Kulħadd ħass it-telfa tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn, is-26 ta’ Marzu, il-preżentatur magħruf Taljan tar-RAI, Fabrizio Frizzi, ħallielna hekk. Ħabta u sabta! L-ewwel mara tiegħu, Rita Dalla Chiesa, ikkummentat hekk: “Kulħadd ħass it-telfa tiegħu”.

fabrizio-frizzi-5Fabrizio twieled f’Ruma nhar il-5 ta’ Frar 1958. Huwa beda l-karriera tiegħu fl-1980 billi mexxa l-auditioning għall-programm tat-tfal Il barattolo. Wara is-suċċess kbir ta’ dan il-programm għat-tfal Frizzi ġie mogħti fiduċja u prominenza kbira fix-xandir Taljan. Tant hu hekk li aktar tard Frizzi ippreżenta għadd ta’ programmi televiżi fosthom in-night shows tas-Sibt fil-għaxija bħal I fatti vostri u Scommettiamo che … ? Ta’ min isemmi wkoll programmi oħra mportanti li mexxa Fabrizio Frizz bħal Domenica In u għadd ta’ edizzjonijiet ta’ Miss Italia.

F’April 2014 Frizzi spiċċa t-tielet preżentatur tal-programm popolari quiz li jiġi mxandar fuq RAI UNO L’eredità. Dan wara li l-istess programm, li kien il-ħolma ta’ Amadeus u Stefano Santucci, ra xejn anqas minn tlett preżentaturi differenti li mexxewh b’tant professjonalità. L-ewwel preżentatur ta’ dan il-programm kien wieħed mill-oriġinaturi tiegħu stess, Amadeus. Dan seħħ mid-29 ta’ Lulju 2002 sal-10 ta’ Ġunju 2006. Imbagħad, mill-4 ta’ Settembru 2006 sas-26 ta’ Settembru 2015, daħal biex imexxieh Carlo Conti. Kien it-2 t’Ottubru 2016 meta Fabrizio Frizzi beda jmexxi hu dan il-programm. Dan baqa’ jwettqu sal-25 ta’ Marzu 2018, lejlet il-jum fejn Frizzi għalaq għajnejh darba għal dejjem għal din id-dinja. Tajjeb ngħidu li mit-30 t’Ottubru sal-15 ta’ Diċembru 2017 Frizzi kien mibdul minn Carlo Conti. Dan kien seħħ minħabba problemi ta’ saħħa li Frizzi beda jsofri minnhom.

Anki l-istat Taljan għaraf il-kapaċità kbira tal-preżentazzjoni li biha l-Mulej żejjen lil Fabrizio Frizzi. Fil-fatt, fl-2015, Frizzi ġie maħtur bħala Commendatore della Repubblica mill-President Taljan ta’ dak iż-żmien Giorgio Napolitano. Frizzi tant kemm kien jieħu xogħlu tal-preżentazzjoni bl-akbar serjetà li darba qal hekk: “Ix-xogħol tagħna (tal-preżentaturi) huwa wieħed li jekk tiżbalja kolp tispiċċa ‘l barra mill-ġirja”.

Frizzi kien jagħmel ukoll il-vuċi ta’ Woody the Cowboy, fil-verżjoni Taljana. Woody the Cowboy kien il-karattru ewlieni ta’ Pixar’s Toy Story Franchise. Toy story huwa serjè ta’ films animati bil-computer u Disney media franchise li bdew fl-1995 bl-istess isem. Ġew ipproduċuti minn Pixar Animation Studios u riliżjati minn Walt Disney Pictures.

Frizzi kien miżżewweġ lill-preżentatriċi Rita Dalla Chiesa, li kienet għaxar snin akbar minnu. Wara dan iż-żwieġ, li dam bejn Ġunju 1992 sal-2002, Frizzi u Dalla Chiesa iddevorzjaw. Madankollu wara dan id-divorzju Frizzi reġa’ daħal fi storja ta’ mħabba. Din id-darba ma’ mara li kienet iżgħar minnu kważi erba’ u għoxrin sena. U din il-mara, eżattament bħall-ewwel mara li kellu, kienet ukoll preżentattriċi televiżiva. Ovvjament qiegħed nirreferi għal Carlotta Mantovan. Frizzi kien iltaqa’ ma’ Mantovan matul l-auditions tal-2001 għall-konkors Miss Italia. Fabrizio Frizzi u Carlotta Mantovan iżżewġu nhar l-4 t’Ottubru 2014. Minn din l-imħabba ta’ bejniethom twieledet iċ-ċkejkna Stella.

Dwar din l-esperjenza Fabrizio Frizzi jistqarr hekk: “Li issir missier f’età avvanzata, kif ġara lili, kienet għażla ta’ mħabba u mhux att ta’ egoiżmu. Il-fatt li għandi sieħba li hi ħafna iżgħar minni naf li Stella hi f’idejn tajba… Niġġieled biex nissokta nara tikber il-ħlejqa tiegħi, biex nkun t’għajnuna għaliha u punt ta’ riferiment. Ma nafx jekk binti fehmitx dak li seħħ. Ippruvajna nipproteġuha. Madankollu naf li t-tfal jifhmu ħafna aktar milli naħsbu aħna. Kull ġurnata nilgħabu flimkien. Huwa l-mod tagħha kif tissapportjani u tagħtini l-enerġija biex nissokta nikkumbatti”.

Minkejja daqshekk suċċessi u popolarità anki Frizzi kellu jħabbat wiċċu mas-salib tal-mard. Fil-fatt, f’Ottubru tal-2017, dan il-preżentatur ġgant Taljan soffra emoraġija ċelebrali li wasslietu, kontra qalbu, biex jinqata’ għal ftit mix-xogħol tiegħu tal-preżentazzjoni li tant kien iħobb. Madankollu l-ħerqa u l-passjoni tiegħu għax-xogħol tiegħu ta’ preżentatur reġgħu poġġewh mill-ġdid fil-programm L’Eredità, eżattament f’Diċembru tal-istess sena.

Frizzi kien umli biżżejjed li jitħaddet bil-miftuħ dwar il-kundizzjoni mwiegħra ta’ saħħtu. Tant hu hekk li qal: “Wara l-marda fhimt li l-ħajja għandha tiġi gawduta. Ħadd ma jaf dak li jista’ jiġri”. F’dik il-famuża intervista li kien ta lill-ġurnal ta’ Milan, Corriere Della Sera, tal-25 ta’ Jannar 2018, fl-okkażjoni ta’ għeluq is-60 sena tiegħu, jiġifieri nhar il-5 ta’ Frar, Frizzi kien għamel riflessjoni tabilħaqq interessanti dwar l-esperjenza tiegħu tal-mard. Meta l-ġurnalista tal-Corriere, Emilia Costantini, staqsietu jekk din l-esperjenza kerha ressqitux aktar viċin in-nies, dan il-preżentatur ċelebri weġibha hekk: “Dejjem kelli l-furtuna li nkun ħafna viċin in-nies. Fl-età ta’ 40 sena kelli l-privileġġ li nagħti l-mudullun lill-persuna u hekk salvajtilha ħajjitha. U meta f’Ottubru sibt ruħi l-isptar, qalb ħafna morda, kelli l-fortuna li nħossni mfarraġ mill-affett tagħhom”.

Kienu ħafna l-kummenti sbieħ li ntqalu dwar Fabrizio Frizzi. Lorella Cuccarini, fuq Twitter, kitbet hekk: “Inħossuk… Intilfet is-sbuħija ġewwiena tiegħek”. Antonella Clerici, fuq Instagram, ippubblikat ritratt tagħha ma’ Frizzi bil-kliem: “Grazzi ħabib ta’ kollox”. Imbagħad, Giancarlo Magalli, qal: “Irnexxielu jdaħħal tbissima anki f’komunikazzjoni drammatika bħal din. U hija propjru din it-tbissima li qatt m’hi se tħallina. U għal kull tbissima li huwa rregalalna aħna nibqgħu rikonoxxenti lejh għal dejjem”.

Għalhekk kulħadd ħass it-telfa ta’ Fabrizio Frizzi. Ħassejnieh għat-tbissima tiegħu. U, fuq kollox, ħassejnieh, għas-sbuħija interjuri li kellu tiddi fih!

Leave a Reply

%d bloggers like this: