Jafda fik!


Xi ġmiel ta’ kelma hi din! Nafdak! Hija kelma li, minkejja l-progress li għamilna, madankollu f’dan għandna lanqas biss bdejna! Fil-fatt mhux l-ewwel darba li nisimgħu min jgħid, b’qalbu maqsuma u ddiżżapuntat li ma ngħidlekx: “Illum ma tista’ tafda lil ħadd!”

U veru! Għax ma taf min se jittradik. Imma nistgħu nibqgħu ngħixu hekk? Il-ħin kollu b’għassa sħiħa għal kull kelma li ngħidu? Ma taħsbux li xorta waħda nkunu qiegħdin ngħixu f’ħabs? Sewwa! Mela noqgħod attent x’ngħid biex imbagħad, daqskemm noqgħod attent x’ħa ngħid, nispiċċa ngħix f’ħabs eżiżtenzjali mill-kbar nett. U le jaħasra!

Darba, persuna tal-Mulej, li personalment għandi ħafna fiduċja fiha, għaddietli messaġġ li baqa’ jidwi ħafna fija. U, dan il-messaġġ, huwa tant issejvjat sewwa ġewwa qalbi u moħħi li meta nkun f’mumenti iebsa lejH nirrikorri! L-għaliex minnu nieħu l-ħajja! U, l-għaliex sibtu tassew jgħinni, mhu qed niddejjaq xejn naqsmu miegħek illum. Fit-tieni Ħadd tal-Għid. Fil-Festa għażiża tal-Ħniena Divina! Mela din il-persuna tal-Mulej, u li tafni sewwa, qatli dawn il-preċiżi kelmiet: “Ġesù jafda fik!”

U veru! Għax, lanqas kieku rrid ma nista’ ngħid li mhux hekk. Ħajti ta’ saċerdot turini dan il-ħin kollu! L-għaliex kull darba li ngħid: Dan hu Ġismi. U dan hu Demmi, il-ħobż u l-inbid tabilħaqq isiru l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej f’idejja! Ara xi grazzja din! L-istess bħal kull darba li ngħid lil xi ħadd: U jiena naħfirlek dnubietek fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Tabilħaqq li dik il-persuna tispiċċa maħfura. Bħal, meta nidlek lil xi ħadd, u ngħidlu u ngħidilha b’fidi kbira fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħix fija: B’din id-dilka mqaddsa jieqaf miegħek il-Mulej bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Amen. Jaħfirlek dnubietek u jsalvak. Iħenn għalik u jgħinek. U x’jiġri? Dik il-persuna tabilħaqq tirċievi l-grazzja tas-sagrament tad-dilka tal-morda!

Illum ngħid li din il-fiduċja li l-Mulej Ġesù jurini ma jurihiliex biss fis-sagramenti. Iżda, u għax Hu Alla u mhux bniedem (li jekk jara ħotobtu jaqa’ u imut zoptu), jurihieli wkoll tul ħajti kollha. Jiġifieri fid-diversi ħidmiet li l-Ispirtu s-Santu jagħtini l-grazzja, (għax naf li ma jistħoqqlix), li nwettaq. U nemmen bis-sħiħ li anki lilek, hi x’inhi s-sejħa u r-rwol tiegħek fis-soċjetà u fil-Knisja, il-Mulej jafdak! Fil-verità ma jistax ma jafdaniex! Jekk Hu ħalaqna, u aħna tiegħu, aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu (Salm 100:3)?

U l-bużillis ta’ kollox qiegħed hawn! Mela aħna, li aħna dgħafja, ma nafdawx lil xulxin. Imbagħad Hu, il-Qaddis, u li jafna minn barra u minn ġewwa, u jaf sal-inqas dettall fuqna, u dak li għalina jgħaddi għalih ma jgħaddix, aqta’ kemm jafda fina! U, donnu aktar ma jafna aktar jafda fina! Għalina, li nirraġunaw bil-moħħ uman u limitat tagħna, u li jekk jaħsel jieħu grazzja miegħek jkun ħadha u jekk le jibqagħlek iebes ġebel bil-kburija u bl-arroganza kollha tiegħu, din il-biċċa xogħol żgur li ma tagħmilx sens! Għalina ġennata mill-kbar!

Madankollu, il-Mulej Ġesù jibqa’ jafda fina! Tant li bil-Kurunella tal-Ħniena Divina aqta’ kemm isalva nies! Isimgħu x’jgħidilha lil Santa Fawstina waqt li darba kienet mixja fil-kuridur fi triqitha lejn il-kċina, fil-qalba tar-ruħ tagħha: Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. Is-saċerdoti jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama tagħhom ta’ salvazzjoni. Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq li d-dinja kollha ssir taf bil-ħniena nfinita’ Tiegħi. Jiena nixtieq nagħti grazzji li ħadd ma jista’ jimmaġinahom lil dawk l-erwieħ li jafdaw fil-ħniena Tiegħi (Djarju, 687).

Jiena u int ma jistħoqqilnix. Għax tassew midinbin. Imma Ġesù jixraqlu! Ġesu l-Qaddis! Mela illum, b’rispett għall-fiduċja li għandu fina, ejjew inqerru, nitqarbnu, nattendu għall-adurazzjoni u nibdew nitolbu l-Kurunella tal-Ħniena Divina kuljum! U nixxerjawha fuq il-Facebooks tagħna!

Għax Ġesù jħares f’għajnejja u f’għajnejk, u, b’dik l-imħabba li biha jaf iħobb Hu biss, jibqa’ jgħidilna: Nafda fik!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: