Ir-Rebbiegħa: twelid u tiġdid


Qiegħdin fi żmien l-Għid. Jiġifieri qiegħdin fil-perjodu ta’ ħamsin jum li fihom qiegħdin niċċelebraw il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu. Fir-rejaltà qiegħdin fi żmien fejn fih qiegħdin nagħmlu tagħna dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla stess: Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej (S 34:9). Għax, u fil-verità, kemm jista’ ikun aktar tajjeb il-Mulej miegħek u miegħi milli li ħelsina mill-mewt u mid-dnub?

Darba ltqajt ma’ sentenza mill-isbaħ li kiteb il-kittieb Franċiż Victor Hugo fin-novella storika tiegħu li hi magħrufa mal-erbat irjieħ tad-dinja, Les Miserables, u li tgħid hekk: “Jekk in-nies ma ħabbewx lil xulxin ma narax ir-raġuni l-għaliex għandu jkun hemm ir-rebbiegħa”. Għax jekk ir-rebbiegħa tiġi fuqna biex tagħtina ħajja ġdida kemm aktar, int u jien, ikollna fina u bejnietna ħajja ġdida jekk ruħna tkun ġdida? Wara kollox, jiswa ġisem mingħajr ruħ imġedda fih? Karozza mingħajr petroljew diesel tista’ timxi? Mela nħalli f’idejk timmaġina ġisem mingħajr ruħ li tiċċarġjah,Li tagħtih il-ħajja u tmexxieh lejn id-destin etern tiegħu x’jista’ jagħmel.

L-ewwel, irrid niġġedded billi nsib aktar ħin għat-talb. Ħin li fih ningħaqad mal-Mulej Sidi. Ma jistax ikun li nibqa’ għaddej u għaddejja non stop. Minn filgħodu sa filgħaxija mingħajr l-iċken mument ta’ riflessjoni, meditazzjoni u ħin kwalittativ mal-Mulej. Tajjeb nifhem li l-Mulej qiegħed kullimkien. Mela, meta niftaħ il-Kelma tiegħu u naqraha u nimmeditaha huwa mument eċċellenti fejn fih nista’ nikber fir-relazzjoni tiegħi miegħu. Fiha jiena nara fejn qiegħed u qiegħdha f’ħajti. Min ħa l-ewwel post fiha. U x’inhuma dawk l-attitudnijiet li għalija huma bħall-ħaxix ħażin li jtellifni mill-perspettiva ta’ ħajti. Ovvjament, mat-talb, inżid ukoll is-sagramenti, l-aktar dawk tal-qrar u t-tqarbin.

It-tieni, l-għaliex fi żmien ir-rebbiegħa ma nżewwaqx ukoll dawn il-waqtiet ta’ talb b’xi biċċa mużika sabiħa? Li tirrilassani? Inkella, misjuq u misjuqa minn dan it-temp mill-isbaħ, nerħilha għall-mixja fil-kampanja fejn inkun nista’ napprezza l-fjuri, is-siġar u l-pajsaġġ tan-natura? Hawn tant imkejjen sbieħ fejn fihom nista’ nitgħaxxaq bil-ġmiel li ħoloq il-Mulej! Nista’ anki nitlob billi nfaħħar lill-Mulej ta’ dak li ħalaqli biex bih ngħix. Nista’ ngawdi tazza larinġ magħsur. U, waqt li nixrobha, infaħħar it-tjubija kbira li l-Mulej għandu għalija. Jien li ma tajtu xejn!

It-tielet, ir-rebbiegħa hija wkoll mument fejn neżamina ftit ir-relazzjonijiet tiegħi. Fis-skiet ta’ jum sabiħ tar-rebbiegħa nista nara fejn dawn ir-relazzjonijiet sejrin tabilħaqq. U x’qiegħdin isarrfu f’ħajti. Nista,’ fil-kwiet tar-rebbiegħa, nara ftit jekk dawn ir-relazzjonijiet humiex qiegħdin jagħmluli ġid għal ruħi. Humiex qiegħdin jiftħuni biex inkun persuna li nħobb lill-oħrajn mingħajr ma nistenna xejn lura. Tgħid liema huma r-relazzjonijiet li qiegħdin itaqqluni? Għaliex qiegħdin jikkawżawli din it-tbatija? X’nista’ nirranġa fihom dawn ir-relazzjonijiet? Hemm xi deċiżjonijiet li nista’ nieħu dwarhom? Għandi l-kuraġġ li dawn id-deċiżjonijiet noħodhom?

Ir-raba’, ir-rebbiegħa tfakkarni wkoll li fija hemm is-sikrana. U din is-sikrana trid, minn żmien għal żmien, toħroġ ‘il barra mill-ġnien ta’ ruħi. Inkella ruħi xi frott tista’ tagħti? Kif tista’ tabilħaqq tfaħħar lill-Ħallieq u lill-Feddej tagħha? Għalhekk tajjeb li, f’dan iż-żmien ta’ twelid u qawmien ġdid, nara ftit fejn jien qiegħed u qiegħdha fl-attitudninijet tiegħi. U b’liema mod qed inġib ruħi. Irrid nikber fl-ispirtu tiegħi? Jaqaw qed inħalli s-sikrana tal-individwaliżmu, tal-indifferenza u tal-egoiżmu jinbtu u jikbru fuq iż-żerriegħa tajba li l-Mulej żera’ fija? U, jekk dan qed iseħħ, xi frott nista’ nagħti? Tgħid wasal iż-żmien biex nitlob lill-Mulej ħalli jkabbarni fl-imħabba li tingħata lil ħaddieħor f’sens ta’ qadi? Wasal iż-żmien li, minn bniedem u bniedma naturali li jimxi u timxi bil-passjonijiet tal-ġisem u tal-opinjoni pubblika, ngħaddi għall-mod ta’ kif iridni l-Mulej bl-Ispirtu tiegħu? Wasalli ż-żmien li nibdel il-perspettiva tiegħi dwar il-ħajja?

Il-ħames, ir-rebbiegħa turini wkoll li ż-żmien prezzjuż. Jgħaddi malajr! Ikolli nagħti kont tiegħu. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan kollu, x’inhuma l-attivitajiet li qiegħdin jokkupaw il-ħin tiegħi? Kemm dawn l-attivitajiet qiegħdin jgħinuni nikber f’dak li hu sewwa, tajjeb u qaddis? Kemm jiena u l-oħrajn ta’ madwari qiegħdin nirċievu l-qawwa minn dak li qiegħed nagħmel? Jaqaw qed nehda wisq bija nnifsi? Jaqaw spiċċajt magħluq u magħluqa fid-dinja tiegħi? Tgħid qed ngħabbi wisq lili nnifsi b’affarijiet li ma jagħtunix sens f’ħajti? Forsi wasalli ż-żmien li niżbor ftit mill-aġenda tiegħi tal-ġurnata? Tgħid wasalli ż-żmien li nsib sens f’ħajti f’attivitajiet li jkabbruni tabilħaqq bħala persuna umana u ta’ fidi?

Is-sitta, ir-rebbiegħa hu żmien ta’ konverżjoni. Meta noqgħod għall-kwiet nibda’ nintebaħ kemm qalbi, moħħi u l-ispirtu tiegħi bdew jimtlew bit-trab tar-riżentiment, tas-sens ta’ ħtija, bil-kritika ħarxa u bl-intolleranza lejn l-aħjar? Iż-żmien tar-rebbiegħa jurini kemm huwa meħtieġ li fil-qalba ta’ ħajti u ta’ qalbi l-Mulej jikber fija u jien niċkien. Għalhekk, fis-skiet kollu u fil-verità sempliċi u assolutament umli, nibda’ nintebaħ bil-bżonn li nqerr qrara tajba. Biex niġi f’tiegħi. Biex nitwieled mill-ġdid. Biex moħħi, qalbi u ruħi jiġġeddu lejn il-Mulej, lejn l-oħrajn u, fuq kollox, lejja nnifsi stess. Tgħid dan il-pass f’din ir-rebbiegħa se nagħmlu?

Is-seba’, ir-rebbiegħa tfisser wkoll mod ieħor ta’ kif nieħu ħsieb tiegħi innifsi. Abbli f’din ir-rebbiegħa wasalli fl-aħħar il-waqt li ngħid le għat-tipjip li kissirli saħħti u herrhieli buti. Inkella li nfittex għajnuna ħa nieqaf, mill-aktar fis, mill-alkoħol li tant għamilli ħsara. Forsi wasal ukoll il-waqt li nagħmel check up kif imiss ħa nara ftit fejn jien f’saħħti. Jekk il-cholesterol huwiex sewwa. U z-zokkor huwiex ikkontrollat. U l-piż huwiex dak li saħħti titlobni li jkolli. Jista’ jagħti l-każ li għandi bżonn immur għand nutritionist biex nara ftit x’għandi niekol u x’tip ta’ ikel għandi nħalli barra mill-istonku tiegħi. Tgħid il-frott, il-ħaxix u ikel sustanzjuż ieħor m’għandux isir parti essenzjali mid-dieta tiegħi?

It-tmienja, żmien ir-rebbiegħa ifisser rikonċiljazzjoni. Kemm se nibqa’ għaddej u għaddejja bl-inkwiet, bil-ġlied, bir-riżentiment u bil-mibgħeda? X’garanzija ta’ ħajja dawn l-attitudnijiet distruttivi qed jagħtuni? L-għaliex ma nħallix din l-arja friska u safja u dan it-temp mill-isbaħ ta’ dawn il-ġranet, jiftħuni għall-imħabba, għall-onestà u għall-affett? L-għaliex ma niddeċidix li naħfer u ninsa’? Li nitfa’ kollox wara dahri ħa nibqa’ miexi u miexja fil-paċi ‘l quddiem?

Id-disa’, ir-rebbiegħa tgħallimni niċċelebra l-kapaċitajiet li l-Mulej tani. M’għandix le għalfejn nilbes żarbuna li ma tiġinix. U hekk twaqqagħni għal wiċċi. Iżda r-rebbiegħa tgħinni nkun l-aħjar li l-Mulej iridni nkun. Tgħinni napprezza t-talenti li żejjinni bihom. U, filwaqt li napprezza u nippromovi dawk ta’ ħaddieħor, ħalli wkoll naqsam magħhom dawk li ħallhieli f’idejja. U hekk, flimkien, ngħinu lil xulxin nikbru fil-ġid, fl-għożża u fl-apprezzament ta’ xulxin. Barra minhekk ejja nara d-dgħjufijiet tiegħi bħala opportunità tad-deheb biex nintelaq aktar f’idejn il-Mulej ħa jissokta ikabbarni fi mħabbtu.

Dawn kienu ftit punti ta’ kif ir-rebbiegħa tista’ tkun twelid u tiġdid għalija personali. Ejja ma ninsiex li meta dan it-twelid u t-tiġdid iseħħ fija ħaddieħor ukoll jikber mill-ġdid miegħi!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.