Għejun ta’ ilma ħaj


4. Katekeżi dwar il-Magħmudija mill-Papa Franġisku. 2 ta’ Mejju 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Aħna u nkomplu mexjin fir-riflessjoni tagħna fuq il-Magħmudija, illum nixtieq nieqaf fuq ir-riti ċentrali, li jsiru biswit il-Fonti tal-Magħmudija.

Qabelxejn ejjew inħarsu lejn l-ilma, li fuqu tiġi msejħa l-qawwa tal-Ispirtu biex ikun jista’ tnissel mill-ġdid u jġedded (ara Ġw 3:5 u Tit 3:5). L-ilma hu għajn ta’ ħajja u ta’ ġid, waqt li n-nuqqas tiegħu jwassal għall-mewt ta’ kull ħajja, kif jiġri fid-deżert; imma l-ilma jista’ jkun ukoll kawża ta’ mewt, meta jgħarraq bil-mewġ tiegħu jew b’volum kbir ikaxkar kull ħaġa li jsib quddiemu; fl-aħħar nett, l-ilma jista’ jaħsel, inaddaf u jsaffi.

Il-Bibbja titlaq minn dan is-simboliżmu naturali, magħruf universalment, biex tfisser l-interventi u l-wegħdiet ta’ Alla permezz tas-sinjal tal-ilma. Madankollu, il-qawwa tal-maħfra tad-dnubiet, kif kien ifisser Sant’Ambroġ lil dawk li kienu għadhom kemm ġew mgħammda, mhix qiegħda fl-ilma fih innifsu: “Rajt l-ilma, imma mhux kull ilma jfejjaq: ifejjaq l-ilma li għandu l-grazzja ta’ Kristu. […] L-azzjoni hi tal-ilma, imma l-qawwa hi tal-Ispirtu s-Santu” (De sacramentis 1,15).

Għalhekk li l-Knisja ssejjaħ l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fuq l-ilma “biex dawk li fih jirċievu l-Magħmudija, jindifnu ma’ Kristu fil-mewt u miegħu jqumu mill-ġdid għall-ħajja ta’ dejjem” (Rit tal-Magħmudija tat-trabi, n. 60). It-talba tal-barka tgħid li Alla ħejja l-ilma “biex ikun sinjal tal-Magħmudija” u tfakkar il-prefigurazzjonijiet bibliċi: fuq l-ilmijiet tal-bidu kien jittajjar l-Ispirtu biex jiżra’ l-ħajja (ara Ġen 1:1-2); l-ilma tad-dilluvju mmarka tmiem id-dnub u l-bidu ta’ ħajja ġdida (ara Ġen 7:6-8,22); bl-ilma tal-Baħar l-Aħmar ulied Abraham ġew meħlusa mill-jasar tal-Eġittu (ara Eż 14:15-31). F’rabta ma’ Ġesù, niftakru fil-magħmudija fil-Ġordan (ara Mt 3:13-17), id-demm u l-ilma li gelglu minn ġenbu (ara Ġw 19:31-27), u l-mandat lid-dixxipli biex jgħammdu lill-ġnus kollha fl-isem tat-Trinità (ara Mt 28:19). Imsaħħin minn din il-memorja, nitolbu lil Alla jsawwab fl-ilma tal-fonti l-grazzja ta’ Kristu li miet u rxoxta (ara Rit tal-Magħmudija tat-trabi, n. 60). U hekk, dan l-ilma jinbidel f’ilma li jġorr fih il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U b’dan l-ilma, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ngħammdu lin-nies, ngħammdu lill-adulti, lit-trabi, lil kulħadd.

Wara li jiġi mbierek l-ilma tal-fonti, hemm bżonn niftħu qalbna biex tersaq għall-Magħmudija. Dan iseħħ biċ-ċaħda tax-Xitan u l-istqarrija tal-fidi, żewġ azzjonijiet marbutin sfiq bejniethom. Skont kemm ngħid “le” għat-tħajjir tax-xitan – dak li jifred – inkun kapaċi ngħid “iva” lil Alla li jsejjaħli biex nitwaħħad miegħu fil-ħsieb u fl-għemil. Ix-xitan jifred; Alla dejjem jgħaqqad lill-komunità, lill-bnedmin f’poplu wieħed. Mhux possibbli nsiru nixbhu lil Kristu jekk nagħmlulu l-kundizzjonijiet. Irridu ninqatgħu minn ċerti rabtiet biex nistgħu tabilħaqq inħaddnu magħna oħrajn; jew int sew ma’ Alla, jew int sew max-xitan. Għalhekk iċ-ċaħda u l-att tal-fidi jmorru flimkien. Irridu nkissru ċerti pontijiet, nagħtuhom daharna, biex nistgħu naqbdu t-Triq il-ġdida li hi Kristu.

It-tweġiba għall-mistoqsijiet – “Tiċħad lix-Xitan, l-għemil kollu tiegħu, u l-ġibdiet kollha tiegħu għall-ħażen?” – hi magħmula fl-ewwel persuna singular: “Niċħad”. U bl-istess mod hi mistqarra l-fidi tal-Knisja, li tgħid: “Nemmen”. Jiena niċħad u jiena nemmen: hawn għandna l-bażi tal-Magħmudija. Hi għażla responsabbli, li titlob li tiġi mlaħħma f’ġesti konkreti ta’ fiduċja f’Alla. L-att ta’ fidi jissupponi impenn li l-istess Magħmudija tgħinna nżommu b’perseveranza fid-diversi sitwazzjonijiet u provi tal-ħajja. Niftakru fl-għerf tal-qedem ta’ Iżrael: “Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej, ħejji ruħek għat-tiġrib” (Sir 2:1), mela ħejji ruħek għat-taqbida. U l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu tagħtina l-qawwa biex nitqabdu tajjeb.

Għeżież ħuti, meta nbillu subgħajna fl-ilma mbierek – aħna u deħlin il-knisja mmissu l-ilma mbierek – u nagħmlu s-sinjal tas-Salib fuq ġbinna, ejjew naħsbu bil-ferħ u l-gratitudni fil-Magħmudija li rċivejna – dan l-ilma mbierek ifakkarna fil-Magħmudija – u nġeddu l-“Amen” tagħna – “Jiena kuntent” –, biex ngħixu mgħaddsa fl-imħabba tat-Trinità Qaddisa!

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.