Katekeżi Magħmudija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Is-sinjal tal-fidi Nisranija


2. Katekeżi dwar il-Magħmudija mill-Papa Franġisku. 18 ta’ April 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu, f’dan iż-Żmien tal-Għid, bil-katekeżi tagħna fuq il-Magħmudija. It-tifsira tal-Magħmudija toħroġ b’mod ċar miċ-ċelebrazzjoni tagħha, għalhekk ejjew nixħtu l-attenzjoni tagħna fuqha. Jekk inqisu l-ġesti u l-kelmiet tal-liturġija nistgħu nifhmu l-grazzja u l-impenn ta’ dan is-Sagrament, li dejjem fadlilna x’niskopru fih. Niftakru fih fit-traxxix bl-ilma mbierek li jista’ jsir il-Ħadd fil-bidu tal-Quddiesa, kif ukoll fit-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija fil-Velja tal-Għid.

 

Fil-fatt, dak li jseħħ fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija jqanqal dinamika spiritwali li tibqa’ fil-ħajja kollha tal-imgħammdin; hu l-bidu ta’ proċess li jgħinna ngħixu magħqudin ma’ Kristu fil-Knisja. Għalhekk, meta nerġgħu lura għall-għajn tal-ħajja Nisranija, dan iwassalna biex nifhmu aħjar id-don li rċivejna nhar il-Magħmudija tagħna u nġeddu l-impenn li nħaddnuh fil-qagħda li fiha ninsabu llum. Inġeddu l-impenn, nifhmu aħjar dan id-don, li hu l-Magħmudija, u nfakkru l-jum tal-Magħmudija tagħna. L-Erbgħa li għaddiet bgħattkom tagħmlu x-xogħol id-dar, kull wieħed u waħda minna kellu jiftakar il-jum tal-Magħmudija, f’liema jum ġie mgħammed. Jien naf li hemm fostkom min jaf, oħrajn, le; dawk li ma jafux, ħa jistaqsu lill-ġenituri, jew lil dawk il-persuni, il-parrini… jistaqsuhom: “Meta tgħammidt jiena?”. Għax il-Magħmudija hi twelid mill-ġdid, hi bħal għeluq is-snin ieħor. Fhimtu? Nagħmlu din il-biċċa xogħol id-dar, nistaqsu: “Liema hi d-data tal-Magħmudija tiegħi?”.

Qabelxejn, fir-rit tal-merħba, jiġi mistoqsi l-isem tal-kandidat, għax l-isem juri l-identità tal-persuna. Meta nippreżentaw ruħna, dritt ngħidu isimna: “Jien jisimni”, biex hekk noħorġu mill-anonimat, l-anonimu hu dak li m’għandux isem. Biex noħorġu mill-anonimat dritt ngħidu x’jisimna. Bla isem nibqgħu xi ħadd li ma jafna ħadd, bla drittijiet u bla dmirijiet. Alla jsejjaħ lil kulħadd b’ismu, iħobbna b’mod individwali, fil-konkretezza tal-istorja tagħna. Il-Magħmudija tkebbes il-vokazzjoni personali biex ngħixu ta’ Nsara, li mbagħad tiżviluppa tul il-ħajja kollha. U timplika tweġiba personali u mhux mislufa, “ikkupja u waħħal”. Fil-fatt, il-ħajja Nisranija hi minsuġa minn serje ta’ sejħat u ta’ tweġibiet: Alla jissokta jlissen isimna matul is-snin, biex fih tidwi b’elf mod is-sejħa tiegħu biex insiru ħaġa waħda ma’ Ibnu Ġesù. Mela l-isem hu importanti! Hu importanti ħafna! Il-ġenituri jaħsbu x’isem se jagħtu lil binhom diġà minn qabel it-twelid: anki dan jagħmel parti mill-istennija ta’ iben li, fl-isem tiegħu, sa jkollu identità oriġinali, anki għall-ħajja Nisranija marbuta ma’ Alla.

Bla dubju, li nsiru Nsara hu don li jiġi mill-għoli (ara Ġw 3:3-8). Il-fidi ma tistax tixtriha, imma titlobha iva, u tirċeviha bħala don iva. “Mulej, agħtini d-don tal-fidi”, hi talba sabiħa! “Li jkolli l-fidi”, hi talba sabiħa. Nitolbuha b’don, imma ma nistgħux nixtruha, nitolbuha. Fil-fatt, “il-Magħmudija hi s-sagrament ta’ dik il-fidi, li biha l-bnedmin, imdawla mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, iwieġbu għall-Vanġelu ta’ Kristu” (Rit tal-Magħmudija tat-Trabi, Introduzzjoni ġenerali, n. 3). Biex iqanqlu u jqajmu mill-ġdid fidi sinċiera bħala tweġiba għall-Vanġelu, hemm il-formazzjoni tal-katekumeni u ­t-tħejjija tal-ġenituri, kif ukoll is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla fl-istess ċelebrazzjoni tal-Magħmudija.

Jekk il-katekumeni adulti juru huma stess dak li jixtiequ jirċievu bħala don mill-Knisja, it-trabi huma ppreżentati mill-ġenituri, mal-parrini. Id-djalogu magħhom jgħin lilhom biex jesprimu r-rieda tagħhom li ċ-ċkejknin jirċievu l-Magħmudija u lill-Knisja l-fehma li tiċċelebrah. “Espressjoni ta’ dan kollu hu s-sinjal tas-salib, li ċ-ċelebrant u l-ġenituri jimmarkaw fuq ġbin it-trabi” (Rit tal-Magħmudija tat-Trabi, Introduzzjoni, n. 16). “Is-sinjal tas-salib hu l-marka ta’ Kristu fuq dak li se jkun tiegħu u jfisser il-grazzja tal-fidwa li Kristu kisbilna permezz tas-salib” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1235). Fiċ-ċerimonja nagħmlu s-sinjal tas-salib fuq it-trabi. Imma rrid nerġa’ lura għal argument li ġieli kellimtkom fuqu. It-tfal tagħna jafu jagħmluh tajjeb is-sinjal tas-salib? Kemm drabi rajt tfal li ma jafux iroddu s-salib. U intom, missirijiet, ommijiet, nanniet, parrini, għandkom tgħallmuhom irroddu s-salib sewwa għax hekk tkunu ttennu dak li sar fil-Magħmudija. Fhimtu? Ngħallmu lit-tfal jagħmlu tajjeb is-sinjal tas-salib. Jekk jitgħallmuh meta jkunu għadhom tfal, imbagħad wara jagħmluh tajjeb, meta jikbru.

Is-salib hu d-distintiv li juri min aħna: kif nitkellmu, naħsbu, inħarsu, naġixxu qiegħed taħt is-sinjal tas-salib, jew aħjar, taħt is-sinjal tal-imħabba ta’ Ġesù sal-aħħar. It-tfal huma mmarkati fuq il-ġbin tagħhom. Il-katekumeni adulti huma mmarkati anki fuq is-sensi, b’dawn il-kelmiet: “Ilqgħu s-sinjal tas-salib fuq widnejkom, biex tisimgħu leħen il-Mulej”; “fuq għajnejkom, biex taraw il-ġmiel tal-wiċċ ta’ Alla”; “fuq fommkom, biex twieġbu għall-kelma ta’ Alla”; “fuq sidirkom, biex Kristu permezz tal-fidi jgħammar fi qlubkom”; “fuq spallejkom, biex terfgħu l-madmad ħelu ta’ Kristu” (Rit tal-inizjazzjoni Nisranija tal-adulti, n. 85). Insiru Nsara skont kemm is-salib isir parti minna bħal siġill “tal-Għid” (ara Apok 14:1; 22:4), u hekk jagħmel viżibbli, anki minn barra, il-mod Nisrani kif naffrontaw il-ħajja. Meta nagħmlu s-sinjal tas-salib malli nqumu, qabel l-ikel, quddiem xi periklu, b’ħarsien mid-deni, filgħaxija qabel norqdu, ifisser li qed ngħidu lilna nfusna u lill-oħrajn ta’ min aħna, min irridu nkunu. Għalhekk hu tant importanti ngħallmu lit-tfal jagħmlu tajjeb is-sinjal tas-salib. U, kif nagħmlu aħna u deħlin il-knisja, nistgħu nagħmlu d-dar ukoll, billi nżommu bieqja ċkejkna tajba għal ftit ilma mbierek – xi familji jagħmluh dan: hekk, kull darba li nidħlu jew noħorġu, xħin nagħmlu s-sinjal tas-salib b’dak l-ilma, niftakru li aħna mgħammdin. Tinsewx, nirrepeti: għallmu lil uliedkom iroddu s-salib.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s