Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Profeta dejjem hu bniedem ta’ Tama

Il-Profeta dejjem hu bniedem ta’ Tama


It-Tlieta 17 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-veru profeta hu dak li għandu ħila jibki minħabba l-poplu tiegħu li ma jisimgħux. Waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta illum, il-Papa tkellem dwar San Stiefnu u qal li l-Knisja teħtieġ li aħna lkoll inkunu profeti, biex insaħħu r-rabta tagħna ma’ Alla.

 

“Intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu. M’intomx koerenti mal-ħajja li tiġi mill-għeruq tagħkom”. Din kienet l-akkuża li Stiefnu, l-ewwel martri tal-Knisja, għamel lill-poplu, lill-anzjani u lill-iskribi, li kienu kaxkruh lejn il-qorti. Dawn kellhom qalbhom magħluqa u ma riedux jisimugħ, ma riedux jiftakru aktar l-istorja tal-poplu ta’ Iżrael.

Il-Papa Franġisku rrakkonta l-istorja ta’ Stiefnu li ttina l-liturġija tal-ġurnata fl-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli.

U l-istess bħalma l-profeti ta’ qablu sfaw ippersegwitati minn missirijiet il-poplu, dawn l-anzjani u l-iskribi mtlew bl-għadab fi qlubhom u ntefgħu fuq Stiefnu, kaxkruh ‘il barra mill-belt u bdew iħaġġruh.

Il-Papa qal li meta l-profeta jasal għall-verità u jmiss il-qalb, din jew tinfetaħ inkella ssir tal-ġebel u tinfexx fl-għadab u l-persekuzzjoni. Hekk tintemm il-ħajja tal-profeta.

Bosta drabi l-verità hi skomda, tiddarras tismagħha u, żied Franġisku, il-profeti minn dejjem kellhom dil-problema li jisfaw ippersegwitati għax jgħidu l-verità.

Imma jien kif nista’ ngħid jekk il-kliem qawwi tal-profeta hux verità? Meta dal-profeta mhux biss jgħid, imma wkoll jibki fuq il-poplu li jkun tbiegħed mill-verità. Min-naħa tiegħu Ġesù jċanfar bi kliem iebes meta jgħid “ja nisel ħażin u adulteru” u min-naħa l-oħra jibki fuq Ġerusalemm.

Dan hu l-eżami. Il-veru profeta għandu fih il-ħila li jibki minħabba l-poplu tiegħu u wkoll li jgħid affarijiet iebsin meta jkollu jgħidhom. Qatt mhu biered imma dejjem dirett, bla ħabi.

Il-Papa Franġisku għamilha ċara li l-veru profeta qatt mhu “profeta tad-diżgrazzji” imma “profeta tat-tama”. Jiftaħ il-bibien, ifejjaq l-għeruq, ifejjaq lill-poplu t’Alla biex jibqa’ miexi ‘l quddiem. Xogħolu mhux li jċanfar, xogħolu hu li jkun bniedem tat-tama. Iċanfar meta meħtieġ imma jiftaħ il-bibien b’ħarstu fuq ix-xefaq tat-tama. Iżda meta l-profeta jagħmel xogħolu kif imiss dejjem qed jilgħab mal-mewt.

B’hekk Stiefnu jmut taħt għajnejn Sawl, għax kien koerenti mal-verità. Wieħed mill-ewlenin missirijiet tal-Knisja kien qal li demm il-martri hu ż-żerriegħa tal-insara.

Il-Knisja llum teħtieġ aktar profeti, saħaq il-Papa u żied li hemm bżonn li aħna lkoll inkunu profeti. Mhux inkunu kritiċi, għax dik hi xi ħaġa oħra. Ħaġa li tkun dejjem tiġġudika u tikkritika għax ma jogħġbok xejn, u dan mhux sew u qatt m’għandu jsir. Dak il-bniedem mhux profeta.

Il-profeta hu l-bniedem li jitlob, iħares lejn Alla, lejn il-poplu tiegħu, iħoss in-niket meta l-poplu jiżbalja, jibki, jibki fuq il-poplu tiegħu u għandu ħila jirriskja ħafna għax jgħid il-verità.

Jalla fil-Knisja, temm jgħid il-Papa Franġisku, qatt ma jonqos dan is-servizz tal-profezija, biex nibqgħu mexjin dejjem ‘il quddiem.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: