Katekeżi Magħmudija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-qawwa li negħlbu l-ħażen


3. Katekeżi dwar il-Magħmudija mill-Papa Franġisku. 25 ta’ April 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nissoktaw bir-riflessjoni tagħna fuq il-Magħmudija, dejjem fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.

Huwa l-Vanġelu li jdawwal lill-kandidati u jqanqalhom biex jagħmlu tagħhom din il-fidi: “Il-Magħmudija, b’mod partikulari, hi ‘sagrament tal-fidi’ għax hi dħul sagramentali għall-ħajja tal-fidi” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1236). U l-fidi hi l-għotja tagħna nfusna lill-Mulej Ġesù, li nagħrfuh bħala “għajn ta’ ilma […] għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:14), “dawl tad-dinja” (Ġw 9:5), “il-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25), kif tgħallimna l-mixja li jagħmlu, anki llum, il-katekumeni li jkunu waslu biex jirċievu l-Inizjazzjoni Nisranija.

 

Edukati għas-smigħ ta’ Ġesù, tat-tagħlim tiegħu u tal-opri tiegħu, il-katekumeni jgħixu mill-ġdid l-esperjenza tal-mara Samaritana għatxana għall-ilma ħaj, tal-agħma mit-twelid li jiftaħ għajnejh għad-dawl, ta’ Lazzru li joħroġ mill-qabar. Il-Vanġelu għandu fih il-qawwa li jibdel lil min jilqgħu bil-fidi, jaqilgħu mill-ħakma tal-ħażin biex jitgħallem jaqdi lill-Mulej bil-ferħ u b’ħajja ġdida.

Lejn il-Fonti tal-Magħmudija ma nimxu qatt waħidna, imma msieħba mit-talb tal-Knisja kollha, kif tfakkar il-Litanija tal-Qaddisin qabel it-talba tal-eżorċiżmu u d-dilka ta’ qabel il-Magħmudija biż-żejt tal-katekumeni. Huma ġesti li, sa mill-qedem, jiżguraw lil dawk li jersqu biex jitwieldu mill-ġdid bħala wlied Alla li t-talb tal-Knisja qiegħed magħhom fit-taqbida kontra l-ħażen, iseħibhom fit-triq tat-tajjeb, jgħinhom jaħarbu minn taħt is-setgħa tad-dnub biex jgħaddu għas-saltna tal-grazzja divina. It-talba tal-Knisja. Il-Knisja titlob u titlob għal kulħadd, għalina lkoll! Aħna l-Knisja, nitolbu għall-oħrajn. Kemm hi ħaġa sabiħa titlob għall-oħrajn! Kemm drabi ma jkollna l-ebda bżonn urġenti u allura ma nitolbux! Magħqudin mal-Knisja, aħna għandna nitolbu għall-oħrajn: “Mulej, nitolbok għal dawk li huma fil-bżonn, għal dawk li m’għandhomx fidi…”. Tinsewx: il-Knisja ma tehda qatt titlob. Imma aħna rridu nidħlu f’din it-talba u nitolbu għall-poplu kollu ta’ Alla u għal dawk li għandhom bżonn tat-talb. Għalhekk, il-mixja tal-katekumeni adulti hi mmarkata minn eżorċiżmi mtennija mis-saċerdot (ara KKK, 1237), jew aħjar, minn talbiet li jinvokaw il-ħelsien minn dak kollu li jifridna minn Kristu u jżommna milli nidħlu f’għaqda intima miegħu. Anki għat-trabi nitolbu lil Alla jeħlishom mid-dnub oriġinali u jikkonsagrahom bħala għamara tal-Ispirtu s-Santu (ara Rit tal-Magħmudija tat-trabi, n. 56). It-trabi. Nitolbu għat-trabi, għas-saħħa spiritwali u korporali tagħhom. Hu mod kif inħarsu lit-trabi bit-talb tagħna. Kif juru l-Vanġeli, Ġesù nnifsu ħadha kontra d-demonji u keċċiehom biex juri li kienet waslet is-saltna ta’ Alla (ara Mt 12:28): ir-rebħa tiegħu fuq is-setgħa tal-ħażin tagħmel wisa’ għal Alla li jsaltan bil-ferħ u jidħol mill-ġdid fi ħbiberija mal-ħajja.

Il-Magħmudija mhijiex xi formula maġika, imma don tal-Ispirtu s-Santu li lil min jirċeviha jsaħħu “biex jissielet kontra l-ispirtu tal-ħażen”, għax jemmen li “Alla bagħat fid-dinja lil Ibnu biex jeqred is-setgħa tax-xitan u lill-bniedem mid-dlam iqiegħdu fis-saltna tad-dawl tiegħu bla tarf” (ara Rit tal-Magħmudija tat-trabi, n. 56). Nafu mill-esperjenza li l-ħajja Nisranija dejjem hi suġġetta għat-tentazzjoni, fuq kollox għat-tentazzjoni li ninfirdu minn Alla, mir-rieda tiegħu, mill-komunjoni tagħna miegħu, biex nerġgħu naqgħu fin-nasbiet ta’ dak li tħajjarna għalih id-dinja. U l-Magħmudija tħejjina, issaħħaħna għal din it-taqbida ta’ kuljum, anki t-taqbida kontra x-xitan li – kif jgħid San Pawl – bħal iljun ifittex kif ħa jiblagħna u jeqridna.

Barra mit-talb, imbagħad hemm id-dilka fuq is-sider biż-żejt tal-katekumeni, li “jirċievu l-qawwa biex jiċħdu lix-xitan u lid-dnub, qabel ma jersqu lejn il-fonti u minnu jitwieldu mill-ġdid għal ħajja ġdida” (Barka taż-żjut, Daħla, n. 3). Minħabba fil-kwalitajiet taż-żejt li jgħaddi mit-tessuti tal-ġisem u jiswa ta’ ġid għalihom, il-ġellieda ta’ dari kienu jħobbu jindilku biż-żejt biex isaħħu l-muskoli u biex jaħarbu iżjed malajr minn taħt idejn l-avversarju. Fid-dawl ta’ dan is-simboliżmu, l-Insara tal-ewwel sekli addottaw l-użu tad-dilka tal-ġisem tal-kandidati għall-Magħmudija biż-żejt imbierek mill-Isqof, bħala tifsira li, permezz ta’ dan is-“sinjal ta’ salvazzjoni”, il-qawwa ta’ Kristu l-Feddej issaħħaħ għat-taqbida u r-rebħa fuq il-ħażen (ara Rit tal-Magħmudija tat-trabi, n. 105).

Mhix ħaġa ħafifa titqabad kontra l-ħażen, taħrab il-qerq tiegħu, terġa’ tikseb il-qawwa wara xi taqbida li ċċedik, imma għandna nkunu nafu li l-ħajja Nisranija kollha hi taqbida. Imma rridu nkunu nafu wkoll li m’aħniex waħidna, li Ommna l-Knisja titlob biex uliedha, imnissla mill-ġdid bil-Magħmudija, ma jċedux għall-attakki tal-ħażin imma jirbħulhom bil-qawwa tal-Għid ta’ Kristu. Imsaħħin fi Kristu Rxoxt, li għeleb lill-prinċep ta’ din id-dinja (ara Ġw 12:31), aħna wkoll nistgħu ntennu bil-fidi ta’ San Pawl: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4:13). Aħna lkoll nistgħu nirbħu, nirbħu fuq kollox, imma bil-qawwa li tiġina mingħand Ġesù.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s