It-Tlett Ommijiet


ĦSIEB GĦAX-XAHAR TA’ MEJJU – Minn Patri Philip Cutajar OFMcap

Ninsabu diġà fix-xahar ta’ Mejju. Xahar li fih jispikka l-istaġun tar-rebbiegħa bil-fwieħa tal-fjuri u temp sabiħ. L-għeruq ta’ l-isem ta’ dan ix-xahar huwa ġej minn Maia: l-alla tal-fertilità – il-‘Bona Dea’. Għalkemm hemm interpretazzjoni oħra li tgħid li l-isem huwa ġej mill-kelma bil-Latin: ‘majores’ li tfisser ‘anzjani’ hekk kif ix-xahar ta’ Ġunju huwa ġej minn kelma oħra bil-Latin ‘iuniores’ li tfisser ‘żgħażagħ’.

Huwa wkoll ix-xahar magħqud ma’ l-Għid Il-Kbir li aħna l-insara niċċelebraw ta’ kull sena. Festa li tfisser dak li jiġri f’dan ix-xahar ta’ Mejju meta l-ħajja tiġġedded, tqum, tirxoxta wara l-istaġun tax-xitwa. Hawnhekk għandna wkoll it-tifsira tal-“bajda tal-Għid”: il-bajda li tfisser bidu ta’ ħajja ġdida hekk kif Ġesù bil-qawmien tiegħu mill-imwiet daħħal u hekk idaħħal lilna għal ħajja ġdida, twelid ġdid. Anke mall-figolla f’forma ta’ fenek hemm magħqud dan il-ħsieb: il-fenek li huwa simbolu ta’ fertilità.

JUM L-OMM

Kif ilkoll nafu li matul dan ix-xahar sabiħ ta’ Mejju niċċelebraw ukoll JUM L-OMM; forsi anke b’relazzjoni ma’ dak li diġà ktibt dwar it-tifsira ta’ l-isem ta’ dan ix-xahar. Din hija l-ewwel Omm, mit-tlett ommijiet tagħna, li nixtieq nagħmel riflessjoni dwarha. Nittama li nibqgħu niċċelebrawh JUM L-OMM għax hemm tentattivi li anke dan għandna nelliminawh minħabba kwistjonijiet ta’ ġeneru magħqudin ma’ kwistjonijiet oħra marbuta mad-definizzjoni ta’ familja, li kif nafu diversi jridu jbiddluha radikalment.

JUM L-OMM huwa jum l-Imħabba li kull Omm għandha tippersonifika, huwa wkoll jum ir-Rispett u r-Rikonoxximent għal dak kollu li kull Omm twettaq sa minn mindu tiġġenera f’ġufha t-tarbija, meta twelled u tieħu ħsieb l-iben jew il-bint li tkun ġabet fid-dinja u nistgħu ngħidu li dan il-proċess jibqa’ sejjer sal-mewt għax l-Omm tibqa’ tieħu ħsieb uliedha sal-mewt.

Għalkemm nafu li JUM L-OMM għandu jiġi ċċelebrat is-sena kollha għax matul is-sena kollha għandna niftakru f’dak li kull Omm tagħmel b’tant sagrifiċċji w imħabba; imma tajjeb li dan il-jum nibqgħu niċċelebrawh kif jixraq. Hekk kif f’Ġunju niċċelebraw JUM IL-MISSIER.

IX-XAHAR TAL-MADONNA – OMMNA

Din hija t-tieni Omm li għandna niftakru fiha matul ix-xahar ta’ Mejju. Għalina l-Insara, speċjalment għalina bħala Kattoliċi, ix-xahar ta’ Mejju huwa x-xahar ta’ Marija. Kemm hu sabiħ li matul dan ix-xahar nisimgħu l-kant ta’ l-Innu devot u profond li l-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila tana: “Fil-ħlewwa ta’ Mejju…” X’nostalġija meta kont għal 12-il-sena sħaħ f’Kuba ma kontx nista’ nisma’ l-kant ta’ dan l-innu sabiħ bil-malti; għalkemm huma wkoll għandhom innijiet Marjana sbieħ ukoll.

Matul is-sena għandna diversi ġranet ddedikati għal xi festa partikulari lill-Madonna; imma dan huwa x-xahar tagħha. Għandna nkomplu, speċjalment fl-iskejjel tagħna, din l-imħabba u d-devozzjoni lejn Ommna Marija fejn tajjeb li nkomplu nrawwmu d-drawwa ta’ l-Inkurunazzjoni tal-Madonna fl-aħħar tax-xahar ta’ Mejju.

OMMNA L-KNISJA

Il-Papa Franġisku meta jaqbad jitkellem dwar dan is-suġġett tal-“Omm” ninnutaw li diversi drabi jieħdu minn din il-perspettiva tat-tlett ommijiet li aħna għandna, jiġifieri dik ta’ l-Omm bioloġika li ġabitna fid-dinja; il-Madonna  bħala dik l-Omm li welditna fit-tbatija tal-ħlas taħt is-Salib meta Ġesù wellidna għall-ħajja ġdida; u mhux inqas il-Knisja li hija wkoll ‘Omm u Għalliema’ tagħna.  Dan il-Papa Bergoglio jasal għalih frott l-esperjenzi li għamel fil-ħajja tiegħu. Għalih huma t-tlett ommijiet li f’ħajtu tawh mhux biss il-ħajja fiżika, dak li tagħmlu l-omm bioloġika, imma wkoll il-ħajja spiritwali li hija daqstant ieħor importanti. U din il-ħajja spiritwali tiegħu jafha kemm lil ommu naturali: Marija Regina Sivori, kif ukoll lill-Madonna li mis-sema tibqa’ tieħu ħsiebna u tipproteġina u mhux inqas il-Knisja li bħala Omm tħobbna, tiddefendina, tagħmlilna kuraġġ sabiex nibqgħu miexja ‘l quddiem fil-ġlieda tagħna kontra kull ħażen u bis-Sagramenti twelidna għall-ħajja spiritwali. Il-Knisja  bħala Omm tibqa’ tieħu ħsiebna mit-twelid sal-mewt speċjalment bit-tagħlim tagħha. Saħansitra l-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali  tal-14 ta’ Settembru 2014 kien iddedika katekeżi sħiħa fuq dan is-suġġett  tal-“Knisja Omm” li hija b’imħabba kbira tgħallimna wkoll l-opri tal-ħniena li jinħtieġ li nuru bejnietna bħala ulied-aħwa.

Għal Papa Franġisku dawn it-tlett Ommijiet: l-Omm bioloġika, il-Madonna u l-Knisja huma tlett ommijiet marbuta flimkien. Il-vera Omm bioloġika li tħobb lill-uliedha għandha twassalhom għand Ommna Marija bil-għan li huma wkoll jiskopruha bħala l-Omm spiritwali tagħhom; u mhux inqas għandha twassalhom sabiex jħarsu lejn il-Knisja bħala dik l-Omm li fuq kull livell tieħu ħsieb lill-bniedem sakemm twasslu fis-sema pajjiżna.

Qabel nikkonkludi nixtieq naqsam magħhom riflessjoni taħt forma ta’ mistoqsija:

  • Wassaltilkom dwan il-ftit ħsibijiet dwar it-tlettt ommijiet li għandna, tgħid fost il-valuri li huma għaddejja minn kriżi f’pajjiżna, dawn it-tlett ommijiet huma wkoll fi kriżi?
  • Hija għaddejja minn kriżi l-omm biloġika speċjalment bil-liġijiet li qed jgħaddu mill-parlament malti?
  • Ir-relazzjoni awtentika tagħna ma’ Marija-Omm tagħna hija wkoll fi kriżi forsi b’influwenza ta’ ħutna mifrudin?
  • U x’ ngħidu għall-Knisja: kemm qed inħarsu lejha mhux bħala ommna imma wkoll bħala Għalliema?

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.