Ir-riċetta


Dan l-aħħar il-pilloli li nieħu biex bihom nibqa’ għaddej wasluli fil-qiegħ nett. Mela kelli borża vojta! Għalhekk, mal-ewwel radd tas-salib, ridt nara x’nagħmel. U l-ħsieb il-Mulej malajr webbilni bih f’moħħi! Immur għand it-tabib tiegħi ħa jagħmilli l-karta tal-pilloli!

Kos hux! Kemm hija mportanti l-kura! U kollox jiddependi minn dik il-karta! Għax, jekk ma nieħux il-pilloli, nini tarawni b’għajnejkom! U taqraw il-kitba li l-Ispirtu s-Santu, għax veru ħanin u ġeneruż miegħi, jogħġbu, għax irid, jagħtini għalikom u għalija! Jiena ngħix bil-kura li nieħu. Minħabba, u sintendi, il-kundizzjoni li għandi. Li, u biex niftehmu, nibqa’ nitlob li nfiq minnha. Sakemm neħles minnha! Għax il-Mulej mingħajrha ħalaqni! Ħalli b’hekk, bil-fejqan li jagħtini, nagħtih minn qalbi l-glorja li tassew tixraqlu. Mela ħalli b’saħħti nkun nfaħħru personalment u anki billi nkun nista’ naqdi lilkom!

It-Tieni Ħadd fuq l-Għid iċċelebrajna l-festa tal-Ħniena Divina. Kemm iħobbuh in-nies lil Ġesù! Dejjem ikunu jridu r-ritratt tiegħu! Tafu li rari sibt min jirrifjuta inkwatru tal-Ħniena Divina li l-Mulej Ġesù jogħġbu jipprovidili għalikom! Għax Ġesù veru cool tafux! Hawn xi ħadd li jaħfrilek kif jaħfirlek Hu? Għamilt x’għamilt? Żgur li le! Anzi! Jien, xi kultant, aqta’ kif nibqa’ skantat! Daqskemm jaħfirli! U naħseb li anki lilek jaħfirlek ukoll! X’taħseb sieħbi?

Mela aħna, jekk jaħfrilna daqshekk, u mingħajr ma nħallsu ewro li hu ewro, għalfejn għandna nġibuha daqshekk bi kbira biex naħfru lil xi xulxin? U int taf tgħidli: “Għax bnedmin!” Veru! Ta’ bnedmin pass biss naslu. U jekk dejjem nagħmluh il-pass! Imma int u jien m’aħniex imsejħa biex nibqgħu bnedmin. Li naraw sa mneħirna. Għall-kuntrarju! Aħna msejħin biex inħalluh jagħmilna bħalU! Jiġifieri li nibdew nirraġunaw kif jirraġuna Hu. U nagħmlu l-passi tiegħu. Ta’ Alla li Hu! Kemm cool Ġesù eh!

Issa, biex dan nagħmluh, għandna bżonn riċetta. L-istess bħalma għandi bżonn riċetta jien biex nibqa’ nieħu l-kura. Fil-fatt, din ir-riċetta hija tabilħaqq kura kontinwa. Li għandha bidu imma tmiem, fuq din l-art, m’għandhiex. Qiegħed nirreferi għar-riċetta tal-qrar. Oqqow! Issa għaqqadna l-mija! Abbli għal uħud il-qrar mhux daqstant xi ħaġa li hi daqshekk sabiħa. Jekk għandix! Immur nikxef għommti mal-Patri jew il-Qassis! Dak mhux bniedem bħali? Ma jgħaffiġx ukoll! Le ta! Jiena inqerr mal-Kurċifiss u biżżejjed. Jien inħares lejn is-sema u nkellmu u Hu jkellimni.

Issa ejja nirraġunaw ta’ bnedmin. Meta kellek xi problema tas-saħħa x’għamilt? Tajba din! Ġib il-mobile l’hawn ħa nfittex inċempel lit-tabib tiegħi! Isa! U iddumlix!… Sewwa għamilt sieħbi! Raġel int! U mara gwappa int ukoll! Mela ma ħaristx lejn is-sema. Tkellimt naqra miegħU u irranġajt il-problema. Imma qbadt u mort għand it-tabib. Allura dan iffisser li lil t’hemm fuq ma kellimtux ukoll meta mort għand it-tabib? Dażgur li kellimtu! U tant kemm kellimtu li, Alla jbierek, tgħidx kemm sejjer tajjeb u tajba bil-kura li tani t-tabib! Tajjeb! Mela l-Mulej jaħdem bit-tabib ukoll hux hekk! Dażgur li iva!

Tajjeb! Mela daqstant ieħor fil-qrar. Fis-saċerdot hemm Ġesù nnifsu li jaħdem. Issa din mhux xi kelma tiegħi tafux. Kieku din kienet kelmti kont ngħidlek mill-ewwel, temminnix. Imma din Ġesù stess qalha! Dak Ġesù li tmur ħdejn l-istatwa tiegħu l-Isla, ir-Redentur, inkella tkellmu kull filgħodu u filgħaxija. U tagħmel sewwa tafx! Isma’ x’jgħidilha lil Santa Fawstina:

Binti, meta inti tmur tqerr, f’din il-għajn tal-ħniena Tiegħi, id-Demm u l-Ilma li ħarġu minn Qalbi dejjem jinżlu fuq ruħek u jagħmluha nobbli. Kull darba li inti tmur tqerr, għaddas lilek innifsek kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, b’fiduċja kbira, sabiex Jiena nkun nista’ nferra’ l-abbundanza tal-grazzja Tiegħi fuq ruħek. Meta inti tersaq lejn il-konfessinarju, kun af dan, li Jiena stess inkun qiegħed nistenniek hemmhekk. Is-saċerdot ikun qiegħed biss jaħbini, imma Jiena stess inkun qiegħed naħdem f’ruħek. Hawnhekk il-miżerja tar-ruħ tiltaqa’ ma’ Alla tal-ħniena. Għid lill-erwieħ li minn din il-għajn tal-ħniena l-erwieħ jiġbdu fuqhom il-grazzji biss permezz tal-fiduċja. Jekk il-fiduċja tagħhom tkun kbira, m’hemm l-ebda limitu għall-ġenerożita’ Tiegħi. L-erwieħ umli jegħrqu fix-xmajjar tal-grazzja Tiegħi. Is-suppervi jibqgħu dejjem fi stat ta’ faqar u miżerja, għax il-grazzja Tiegħi titbiegħed minnhom biex iddur lejn l-erwieħ umli (nru 1602).

Issa minflok binti poġġi ismek u jien inpoġġi ismi. Għax dan id-diskors Ġesù qed jgħidu għalina! Ibda’ minni u spiċċa minnek!

Jekk irrid ngħix b’saħħti f’ruħi, f’ġismi u f’moħħi riċetta waħda hemm: il-qrar tas-spiss. U veru! Għax meta nqerr aqta’ kemm inħossni ħafif! U ħafifa! Nerġa’ nieħu saħħti mill-ġdid! Mela … ħa mmur inqerr!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.