L-Evanġelju tat-Tnejn 16 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 6, 22-29

Il-ħobż b’xejn intgħoġob, iktar u iktar b’naqra ħut miegħu. Il-Mulej radd il-ħajr u l-ħob kotor u nieklu b’xejn. Iżda f’daqqa waħda għosfor, ma deherx iżjed. Mhux ta’ min jitilfu!

L-istorja tal-bniedem hi dejjem l-istess għax il-bniedem li jgħixha huwa l-istess. Sakemm jieħu, jekk jista’ jkun b’xejn, jagħmel minn kollox biex ma jitlifx dak li jkun ħa, anzi jibda jaħseb li ma kienx qalgħu iżda huwa tiegħu bi dritt. Iżda malli jidħol l-impenn, hemmhekk nibdew inżappu u nogħtru, naħsbuha darbtejn jew iktar, insibu u nivvintaw skużi, naqtgħu qalbna qabel nibdew, ngħejjew qabel nibdew. Hija d-dgħufija tal-bniedem li Ġesù jaf sewwa, id-dgħufija tal-bniedem li jisma’ l-kelma, li tidher fil-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’; iktar hemm minn dawk li ma jagħmlux frott milli minn dawk li jagħmlu mhux għax ma jridux, imm għax il-kelma li jisma’, għalkemm tintgħoġob, imma ma tidhirx li jistħoqqilha wisq sforz. Ta’ b’xejn aħjar għax ma jrid sforz ta’ xejn.

Iżda Ġesù juri l-ħniena tiegħu bil-mogħdrija u bil-ħlewwa. Ma jċanfarx iżda jagħmel kollox iktar sempliċi. Fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, Ġwanni juri lil Ġesù li jitlob biss fiduċja: emmnu f’dak li huwa (il-Missier) bagħat. Meta qalilhom biex jitħabtu, probabli ra’ l-gdidem jitwalu u l-iġbna jitkemmxu, ra f’għajnehjom li l-isforzi ma kienux jintgħoġbu wisq. Għalhekk: emmnu.

Jista’ jkun li aħna naħsbu li biex nagħmlu dak li Alla jrid minna, irridu nixxabtu mal-muntanji, li aħna lanqas għandna, jew ngħaddu ħajjitna għassa l-ħin kollu fuqna nfusna biex ma naqbżux il-linja. Mhux ta’ b’xejn li ħafna minn dawk li jridu jgħixu tajjeb iħossuhom telliefa, bla gost u allura bla entużjażmu. Min minna jrid jgħix ħajtu miexi fuq il-labar?

Fil-bidu tal-mixja Ġesù jitlob fiduċja. Emmen. U anke fil-kumplament hemm bżonn il-fiduċja. It-twemmin waħdu ma jissarraf f’xejn. Nista’ nemmen kemm hemm bżonn imma jekk din il-fiduċja, dan it-twemmin ma jibdilx il-mod kif naħsibha u allura il-mod kif ngħix, ma jkun jiswa xejn.

It-twemmin f’Ġesù Kristu, mhux firma biex nagħmel dak li jfettilli, imma t-twemmin u l-fiduċja fih iwassalni biex dak li jgħid hu jsir il-pjan ta’ ħajti li fuqu nimxi, li fuq ngħix. Ġesù huwa l-ikkonsagrat tal-Missier għax il-Missier lilu afda u hu, għax dejjem jagħmel dak li jrid il-Missier, li jwassal dejjem il-Kelma tiegħu, akkost ta’ kollox, iwassal dak li l-Missier irid għall-bniedem, il-ġid assolut tiegħu u li jissieħeb miegħu fil-qawmien mill-imwiet.

It-twemmin huwa l-pedament. Iżda pedament mhux għan fih innifsu. Qiegħed hemm biex fuqu jitla’ l-bini. Sod kemm hu sod, pedament waħdu qiegħed hemm għal xejn jekk fuqu ma jinbeniex.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.