Lectio Divina għas-6 Ħadd tal-Għid.  Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw 15. 9-17): X’nifhmu meta ta’ spiss ngħidu “Inħobbok”? Għal ħafna hija kelma sentimentali, imqanqla mis-sbuħija ta’ persuna u x-xewqa li dik il-persuna ssir tħobbni. Jekk dan iseħħ, jien se nkun kuntent. Għalhekk, ma’ “inħobbok” inżid “lest nagħmel kollox biex tkun tiegħi,” “ma nistax ngħix mingħajrek.”

Il-Griegi jsejħu din l-imħabba eros. Din hi ħaġa tajba, maħluqa minn Alla, meta poġġa fil-bniedem l-attrazzjoni naturali li raġel ikollu lejn mara u viċi-versa. Eros tesprimi ruħha fis-sodisfazzjoni personali u ta’ spiss tiġbed lejn l-egoiżmu. Mela eros ma tkoprix l-aspetti kollha tal-imħabba. In fatti, jekk relazzjoni bejn mara u raġel tkun ibbażata fuqha biss, għandha ħajja qasira. Din l-imħabba hi bbażata fuq in-natura bijoloġika tal-bniedem u li, xi wħud, ma jagħrfux jikkontrollaw.

  1. Ġesu llum qed jipproponi kwalita oħra ta’ mħabba ġejja minn natura ġdida – dik ta’ ulied Alla. Din mhux eros – in fatti, eros ma nsibuhiex fit-Testment il-Ġdid. Din tissejjaħ Agape mill-verb agapann, li ġiet tfisser it-termini Nisranija tal-imħabba. Is-silta tal-lum hija parti mid-diskors ta’ Ġesu fl-Aħħar Ċena, meqjuż bħala t-testment u l-kliem l-aktar qaddis tiegħu. Ġwanni jiddedika ħames kapitli għal dan id-diskors. Ġesu jinsisti fuq l-imħabba bħala agapann, tant li nsibuha 25 darba. Ġesu qed ikellem mhux biss lid-dixxipli li kellu quddiemu imma lid-dixxipli ta’ kull żmien.
  2. “Kif ħabbni l-Missier, hekk ħabbejtkom jien.” Fl-ewwel ittra tiegħu, Ġwanni jikteb: “Alla huwa mħabba,” i.e. f’Alla m’hemm xejn ħlief imħabba. Ġesu hu l-maħbub, i.e. dak li hu involut kompletament f’did-dinja ta’ mħabba. Illum qed jistieden lid-dixxipli: “Ibqgħu fl-imħabba Tiegħi, involvu u kkommettu ruħkom f’din l-imħabba.” Din hi differenti mill-imħabba bijoloġika, i.e. dik li biha nfittxu s-sodisfazzjon personali. Din ġejja mill-għoli u hija l-istess ħajja Divina preżenti fina. Alla hu mħabba u jrid li din il-ħajja turi ruħha fina kif ġiet murija f’Ġesu. Il-karatteristika ta’ din l-imħabba hi l-gratuwita, imħabba bla kundizzjonijiet (bla “imma”, “basta”, “dment”), li tixprunana biex nixtiequ l-ġid u l-ġid biss tal-proxxmu, il-ħajja u l-ħajja biss ta’ l-ieħor, anki jekk ikun għamlilna xi deni. Anki jekk dan japprofitta ruħu minna, aħna m’għandna nagħmlu xejn ħlief inkomplu nxerrdu dan id-DNA t’Alla li aħna rċevejna b’xejn bħala rigal. Mela, fil-waqt li eros hi fil-biċċa l-kbira dikjarazzjoni ta’ imħabba possessiva (“inħobbok dment li tkun tiegħi”), l-agape tiddikjara: “Jien inħobbok u lest nagħmel kollox biex narak ferħan.  L-iskop ta’ ħajti hu li narak kuntent, anzi lest nagħti ħajti għalik, anki jekk issamarni ma’ salib.” L-agape mhux oppost għall-istint senswali tal-eros għax dan ħalqu Alla. Imma l-eros għandu jħalli l-agape jipperfezzjonah u jgħollieh għal dik ir-rejalizzazzjoni sħiħa biex wieħed isir rigal għall-oħrajn. B’hekk wieħed ikun jista’ jgħix l-eros fil-milja tiegħu għax ikun qed jgħix bħala rigal u mhux bħala dak li jipposjedi lill-ieħor.
  3. “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi billi tħarsu l-Kmandamenti.” Il-Kmandament uniku hu dak tal-imħabba, jiġi minn ġewwa għax hu l-wirt tagħna bħala ulied Alla. M’huwiex impost minn barra. Biex dan ngħixuh fir-rutina ta’ kuljum għandna l-għajnuna tal-10 Kmandamenti, għax jiġri li niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ sitwazzjoni konkreta, i.e. ċans li nisraq, nigdeb, eċċ.  “Min ma jħobbx lil ħuh li jara, ma jistax iħobb lil Alla li ma jarax…..jekk Alla ħabbna tant li bagħat lil Ibnu l-waħdieni għalina,” (1 Ġwanni) anki aħna rridu nħobbuh fil-proxxmu. Alla tana l-ħajja, l-ferħ, ħalaq id-dinja għalina.  Diffiċli biex inpattulu direttament. Hu għamilha faċli għalina: “Ħobbuni billi tħobbu l-proxxmu kollu, għax dawn kollha huma uliedi.” E.g. Wieħed ma nafux jgħinni f’emerġenza. Inħossni obbligat u nkun nixtieq inpattilu, imma jilħaq jitlaq. Allura, biex inkun ġust infittex biex nagħmel l-istess ma’ xi ħadd ieħor.  Aħna maħluqin għal din l-imħabba. Nirċevuha fil-familja li nitwieldu fiha, u ngħadduha lil żwieġna, ‘l uliedna u n-neputijiet. Ma nitħallsux għal din l-imħabba għax nagħtuha minn rajna bl-akbar ġenerożita’. In fatti, min jibda jfittex il-grazzi, jissogra li r-relazzjoni bejn membri tal-familja ma jibqgħux sodi.
  4. X’inhu l-għan aħħari ta’ din l-imħabba? “Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi ikun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu.” Min jibqa’ nvolut fid-dinamika ta’ din l-imħabba għandu ċans kbir li jgħix ferħan, anki meta l-affarjiet ma jkunux sejrin tajjeb. L-ebda mard u ebda tradiment minn xi ħbieb jew qraba ma jneħħilna din is-serenita’ li ġġib magħha din l-imħabba. Kemm drabi nfittxu l-ferħ mod ieħor (e.g. b’xi sodisfazzjon egoist) u nispiċċaw b’togħma qarsa! Alla ħalaqna għal dan il-ferħ. Għalhekk dan il-ferħ jibqa’.
  5. Hemm imħabba oħra espressa bil-verb vilein li jfisser “imħabba bejn il-ħbieb.” Dil-kelma ma tantx insibuha fl-Evanġelji. “Ma nsejħilkomx qaddejja imma ħbieb, għax … kull ma smajt minn għand Missieri jien għarraftulkom.” Qaddej jobdi l-ordni bla ma jsaqsi għaliex, basta jitħallas. Għad fadal Insara li jqisu ruħhom hekk – qaddejja ta’ Alla padrun. Jobdu bl-amment basta jieħdu l-premju. Ġesu llum irid iħassar din l-immaġini minn moħħna: “irridkom tkunu ħbieb tiegħi, tafdawni, taqsmu l-idejat, il-ħsibijiet u l-proġetti tiegħi biex flimkien inwettquhom bis-sħiħ. Ma nistax insejħilkom qaddejja għax jien qsamt magħkom il-pjan Divin tas-salvazzjoni għad-dinja, i.e. li nipproponi l-bniedem il-ġdid li l-mudell tiegħu hu l-Iben t’Alla.” Meta Ġesu jaqsam magħna dan kollu jurina kemm aħna importanti għalih. Bħal meta b’rigal lil xi ħabib nuru kemm nafuh, x’iħobb l-aktar u li bih se jifraħ. B’hekk iħoss kemm hu importanti għalija. L-iskop tar-rigal m’huwiex il-ħlas imma li nsaħħaħ il-ħbiberija u nkabbar il-ferħ meta jien nagħti minn qalbi. In fatti jiġri li mal-ewwel okkażżjoni dal-ħabib se jirreċiproka.  Mela mhux kwesjoni ta’: “Jien nobdi l-Kmandamenti u daqshekk!” Dan hu biss il-minimu.  Mal-ħbieb mhux hekk. Anzi, meta nirrejalizzaw f’liema kawża nobbli Ġesu jrid jinvolvina, żgur li aħna nagħmlu l-almu tagħna biex intuh 100% tal-koperazzjoni tagħna, billi nagħtu bil-qalb bla ma nistennew ħlas lura, ħlief il-ferħ li jtina l-fatt li konna ta’ servizz għall-Ħabib tagħna. Ġesu jridna nkunu ħbieb tiegħu b’dan il-mod.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading