù. It-tnejn huma mixja warajh: uħud mhux għal kollox, ftit iva u ftit le, b’xi ftit interess personali; oħrajn, bħal Stiefnu, jagħtu ħajjithom biex isegwu lil Ġesù. Quddiem dawn l-eżempji Franġisku stedinna biex kull wieħed u waħda minna jistaqsi lilu nnifsu: Jien kif qed insegwi lil Ġesù? U kif naf jekk iniex qed insegwih kif suppost jew jekk hux għall-interess?

Għalhekk il-Papa tana parir: il-memorja. Il-Papa qal li d-dixxerniment jista’ jiffriskalna l-memorja. Jew, aħjar nistaqsi lili nnifsi:  X’għamel Ġesù għalija?, filwaqt li naħseb konkretament dwar ħajti. B’hekk insibu tant affarijiet kbar li Ġesù tana bi gratwità, għax iħobbna, lil kull wieħed u waħda minna.

Imbagħad il-pass li jmiss, issokta Franġisku. Ladarba nara x’għamel Ġesù għalija, nagħmel it-tieni mistoqsija: u jien x’qed nagħmel għal Ġesù? B’dawn iż-żewġ mistoqsijiet forsi jirnexxilna nissaffew minn kull għamla ta’ fidi interessata. Infatti, żied il-Papa, meta nara dak kollu li Ġesù tani, il-ġenerożità ta’qalbi tibda tgħid: ‘Iva, Mulej, nagħti kollox! U ma nagħmilx aktar dawn l-iżbalji, dawn id-dnubiet.’ Nistgħu naqbdu t-triq tal-konverżjoni għall-imħabba: ‘Int tajtni ħafna mħabba, u jien ukoll intik din l-imħabba.’

B’dawn iż-żewġ mistoqsijiet, temm jgħid il-Papa Franġisku, kulħadd jista’ jagħmel ‘test’ dwar kif qed isegwi lil Ġesù: għall-interess jew le? U b’hekk ikollna l-ħila li nsaffu l-fidi tagħna mill-interessi kollha.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.