Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ma nistgħux nagħmlu evanġelizzazzjoni jekk nibqgħu mwaħħlin mal-pultruna

Ma nistgħux nagħmlu evanġelizzazzjoni jekk nibqgħu mwaħħlin mal-pultruna


Il-Ħamis 19 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-insara kollha għandhom dmir u missjoni li jevanġeliżżaw billi jitolbu l-grazzja tal-ħila li jisimgħu lill-Ispirtu s-Santu, u li joħorġu biex juru li huma qrib in-nies. Din l-evanġeliżżazzjoni ma tibdiex mit-teoriji imma mis-sitwazzjonijiet konkreti.

 

Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta hu u jirrifletti l-ewwel qari tal-liturġija tal-ġurnata meħud mill-Atti tal-Appostli li fih l-anġlu tal-Mulej jistieden lil Filippu biex iqum u jmur lejn in-nofsinhar fit-triq li minn Ġerusalemm tagħti għal Gaża, triq fejn hemm id-deżert.

Franġisku spjega li wara l-martirju ta’ Stiefnu faqqgħet persekuzzjoni kbira kontra l-insara u d-dixxipli xterdu ma’ kullimkien, fil-Ġudeja, fis-Samarija. Imma dak ir-riħ ta’ persekuzzjoni mbotta lid-dixxipli biex imorru ‘l hinn u kif jagħmel ir-riħ mal-pjanti ħadhom jiżirgħu il-Kelma t’Alla. B’hekk qal il-Papa b’nofs ċajta, bdiet il-”propaganda fide”. Minn persekuzzjoni id-dixxipli bdew l-evanġeliżżazzjoni.

Is-silta li qrjana fil-quddiesa hi ta’ sbuħija liema bħala, osserva Franġisku, hija trattat tal-evanġeliżżazzjoni għax hekk jevanġeliżża l-Mulej, hekk iħabbar u hekk irid lilna nevanġeliżżaw.

L-Ispirtu mbotta lil Filippu, u lilna l-insara, biex jevanġeliżża bi tliet kelmiet : “qum”, “ersaq” u “ibda mis-sitwazzjoni”. L-evanġeliżżazzjoni, issokta l-Papa, mhix pjan imfassal għall-prożelistiżmu. Huwa l-Ispirtu li jgħidlek kif u fejn għandek tmur twassal il-Kelma t’Alla, lil Ġesù. U jibda billi jgħidlek: “qum u mur”. Ma hemmx evanġeliżżazzjoni tal-pultruna. Qum, oħroġ, dejjem. Iċċaqlaq u mur fejn għadek twassal dil-Kelma.

Franġisku fakkar fil-ħafna rġiel u nisa li telqu minn artijiethom u nfatmu mill-familja biex imorru f’artijiet imbegħda ħalli jwasslu l-Kelma t’Alla. Bosta drabi ma kienux imħejjija tajjeb fiżikament biex jirreżistu l-mard li jsibu f’dawk il-postijiet u kienu jmutu f’età żgħażugħa jew martri. Dawn, osserva l-Papa, kif kien qalli Kardinal, huma l-martri tal-evanġeliżżazzjoni.

Il-Qdusija Tiegħu kompla jispjega li għall-evanġeliżżazzjoni m’għandniex bżonn ta’ xi manwal tar-regoli imma kulma rridu nagħmlu hu li nersqu qrib biex naraw x’qed jiġri u nibdew mis-sitwazzjoni u mhux mit-teorija. Filppu ma qatax qalbu u baqa’ jinsisti sakemm temm l-opra tiegħu. Hekk issir l-evanġeliżżazzjoni reġa’ saħaq il-Papa Franġisku. Issir bl-eżempju li nagħtu u anki bil-kelma tagħna.

Qum, ersaq qrib u ibda mis-sitwazzjoni, minn dik konkreta. Metodu sempliċi imma l-metodu ta’ Ġesù. Dejjem mexjin, dejjem fit-triq man-nies, qrib in-nies. B’dawn it-tliet metodi biss nistgħu nevanġeliżżaw dejjem taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għax mingħajru lanqas dawn it-tliet atteġġjamenti ma jaħdmu. Huwa l-Ispirtu li jimbuttana biex inqumu, nersqu qrib u nibdew mis-sitwazzjoni li nsibu. Temm jgħid il-Qdusija Tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: