L-Evanġelju tal-Ħamis 26 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 13, 16-20

Kapitlu 13 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann jibda bir-rakkont tal-istituzzjoni tas-sagrament tal-imħabba mwassla permezz tal-qadi; Ġesù jaħsel riġlejn id-dixxipli, l-imgħallem u l-Mulej, li jinżel għarrkopptejh quddiem kull wieħed li għażel u, mingħajr ma jħares lejn wiċċhom, jaħslilhom riġlejhom. B’dan li għamel, Ġesù, mhux biss għallimna kif għandna nġibu ruħna bejnietna, sewwa sew kif jagħmel hu, iżda libbes l-imħabba murija fil-qadi tal-proxxmu bid-dinjità tiegħu ta’ Alla; jekk Alla jaqdi għax iħobb, mela l-imħabba fil-qadi, hija għemil ta’ Alla, b’sinjali li jidhru, b’effetti li jinħassu.

Tassew li l-ilsir mhux aqwa minn sidu u lanqas il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibgħatu, iżda Ġesù nnifsu jagħmel lilu nnifsu lsir, Ġesù huwa l-messaġġier. Issa li dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom. Huwa faċli li nfaħħru lil min hu umli, lil min iħobb, li min imil quddiem anke l-aqwa għadu tiegħu u jaqdih u jħenn għalih, iżda hemm baħar jaqsam bejn dak li nfaħħru f’ħaddieħor u dak li nagħmlu aħna. La nfaħħru u nammiraw dak li jagħmel ħaddieħor ifisser li qed nagħrfu dak li jagħmel u x’hemm fil-pedamenti tiegħu; l-hena titnissel f’qalbna meta dak li nagħrfu u nammiraw f’min iġib ruħu hekk nagħmluh tagħna, nagħmlu bħalu.

Min jagħaraf u jammira iżda jibqa’ gallarija huwa dak li jiekol il-ħobż u jagħti bis-sieq, jirfes u jkasbar dak li hu stess jgħid li jgħożż, dak huwa li l-għemil tiegħu jittradixxi dak li jgħid li jemmen fih. Jekk il-kelma tagħna nużawha biex inqanqlu iżda l-eżempju tagħna jitfa l-ilma anke fuq l-iċken xrara li twassal biex tinbena l-għaqda inkunu qed inbiegħu b’irħis dak li hu bla prezz. L-għan ta’ dan l-għemil ta’ Ġesù huwa li jibni l-għaqda bejna dawk li jemmnu fih, għaqda li mhix ġejja mill-qliegħ baxx jew mill-kompliċità fl-għemil qarrieq, iżda fuq l-imħabba, fuq ir-rispett u fuq is-solidarjetà li jwasslu għall-komunjoni.

l-aħħar sentenza ta’ din is-silta għandha d-diwi tagħha fl-esperjenza ta’ Sawlu ta’ Tarsu fit-triq lejn Damasku. Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? Ġesù jidentifika lilu nnifsu mal-Knisja jew il-komunità ta’ dawk li jemmnu fih, u lilu nnifsu mal-Missier li bagħatu. Din il-komunjoni straordinarja mhix sempliċiment esperjenza umana, iżda divina, esperjenza li tgħaqqad u tfittex l-għaqda bejn il-bnedmin li jħobbu u jaqdu, għax Alla nnifsu jħobb u jaqdi.

Aħna nħambqu ħafna fuq l-għaqda, iżda ħafna drabi li nifhmu huwa l-għaqda tagħna kontra l-oħrajn u l-qawwa li ngħidu li hemm fl-għaqda, naraw fiha qawwa li trebbaħna fil-ġlieda kontra l-oħrajn. Din mhix l-għaqda ta’ min iħobb u jaqdi, anke jekk ħafna drabi niġġustifikaw dan il-ħsieb billi ngħidu li din it-tip ta’ għaqda tqanqal l-entużjażmu bie xnikbru aħna jew biexi nkabbru dak li jogħġobna. Alla m ajaħdimx hekk. L-għaqda li jitkellem dwarha Ġesù ma tinkludix kompetizzjoni, tpattija, vendikazzjoni, mibgħeda, firda, disprezz, żebliħ. Din hija għaqda li jippriedka min irid jaqsam ħa jsaltan hu.

Mhux li kien li min għandna quddiemna, anke jekk mhux fiżikament, huwa bniedem bħalna u aħna u huma għandna ħtieġa kbira f’ħajjitna, anke jekk ma naqblux, anke jekk l-umbrella li nużaw biex iddellilna mid-dawl tax-xemx il-kbira hija ta’ kulur jew ieħor, hija x-xewqa li nkunu maħbuba u li nħobbu. Ġesù jħajjarna nneħħu l-umbrella u ngawdu d-dawl tax-xemx li ma tinżel qatt.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.