L-Evanġelju tat-Tnejn 30 ta’ April 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 14, 21-26

Ir-raba’ appostlu li jikkonfronta lil Ġesù u bit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu Ġesù jkompli jemfasizza li hu u l-Missier huma ħaġa waħda u magħhom l-Ispirtu s-Santu jgħallem kollox u jfakkar kollox li dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħu għax iħobbuh.

Bil-mod il-mod Ġesù jintroduċi lid-ixxipli għall-ħajja ta’ Alla, għall-komunjoni li teżisti f’Alla nnifsu li jgħix għax iħobb u jħobb għax jgħix. Hija rivelazzjoni għad-dixxipli li f’moħħhom, bħal-Lhud kollha għandhom idea ta’ Alla wieħed, Alla li jħobb u jgħix bl-imħabba.

L-identità tad-dixxiplu mhix l-istqarrija tal-fidi bil-kliem iżda l-imħabba u l-mod kif jgħix il-kmadament tal-imħabba għax huwa l-kmandament ta’ Alla l-Missier li bagħat lill-Ibnu biex iwasslu lill-bnedmin bil-kliem u bl-għotja tiegħu innifsu u li bl-Ispirtu s-Santu jgħallem u jfakkar il-ħin kollu li dawk li jilqgħu il-Kelma li hi Ġesu stess.

Faċli ħafna ngħidu li aħna dixxipli ta’ Ġesù, mill-kbir saż-żgħir; nibdew dak kollu li ngħidu li aħna nemmnu fi Kristu, insara prattikanti, li m’għandna xejn kontrih, iżda mbagħad il-kumplament ikun bil-maqlub ta’ dak li jgħid hu, l-imġieba tagħna teħodna fejn ma jridniex immorru hu; nużaw il-laqam biex niġġustifikaw kulma nagħmlu bi skuża jew oħra; nippromwovu l-individwaliżmu meta hu jixtieqna nkunu ħaġa waħda billi naqdu. Le! Mhux kulmin jgħidli Mulej Mulej, iżda kulmin jisma’ kliemi u jwettqu.

l-Ispirtu s-Santu jista’ jgħallimna u jfakkarna kemm irid, iżda jekk aħna niddeċiedu li ninjoraw dak li jgħallimna u ninsew dak li jfakkarna, dak li jagħmel magħna ma jaqbad qatt art, u fina ma jagħmilx frott, ma jkollux effett, ma jagħajjixniex bil-ħajja li jrid jagħtina. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. Id-dinja hija dawk li ma jilqgħuhx għax ma jħobbuhx u m ajħobbuhx għax ma jilqgħuhx; dik hi d-dinja li ma tagħrfux. Dawk li jħobbuh u jħarsu kelmtu huma dawk li jagħrfuh waqt li jħobbuh għax iħarsu kelmtu.

M’hemmx triq oħra u m’hemmx mod ieħor. Inutli ngħidu li aħna tiegħu u nagħmlu li jfettlilna. Alla jaf li mhux veru u l-bnedmin ma jemmnuniex.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading