L-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Giovann Tabone mssp

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 28 ta’ April 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tal-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Giovann Tabone mssp fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Bil-kortesija ta’ Radju Luminaria.

a_2452-copy.jpg

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/437931282″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

 

Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex: ATTITUDNI PASTORALI FRISKA

F’pajjiżna drajna ngħixu f’soċjetà li l-valuri tagħha kienu mkenna b’qafas ta’ liġijiet ċivili. Il-fatt li dan il-qafas legali qed jinħatt ma jfissirx li l-valuri għebu; imma l-ambjent soċjali qed joffrilna sfida akbar biex il-pakkett ta’ valuri li għandu jservina bħala boxxla għall-ħajja, ikun frott ta’ għażla matura u konvinta. Jekk dawn il-valuri ma jibqgħux miktuba fuq il-kodiċi tal-liġi ċivili, Alla xorta jibqa’ jnaqqaxhom fil-qlub tal-bnedmin. Għalhekk, dak li huwa assolutament meħtieġ hu li Alla ma jgħibx mix-xefaq. Għalkemm madwarna jidhru sinjali li jindikaw li s-soċjetà tagħna qed tagħlaq il-bieb lil Kristu, dan ma jfissirx li Kristu għalaq il-bieb għalina. Proprju għax iħobbna, jaf jgħaddi mill-bibien magħluqa u jagħmel lilu nnifsu preżenti fostna. Għax jekk xi wħud qatgħu qalbhom minn Alla, Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna!

Il-preżenza fostna ta’ Dun Giovann Tabone, saċerdot novell fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, hija konferma li Alla jaħseb fina u bagħtilna saċerdot ieħor biex jgħinna f’dan il-proċess fejn il-bniedem (in-Nisrani) jeħtieġlu jiddixxerni l-preżenza ta’ Alla llum, mhux biss fil-Knisja imma fil-periferiji eżistenzjali tas-soċjetà lajka tagħna.

Fil-Vanġelu llum Ġesù jgħidilna: “Jiena d-dielja u intom il-friegħi”. F’dik li tidher frażi sempliċi, għandna affermazzjoni teoloġika b’tifsira profonda ħafna li għandha torjentana biex nadottaw attituduni ta’ pastorali friska.

Kieku ma hemmx id-dielja, il-friegħi ma jeżistux. Il-friegħi joħorġu miz-zokk tad-dielja. L-ewwel jitrawwam iz-zokk, imbagħad jispuntaw il-friegħi. Għalhekk meta Kristu jgħid li huwa d-dielja u aħna l-friegħi, qed jgħidilna li Alla jantiċipana f’kollox – Alla jippreċedi lil kulħadd, saħansitra lill-istess apparat istituzzjonali tal-Knisja! Kif jgħid Romano Guardini, “dak li jistenniena, qiegħed hemm qabilna”. Fi kliem il-Papa Franġisku, “Alla jasal qabilna, aħna l-friegħi u m’aħniex id-dielja. Għalhekk, issikktux il-leħen ta’ dak li sejħilna u taħsbux li huwa bis-saħħa tal-virtujiet foqra tagħkom jew huma l-istrateġiji ta’ min hu fl-awtorità li ser jiżguraw ir-riżultat tal-missjoni li Alla fdalkom” (7 ta’ Settembru 2017). Fl-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-Vanġelu l-Papa jikteb li “l-fidwa li joffrilna Alla hi frott tal-ħniena tiegħu. M’hemmx azzjoni li nistgħu nagħmlu bħala bnedmin, tajba kemm hi tajba, li tista’ taqlgħalna don hekk għoli. Alla, bi grazzja tiegħu biss, jiġbidna lejh biex jorbotna miegħu… Il-prinċipju tal-primat tal-grazzja għandu jkun il-fanal li jdawwal il-ħin kollu r-riflessjonijiet tagħna fuq l-evanġelizzazzjoni” (112).

Meta ngħid li Alla dejjem jantiċipana, forsi nistgħu ninħasdu xi ftit, għax normalment meta aħna nisimgħu “Wittu t-triq għall-Mulej”, dlonk nikkonkludu li rridu lil Alla jgħaddi mit-toroq li niftħulu aħna! Bil-kontra: huwa Alla li jiftħilna u jwittilna t-triq! Hu jimxi qabilna u mhux warajna. Dan nistgħu nikkonfermawh minn siltiet oħra mill-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt, meta qam mill-mewt, Ġesù lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija: lili jarawni hemmhekk” (Mt 28:10). San Ġwann jikteb: “Hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu” (1 Ġw 4:8). U meta Santu Wistin jikkummenta l-ġrajja ta’ Żakkew li tela’ fuq is-siġra biex jara lil Ġesù għaddej, jgħid li dan ra lil Ġesù għax, qabel, Ġesù tefa’ ħarstu fuqu: “Visus est et vidit”.

F’diskors li għamel fis-Sinagoga ta’ Buenos Aires, l-Arċisqof Bergoglio kien qal li “Alla jgħaddi qabilna (ci primerea) bħall-warda tal-lewża li jsemmi l-profeta Ġeremija (1:10-11)”. Il-ward ta’ Alla jiftaħ u jfewwaħ qabel tagħna. U f’ittra li kiteb f’Awwissu 2010, Bergoglio qal hekk: “Bħala xandara tal-Evanġelju, Alla jitlobna li nakkumpanjaw il-poplu li qiegħed f’mixja ta’ fidi. Għalhekk, Alla jirregalalna wċuħ, stejjer, avventuri. Tajjeb li niftakru li dak it-tifel, iż-żagħżugħ jew l-adult li Alla jqiegħed fit-triq tagħna, mhumiex xi ħaġa vojta li aħna rridu nimlew b’kontenuti jew persuni li rridu nirbħu. Il-Mulej diġà jgħammar f’qalbhom. El siempre nos precede, nos primerea”.

Dan kollu jitfa’ dawl fuq il-ħajja spiritwali tagħna lkoll, għax hemm ir-riskju li naqgħu f’żewġ ereżiji, antiki daqskemm huma attwali, li l-Papa jikteb dwarhom fl-aħħar Eżortazzjoni li tana, Ifirħu u thennew: li jkollna spiritwalità mingħajr Alla jew mingħajr Kristu (Injostiċiżmu Nisrani); jew li nkunu konvinti li kollox jiddependi mir-rieda tagħna (Pelagjaniżmu) (ara GE, 36; 49). Fi kliem ieħor, hemm il-biża’ li nagħtu importanza lill-friegħi u ninsew id-dielja.

Imma l-verità li Kristu huwa d-dielja u aħna l-friegħi tixħet ukoll dawl fuq l-attitudni pastorali tagħna s-saċerdoti! L-inizjattiva ta’ Alla dejjem tippreċedi l-inizjattivi u l-programmi tagħna s-saċerdoti u tal-Knisja. L-ewwel mossa tiġi minn Alla. Kollox jitlaq bil-qawwa tal-grazzja. Qabel ma nippretendu li ser immissu l-qalb tal-bniedem, irid ikun Alla li jilħaqha qabilna. “Il-grazzja taħdem fl-istorja u, normalment, taqbadna u tibdilna bil-mod il-mod. Jekk nirrifjutaw dan il-mod storiku u progressiv ta’ kif taħdem, fil-verità nistgħu naslu biex niċħduha u nagħlqulha t-triq, anki jekk bi kliemna nfaħħruha” (GE, 50).

Għalhekk, mhix il-missjoni tagħna li nimponu bilfors il-Vanġelu jew ma nittollerawx akkost ta’ kollox għażliet u stili ta’ ħajja li jkunu f’kuntrast qawwi mal-Vanġelu! Aħna msejħin biex inkunu bħal għassiesa b’għajnejna miftuħa ħalli nintebħu b’dawk is-sinjali tal-grazzja li Alla b’mod għalkollox gratuwitu kapaċi jitfa’ fl-istorja, fis-soċjetà u fil-ħajja tal-individwi. Konxji mill-fatt li l-Ispirtu ta’ Alla jinfed kullimkien, tajjeb li qabel ma niftħu fommna biex “nipprietkaw” u noħorġu jdejna biex “nagħtu” dak li ġie fdat f’idejna bħala saċerdoti, inkunu ftit aktar disponibbli biex nisimgħu, biex nammiraw is-sabiħ, il-veru u t-tajjeb li jista’ jaslilna mingħand min qatt ma nobsru. Aħna ma aħniex tant prekursuri bħalma kien Ġwanni l-Għammiedi, qisu għandna xi prerogattiva li b’sistema ta’ induttrinament inpoġġu lil Alla fil-qalb tal-oħrajn; inkella nkunu nantiċipaw lil Alla, inkunu ngħaġġlu l-pass ta’ Alla!

Min-naħa l-oħra, il-missjoni tagħna s-saċerdoti hija li nagħtu xhieda li aħna bnedmin li ltqajna ma’ din l-imħabba ta’ Alla. Aktar milli aħna għalliema ta’ duttrina, aħna għandna nfittxu l-preżenzi mġedda ta’ Alla f’ħajjitna; aħna ma aħniex sales persons tar-reliġjon ta’ Kristu, imma kontemplattivi ta’ dak Alla li dejjem jissorprendina fil-Galilija tagħna!

Ladarba Alla jaf ibejjet il-preżenza tiegħu qabel naslu aħna fil-ħajja tal-individwi u tas-soċjetà lajka, niżbaljaw jekk aħna, partikularment aħna l-presbiteri, nillimitaw il-preżenza tiegħu għall-għamliet kultwali tas-soltu (il-Kelma ta’ Alla, is-sagramenti, il-liturġija, u l-bqija). Kif diġà għidt, huwa dmir tagħna li ngħarrxu biex naraw nilmħux dawk is-sinjali tal-preżenza divina. Din il-preżenza ħafna drabi tkun moħbija fil-profondità bħal “ħaġra prezzjuża” mitlufa jew “it-teżor moħbi” li jsemmi l-Vanġelu!

Fil-qalb ta’ Alla hemm post ipprivileġġjat għall-foqra tant li hu nnifsu ftaqar. Billi Alla jrodd l-ewwel ħniena tiegħu lill-foqra, dawn għandhom qawwa li jevanġelizzawna. “Aħna fihom imsejħin niskopru lil Kristu… (mingħandhom) nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom” (EG, 198). Għalhekk, jekk irridu nfittxu lil Alla, infittxuh fil-foqra, għax Alla huwa dik il-perla moħbija f’dawk li huma fil-bżonn, fil-morda, fil-ħabsin, fl-orfni u f’dawk li huma skartati. Ġesù nnfisu jgħidilna: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont il-ħabs u ġejtu tarawni”. Għalhekk, dawn il-persuni huma d-dielja, u l-friegħi li ma jkunux imqabbda ma’ din id-dielja, ma jagħmlux il-frott tal-imħabba.

Il-foqra ma humiex biss dawk li jitkarrbu għall-għajnuna materjali; ma’ dawn hemm ukoll dawk li huma foqra spiritwalment u moralment. Il-miżerja spiritwali u morali ma timblukkax lil Alla milli joffri li jidħol fil-ħajja tagħhom. Anzi, huwa biss jekk jidħol hu li mbagħad forsi nistgħu nidħlu aħna l-friegħi. Huwa fatt li d-dnub huwa l-post ipprivileġġjat fejn Kristu jiltaqa’ mal-bniedem! Huwa biss wara li jkun daq il-benna tal-Ħniena divina li fil-bniedem titnissel ix-xewqa li jwieġeb u jinbidel. Hija l-maħfra li Alla jagħtina li tipprovoka l-indiema. Kif jgħid l-akkademiku Massimo Recalcati, “ma naħfirx lill-proxxmu għax dan ikun nidem, imma naħfirlu għaliex dan il-ġest jiftaħ ix-xenarju ineditu tal-indiema u jgħin lil dan il-proxxmu jerġa’ jibda mill-ġdid”. Fil-fatt, il-morali Nisranija hija “Chiamata e Risposta” (A. Gunthor) – tweġiba mqanqla quddiem il-ħniena li Alla jagħti b’idejh miftuħa mingħajr ma jistenna xejn lura, ħniena li ħafna drabi aħna nqisuha inġusta għax tissupera l-kriterji tagħna! Għalhekk, ma għandna qatt niddisprezzaw jew inkeċċu lill-midneb; anzi, infittxuh, għax nistgħu nibqgħu sorpriżi li nsibu li Alla jkun daħal għandu – insibu li Ġesù jkun qagħad madwar il-mejda ta’ dak li “aħna” nkunu eskludejnieh milll-mejda tagħna!

Għandu jkollna stima kbira lejn il-poplu ta’ Alla, magħmul minn ftit qaddisin imma ħafna midinbin, bħala għajn tal-fidi (sorgente di fede), għax hawn ukoll “id-dielja” (Kristu preżenti fi ħdan il-poplu tiegħu) taf tippreċedi l-“friegħi” (it-teologi)! Jekk nemmnu li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fl-Insara, allura jista’ jiġri, kif diġà ġara fl-istorja, li ż-żerriegħa tal-verità l-ewwel tiġi immaturata fi ħdan il-poplu ta’ Alla – ¬fi ħdan iċ-ċkejknin –, imbagħad tiġi milqugħa u elaborata mit-teologi. Fil-Knisja dan huwa magħruf bħala “s-sensus fidei” (l-istint tal-fidi) jew dik li f’terminoloġija għal qalb il-Papa Franġisku tissejjaħ “teoloġija tal-poplu”: “Il-preżenza tal-Ispirtu tagħti lill-Insara ċerta konnaturalità mar-realtajiet divini u għerf li bih jistgħu jintuwixxu dawn ir-realtajiet, anki jekk ma għandhomx f’idejhom l-għodda t-tajba biex jesprimuhom bi preċiżjoni” (EG, 119). Fi kliem il-Papa Benedittu, “il-poplu ta’ Alla huwa maġisteru li jippreċedi t-teoloġija” (Diskors waqt l-Udjenza ġenerali, 7 ta’ Lulju 2010). Dan ifisser li l-għarfien tal-misteru ta’ Alla (it-teoloġija) mhux dejjem jitlaq “minn fuq”, imma jaf jibda “minn isfel” – minn ħdan il-poplu ta’ Alla. Għax kif jirrimarka darba oħra Benedittu XVI, kien hemm teologi kbar u għalliema tal-fidi li “daħlu sa fl-inqas dettall tal-Iskrittura… imma ma setgħux jaraw il-misteru nnifsu, il-vera qalba … L-essenzjal baqa’ moħbi! Imma fi żmienna għandna wkoll iċ-ċkejknin li għarfuh dan il-misteru. Jiġuna f’moħħna Santa Bernardette Soubirous; Santa Tereża ta’ Lisieux, bil-mod ġdid li bih qrat il-Bibbja ‘mhux xjentifika’, imma daħlet fil-qalba tal-Iskrittura Mqaddsa” (Omelija fil-quddiesa mal-membri tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, 1 ta’ Diċembru 2009). Għaldaqstant, aħna s-saċerdoti aħna mibgħuta mhux biss biex ngħallmu imma wkoll biex nitgħallmu mill-esperjenzi u d-drammi tal-ħajja ta’ dawk li magħna jaqsmu l-fidi fi Kristu, għax hawnhekk insibu l-għodda meħtieġa biex nagħrfu b’mod dejjem aktar sħiħ il-verità ta’ Alla.

Għażiż Dun Giovann, dawn huma ftit riflessjonijiet li nafdalek fil-bidu tal-ministeru saċerdotali tiegħek – riflessjonijiet li jgħinuna nkunu saċerdoti kontemporanji għall-bniedem tal-lum. Bħal kull Nisrani, inti msejjaħ biex tkun missjunarju – imma fil-każ tiegħek, bħala iben is-Soċjetà mwaqqfa mill-Qaddej ta’ Alla Mons. Ġużeppi Depiro, il-mandat missjunarju huwa miktub fuq ġbinek. Inħeġġek biex tkun parti mill-Knisja li qed joffrilna l-Papa Franġisku – iċċedix għat-tentazzjoni li tkun saċerdot tal-Knisja tal-bieraħ! Fi kliem il-Papa Franġisku, il-Knisja tal-lum trid tkun “Knisja li toħroġ”, jiġifieri “komunità ta’ dixxipli missjunarji li jieħdu inizjattiva, li jinvolvu ruħhom, li jsieħbu lil oħrajn, li jagħmlu l-frott u jiffesteġġjaw” (EG, 24).

Nagħlaq b’din is-silta mill-Evangelii gaudium li fil-fehma tiegħi tippreżenta sintesi ta’ dawn ir-riflessjonijiet: “Il-komunità li tevanġelizza tagħraf li l-Mulej hu dak li ħa l-inizjattiva, hu mexa qabilha fl-imħabba, u għalhekk hi taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inzjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin. Tgħix bix-xewqa bla temma li toffri ħniena, u dan ġej mill-fatt li hi stess daqet il-ħniena infinita tal-Missier. Ejjew nindenjaw nieħdu ftit iżjed inizjattiva!… Il-komunità li tevanġelizza b’għemejjel u ġesti, tidħol fil-ħajja ta’ kuljum tal-oħrajn, tqassar id-distanzi, titbaxxa sal-punt tal-umiljazzjoni jekk hemm bżonn, u tħaddan il-ħajja umana, tmiss il-ġisem ta’ Kristu li jbati fil-poplu tiegħu… Fidila lejn id-don tal-Mulej, taf anki kif ‘tagħmel il-frott’” (EG, 24) – frott li jagħni l-ħajja tal-familja u tas-soċjetà.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading