L-isqfijiet għandhom jiddefendu lill-fidili minn min jifxilhom


Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

It-tema tar-riflessjoni li għamel illum il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kienet dwar il-ħarsien tal-fidi u l-konfermazzjoni tagħha. Franġisku kien qed jikkummenta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli li fih naqraw dwar waqt diffiċli fi ħdan il-komunità ta’ Antjokja.

 

‘Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom.’ Hekk kitbu dawk l-Insara lil Pietru u lill-appostli għax, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, huma qatgħuha li jirreaġixxu biex fosthom terġa’ ssaltan il-paċi.

Għalhekk, issokta l-Papa Bergoglio, intbagħtu f’Antjokja Pawlu u Barnaba flimkien ma’ xi rġiel oħra. Meta dawn l-Insara qraw l-ittra, ferħu – ikompli jgħidilna l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli – minħabba l-kuraġġ li qanqlet fihom. Dawk li kienu resqu quddiemhom bħala ‘kampjuni tal-vera duttrina’, li kienu jaħsbu li kienu l-veru teoloġi tal-Kristjaneżmu, kienu ħawdu lill-poplu: iżda l-appostli, l-isqfijiet tal-lum, ikkonfermawhom fil-fidi.

L-isqof, afferma Franġisku, hu dak li jgħasses, huwa s-sentinella li jaf jgħarrex biex jiddefendi l-merħla mill-ilpup li jersqu lejha. Il-ħajja tal-isqof titwaħħad ma’ dik tal-merħla tiegħu.

Iżda, kompla jgħid il-Papa, l-isqof jagħmel xi ħaġa aktar minn hekk: bħar-ragħaj, jishar ukoll. Kelma sabiħa biex tiddeskrivi l-vokazzjoni tal-isqof. Li tishar ifisser li tkun ħaġa waħda mal-ħajja tal-merħla tiegħek. Ġesù jagħmel għażla ċara bejn ir-ragħaj tajjeb u dak li hu mħallas u li ma jinteressahx li jiġi l-lupu biex jikollu waħda, għax ma jimpurtahx. Il-veru ragħaj, però, jishar u moħħu fil-ħajja tal-merħla tiegħu; ma jiddefendix biss lin-nagħaġ kollha, imma jiddefendihom waħda waħda, jikkonfermahom waħda waħda, u jekk waħda titbiegħed jew tintilef, imur ifittixha u jġibha lura. Jgħasses, tant li ma jħalli ebda waħda minnhom tintiliflu.

Il-veru ragħaj jaf in-nagħaġ b’isimhom waħda waħda u dan – afferma Franġisku – jgħinna nifhmu kif Ġesù ried li jkun l-isqof: qrib. U lill-poplu nisrani, l-Ispirtu s-Santu tah il-ħila li jifhem fejn hemm l-isqof ta’ veru.

Kemm drabi smajna: ‘Dan isqof twajjeb, imma ma jiħux wisq ħsiebna, dejjem għandu x’jagħmel.’ Inkella: ‘Dan l-isqof negozjant, iħobb jispekula, u dan mhux sew.’  Jew, ‘Dan l-isqof moħħu f’affarijiet li ma jaqblux mal-missjoni tiegħu.’  Jew: ‘dejjem bil-bagalja f’idu, dejjem idur,’ u ħafna aktar minn dan. U l-poplu t’Alla jinduna meta r-ragħaj hu ragħaj, meta hu qrib, meta r-ragħaj jaf jishar u jagħti ħajtu għall-merħla. Din hi l-qrubija.

Hekk għandha tkun il-ħajja tal-isqof u hekk għandu jmut. Il-Papa Franġisku ġab l-eżempju ta’ San Turibju minn Mogrovejo, li miet f’villaġġ indiġenu ċkejken, imdawwar mill-Insara li kienu qed idoqqulu strument biex imut fil-paċi.

Nitolbu lill-Mulej, temm il-Papa, biex itina dejjem rgħajja tajbin, biex fil-Knisja qatt ma jonqos il-ħarsien tar-rgħajja, għax ma nistgħux ngħaddu mingħajr rgħajja ta’ dix-xorta. Jalla jkunu bnedmin hekk: ħaddiema, bnedmin ta’ talb, qrib, qrib tal-poplu t’Alla… fi kliem ieħor, bnedmin li jafu jishru kif imiss.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.