Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta 1 ta’ Mejju 2018

L-Evanġelju tat-Tlieta 1 ta’ Mejju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 13, 54-56

Aħna nsejħu lilna nfusna Nsara, dawk li huma msieħba ma’ dak li ġej minn Nazaret u ħafna minna kburin b’dan l-isem, għalkemm mhux dejjem nagħmlulu ġieh. Iżda San Mattew jidher li n-nies ta’ Nazaret impressjonawh ħafna b’ħaġa waħda: in-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Tfixklu minħabba f’Ġesù u dak li qal u għamel.

Nazaret ma kien magħruf xejn. Raħal li nisimgħu dwaru għall-ewwel darba fir-rakkonti tat-tfulija ta’ Ġesù. Ommu u San Ġużepp, kienu minn hemm, innamraw hemm u kienu qed iħejju biex jibnu l-familja tagħhom hemm. Mhux magħrufa kienu u mhux magħrufa kienu jibqgħu li kieku Alla ma daħalx fl-istorja ta’ ħajjithom u huma, anke jekk mhux bilfors fehemu u minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha, emmnu l-kelma li ntbagħtitilhom u ddeċiedew li jwettquha. Alla jaħdem id f’id mal-bniedem għall-ġid.

Ma nimmaġinawx li x’imkien kien hemm monumenti għal nies kbar li twieldu hemm. L-isem tar-raħal lanqas fil-profeziji ma kien previst. Anonimità assoluta. Jista’ jkun li dan ġiegħel lin-nie sta’ dan ir-raħal ikollhom opinjoni fqira ħafna tagħhom infushom. Żgur li nies ta’ bliet oħra ma kellhom ebda stima lejhom; x’qatt jista’ joħroġ tajjeb minn Nazaret. Il-laqam li bih kien magħruf Ġesù u saħansitra l-iskrizzjoni miktuba minn Pilatu biex titwaħħal fuq is-salib setgħu kienu jfissru Ġesù li ġej mix-xejn, Ġesù li ġej minn fejn qatt ma ħareġ xejn tajjeb.

Meta ma apprezzawx lilhom infushom ġew f’dubju anke dwaru, wieħed minnhom. Tfixklu. Ħalltu anke l-messaġġ mall-messaġġier u l-messaġġ tnaqqaslu l-valur għax, f’għajnejhom, min wasslu, kien wieħed minnhom, wiħed li ġej mix-xejn u fix-xejn kellu jerġa jmur.

Tfixklu. Kif nitfixklu aħna meta naraw dak li Alla jrid minna u għalina u naħsbu li qed jesaġera, qed jippretendi żżejjed, għax moħħna mistrieħ b’dak li aħna aħna u mhux b’dak li jixtieq għalina Alla. Aħna żgħar u m’għandniex ħila, m’għandniex is-saħħa meħtieġa biex inqumu fuq saqajna u nimxu; nippreferu l-krozzi tal-imgħoddi, tan-nostalġija għal dak li kien, is-sigurtà li offirtilna x-xemx li tegħlet dalgħodu kif telgħet il-bieraħ u ma ġabet xejn ġdid magħha.

Aħna nafdaw lilna nfusna u mhux lil xi ħadd li jiġi u jurina li nistgħu nafdaw f’xi ħadd li jixtiqilna iktar ġid milli nixtiequ għalina nfusna. Aħna nogħxew niddandnu fid-dinja żgħira li sibna lesta u ninjoraw il-fatt li d-dinja hija ħafna ikbar, il-ħajja ħafna isbaħ meta nkissru l-qoxra tal-bajda tagħna u nittawlu ’l barra. Fidi bħal din m’għandhiex għeruq fil-fond, ma sservix wisq.

Il-verità ta’ Alla hija ħafna ikbar mill-opinjonijiet fqar u limmitati tagħna, ħafna drabi mmexxija minn dak li jridna naħsbu dwarna nfusna ħaddieħor li l-uniku skruplu tiegħu hu kif se jgħolli lilu nnifsu mnn fuq dahrna. U aħna nimxu warajh u wara l-opinjoni li għandu dwarna u li jekk jista’ jkun irid li aħna jkollna dwarna nfusna.

Din mhix fidi. In-Nazzrenu, li tiegħu insejħu l-isem aħna u niddefinixxu lilna nfusna trabba u għex f’Nazaret biex jiftaħ xefaq bla tarf, biex juri d-dinjità vera ta’ kull bniedem, biex bħal tromba jħabbar ix-xewqa ta’ Alla għal kull maħluq. Il-biża’ u l-bluha jrekknuna fil-kenn ta’ dak lijaħseb dwarna ħaddieħor, tad-dinja żgħira li ħafna jridu jżommuna fiha biex nintilfu fl-intietef u nħallu għajnejna jingħalqu u widnejna jittarxu quddiem l-univers infinit ta’ Alla u mħabbtu għalina, għall-qawwa straordinarja li għandu l-bniedem imsieħeb ma’ ħuh, għall-eternità li jista’ jkollu jekk ikisser il-qoxra u jafda mija fil-mija f’Alla.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: