Niftħu għajnejna mill-kurżitajiet li ttina d-dinja virtwali


It-Tnejn 30 ta’ April, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jeħtiġilna niddixxernu sewwa bejn il-kurżitajiet ‘tajbin’ u dawk ‘ħżiena’ filwaqt li niftħu qlubna għall-Ispirtu s-Santu li jtina ċ-ċertezza. Il-Papa Franġisku għamel dawn iż-żewġ eżortazzjonijiet waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Huwa kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-Vanġelu tal-ġurnata meħud minn San Ġwann, kapitlu 14, versi 21-26.

 

Infatti, fil-Vanġelu nsibu djalogu bejn Ġesù u l-Appostli li fil-fehma tal-Papa huwa djalogu ‘bejn il-kurżità u ċ-ċertezza’.

Fl-omelija l-Papa spjega d-differenza bejn il-kurżitajiet tajbin u dawk ħżiena, għax ħajjitna hi mimlija kurżità. Bħala eżempju tal-kurżitajiet tajbin il-Papa Franġisku semma t-tfal li jkunu fiż-żmien li kollox jistaqsu ‘għaliex’. Jistaqsu għax huma u jikbru jindunaw li hemm affarijiet li ma jistgħux jifhmuhom, u jfittxu spjegazzjoni. Din hi kurżità tajba għax tgħinhom jiżviluppaw u jsiru aktar awtonomi. Hija wkoll, ikkummenta l-Papa, ‘kurżità kontemplattiva’ għax it-tfal jaraw, jikkontemplaw, ma jifhmux u jistaqsu.

It-tqassis u l-pettegolezzi, min-naħa l-oħra, huma kurżità ħażina, patrimonju kemm tan-nisa u anke tal-irġiel, minkejja li ħafna jsostnu li n-nisa huma agħar. Il-kurżità ħażina hi li tfittex iddeffes imnieħrek fl-affarijiet ta’ ħaddieħor, spjega l-Papa, li tfittex postijiet li fl-aħħar mill-aħħar iħammġu bnedmin oħra, li tgħaddi messaġġ biex ħaddieħor jifhem xi ħaġa li m’għandux dritt ikun jafha. Din il-kurżità ħażina tinsab magħna tul ħajjitna, hija tentazzjoni li qatt m’aħna se neħilsu minnha, widdeb il-Papa.

M’hemmx għalfejn nibżgħu, imma rridu noqogħdu attenti u ma nistaqsux, ma nħarsux u nirrifjutaw. Hemm ħafna kurżitajiet, per eżempju fid-dinja virtwali, fil-mowbajls…. It-tfal jidħlu fihom bil-kurżità li jaraw u jsibu ħafna affarijiet koroh. Kurżità bħal dik hi nieqsa mid-dixxiplina. Jeħtieġ ngħinu liż-żgħar jgħixu f’did-dinja, biex il-kilba għall-għarfien ma tkunx waħda ta’ kurżità li mbagħad tagħmilhom ilsira tagħha.

Il-kurżitajiet tal-Appostli fil-Vanġelu huma kurżitajiet tajbin: iridu jafu x’se jiġri u Ġesù jtihom iċ-ċertezza bit-tweġiba tiegħu. Ġesù ma jqarraq qatt u jwiegħed l-Ispirtu s-Santu li ‘se jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom jien.’

Iċ-ċertezza fil-ħajja jtihielna l-Ispirtu s-Santu li ma jiġix inewwillek xi pakkett taċ-ċertezzi. Lill-Ispirtu rridu niftħulu qalbna u nitolbuH jgħinna biex nagħmlu dan u Hu jtina ċ-ċertezzi, it-tweġiba fil-waqt. L-Ispritu s-Santu hu l-kumpann tagħna, il-kumpann tat-triq tan-Nisrani.

Infatti l-Ispirtu s-Santu jfakkarna kliem il-Mulej u jdawwalhulna. Għalhekk dan id-djalogu mal-Appostli hu djalogu tal-kurżitajiet umani, taċ-ċertezzi, u jintemm bir-riferiment għall-Ispirtu s-Santu li jakkumpanja l-memorja, li jmexxina lejn fejn hemm l-hena li ma tintemmx.

Il-Papa Franġisku ħeġġiġna biex immorru fejn hemm il-veru hena u huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħinna biex ma niżbaljawx. Għalhekk, temm Franġisku, nitolbu għal żewġ affarijiet: l-ewwel li jsaffilna l-kurżitajiet li aħna naċċettaw, biex nagħrfu niddixxernu: dan nista’ narah, dan le, din nista’ nistaqsiha, din le.

It-tieni grazzja li għandna nitolbu hi li niftħu qlubna għall-Ispirtu s-Santu sabiex bħala ħabib tagħna fil-mixja, itina ċ-ċertezza dwar dak li għallimna Ġesù, u biex ifakkarna kollox.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.