Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Fis-sema Ġesù jaħdem u jitlob għalina

Fis-sema Ġesù jaħdem u jitlob għalina


Il-Ġimgħa 27 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-ġenna mhix xi post tad-dwejjaq kif jaħsbu xi wħud, imma laqgħa ma’ Ġesù. Alla wegħedna hena bla tmiem u aħna nimxu tul ħajjitna biċ-ċertezza tal-fiduċja li għandna f’dil-wegħda.

 

Illum,  il-Papa Franġisku ddedika l-omelija li għamel waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta lill-ewwel qari. Silta mill-Atti tal-Appostli li ttina d-diskors ta’ Pawlu fis-sinagoga ta’ Antjokja.

In-nies ta’ Ġerusalemm u l-mexxjja tagħhom, jgħid l-Appostlu, ma għarfux lil Ġesù u kkundannawh, imma wara li miet Hu reġa’ qam. “U aħna, itemm jgħid l-Apposltu, inħabbrulkom li l-wegħda li saret lill-Missirijietna seħħet għax Alla temmha għalina, uliedhom, billi qajjem li Ġesù”.

B’dil-wegħda ta’ Alla f’qalbu, issokta Franġisku, il-poplu beda mixja, ċert mill-fatt li sar jaf li kien “poplu magħżul”. Il-poplu, li spiss kien infidil, kien jafda fil-wegħda għax għaraf li Alla hu fidil. U b’hekk baqa’ miexi bil-fiduċja fil-fedeltà ta’ Alla.

Aħna wkoll ninsabu f’mixja u nistqasu lilna nfusna: “ninsab f’mixja, imma ‘l fejn miexi?” Miexi lejn is-sema. “U s-sema x’inhu?” U hawnhekk jibdew il-mistoqsijiet għax ma nafux inwieġbu eżatt x’inhi s-sema. Ħafna drabi naħsbu dwar xi ħaġa astratta, imbegħeda.

Uħud jaħsbu li hu xi post ta’ dwejjaq biex tibqa’ fih għall-eternità. Iżda l-ġenna mhix dan. Aħna mexjin lejn laqgħa: il-laqgħa definittiva ma’ Ġesù. Il-ġenna hi laqgħa ma’ Ġesù.

Aħna, żied jgħid il-Papa, irridu nżommu dan il-ħsieb f’moħħna: Jien miexi fil-ħajja biex niltaqa’ ma’ Ġesù. Laqgħa li ttina hena għal dejjem, afferma Franġisku. Imma mbagħad issib min jistaqsi: u sadattant Ġesù x’qiegħed jagħmel?

Ġesù, issokta l-Qdusija Tiegħu, mhux qiegħed bilqiegħda jistenna, imma kif jgħidilna l-Vanġelu, jaħdem għalina. Hu stess qal: “Afdaw fija” u “sejjer inħejjilkom post”. Allura x’inhi l-ħidma ta’ Ġesù? L-interċessjoni. It-talb ta’ interċessjoni.

Ġesù jitlob għalija, għal kull wieħed u waħda minna. U dan għandna ntennuh lilna nfusna biex nipperswadu ruħna: Hu fidil u Hu jitlob għalija. F’dan il-waqt stess.

Franġisku fakkar kliem Ġesù waqt l-Aħħar Ikla meta lil Pietru wegħedu: Jien se nitlob għalik. Għalhekk dak li qal lil Pietru qalu lilna lkoll: Jien nitlob għalik.

U kull wieħed u waħda minn għandna ngħidu: Ġesù qed jitlob għalija, qed jaħdem għalija, qed iħejjili l-post. U Huwa fidil: jagħmel dan għax hekk wiegħed.

Il-ġenna se tkun dil-laqgħa mal-Mulej li mar iħejjili l-post, il-laqgħa magħna lkoll. Dan jimliena bil-fiduċja u jsaħħaħielna.

Ġesù huwa s-saċerdot li jinterċedi għalina sal-aħħar taż-żminijiet. Jalla l-Mulej itina dan l-għarfien li aħna ninsabu f’mixja lejn dil-wegħda. Jalla l-Mulej itina dil-grazzja, temm Franġisku: li nħarsu ‘l fuq u naħsbu f’qalbna: il-Mulej qed jitlob għalija.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: